Huwa jistabbilixxi lista pubblika tal-linji tal-ajru li huma pprojbiti milli jtiru fl-UE minħabba li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ sigurtà meħtieġa (Anness A) u tal-linji tal-ajru li huma ristretti milli jtiru taħt ċertu kundizzjonijiet (Anness B).
Huwa jiżgura li l-passiġġieri jkunu jafu l-identità tal-linja tal-ajru li jtiru biha.
PUNTI EWLENIN
Linja tal-ajru titqiegħed fuq il-lista pprojbita jekk jinstab li għandha nuqqasijiet serji tas-sigurtà u tonqos milli tikkoreġihom.
Jeżistu kriterji komuni tal-UE bbażati fuq standards tas-sigurtà rilevanti biex jiddeterminaw jekk projbizzjoni tal-operat għandhiex tiġi imposta. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ temendahom fid-dawl ta’ żviluppi xjentifiċi u tekniċi.
Jekk jinqalgħu problemi ta’ sigurtà mhux mistennija, pajjiż tal-UE jista’ jimponi projbizzjoni immedjata fuq linja tal-ajru.
IL-linji tal-ajru jingħataw l-opportunità li jinstemgħu jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet biex tqiegħed kumpanniji tal-ajru fuq il-lista pprojbita.
Din il-lista hija ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE għandhom jiffaċilitaw l-aċċess pubbliku għal-lista, b’mod partikolari permezz tal-internet. L-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili u l-ajruporti għandhom ukoll jagħmlu lill-pubbliku konxju dwarha.
Il-bejjiegħa tal-biljetti, l-organizzaturi ta’ ġiti u l-aġenti tal-ivvjaġġar għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri dwar l-identità tal-linja tal-ajru li hija ppjanata li tintuża għall-ivvjaġġar tagħhom meta jkunu qed jagħmlu l-prenotazzjonijiet tagħhom. Il-passiġġieri għandhom ikunu infurmati dwar bidliet sussegwenti malajr kemm jista’ jkun u, mill-inqas, fiċ-check-in jew mat-tlugħ abbord l-ajruplan.
Il-passiġġieri huma intitolati għal rimbors jew l-għoti ta’ rotta ġdida jekk il-linja tal-ajru titqiegħed fuq il-lista pprojbita wara li jkunu għamlu l-prenotazzjoni.
F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija komprensiva tal-avjazzjoni għall-Ewropa. Barra milli qed tipprova ttejjeb il-kompetittività tas-settur, l-istrateġija tenfasizza l-importanza li jinżammu standards tas-saħħa u tas-sigurtà għoljin u li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġieri.
Sa Novembru 2016, kull linja tal-ajru mhux tal-UE li ttir lejn l-UE se jkollha bżonn awtorizzazzjoni unika tas-sigurtà maħruġa mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jivvalidaw il-konformità tal-linji tal-ajru mal-istandards tas-sigurtà internazzjonali u huma validi madwar l-UE.
Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 344, , p. 15–22)
L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
ATTI RELATATI
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 tat- li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta' kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, , p. 14–28).