Miżuri kontra l-marda Afrikana taż-żwiemel
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Direttiva 92/35/KEE — regoli ta’ kontroll u miżuri biex tiġi miġġielda l-marda Afrikana taż-żwiemel
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Il-marda Afrikana taż-żwiemel hija marda virali li taffettwa l-equidae* kollha li normalment hija fatali fiż-żwiemel u jista’ jkollha konsegwenzi soċjoekonomiċi serji. Id-direttiva tistabbilixxi regoli ta’ kontroll u miżuri biex tiġi miġġielda l-marda.
PUNTI EWLENIN
-
Jekk żiemel wieħed jew aktar f’art agrikola jkun suspettat li għandu l-marda Afrikana taż-żwiemel, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jiġu nnotifikati immedjatament. L-awtoritajiet għandhom ipoġġu l-art agrikola taħt sorveljanza uffiċjali, u jistabbilixxu l-miżuri segwenti:
-
ċensiment uffiċjali tal-equidae, inkluż dawk li diġà mietu, ġew infettati jew jistgħu jiġu infettati;
-
ċensiment tal-postijiet konduttivi għall-insetti li jġorru l-marda;
-
investigazzjoni sħiħa u eżami kliniku tal-equidae;
-
l-equidae għandhom jinżammu protetti kontra l-insetti li jġorru l-marda;
-
il-moviment tal-equidae minn u lejn l-art agrikola għandu jiġi projbit;
-
sforzi sabiex jinqerdu l-insetti li jġorru l-marda fejn jinżammu l-equidae;
-
il-karkassi l-equidae għandhom jinqerdu.
-
Jekk il-marda tiġi kkonfermata, il-miżuri stabbiliti ser jinkludu:
-
l-equidae kollha infettati, jew dawk b’sintomi, għandhom jinqatlu immedjatament u l-karkassi tagħhom għandhom jinqerdu;
-
il-miżuri ta’ prekawzjoni għal artijiet agrikoli suspettati bil-marda huma estiżi għal artijiet agrikoli f’distanza ta’ mill-inqas 20 km minn dawk fejn l-infezzjoni tkun ikkonfermata;
-
l-equidae f’din iż-żona ta’ 20 km għandhom jiġu mlaqqma, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi.
-
Għandha titwaqqaf żona ta’protezzjoni’sorveljanza ta’ mill-inqas 100 km madwar l-artijiet agrikoli infettati, fejn l-equidae kollha jiġu eżaminati klinikament u l-moviment jiġi pprojbit ħlief lejn biċċerija fi ħdan iż-żona ta’ protezzjoni jew żona taħt sorveljanza. Żona ta’sorveljanza normalment testendi 50 km lil hinn miż-żona ta’ protezzjoni f’żoni fejn ma jkunx sar tilqim sistematiku fit-12-il xahar preċedenti.
-
Il-persuni li jgħixu f’dawn iż-żoni jridu jkunu informati dwar ir-restrizzjonijiet kollha fis-seħħ It-tilqim sistematiku tal-annimali jista’ jsir biss fiż-żona ta’ protezzjoni.
-
Il-pajjiżi tal-UE jridu jaħtru laboratorju nazzjonali biex jikkoordinaw ir-rispons għall-marda, u jaħdmu f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-UE oħrajn u mal-laboratorju ta’ riferenza fi Spanja.
-
Kull pajjiż irid ifassal il-pjan ta’kontinġenza tiegħu stess biex jirrispondi għall-marda, inkluż l-istabbiliment ta’ ċentru ta’ kriżi u ċentri ta’ kontroll ta’ mard lokali. L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jwettqu verifiki għall-għarrieda biex jiżguraw li dawn l-istabbilimenti qed iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom bis-sħiħ.
-
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jassisti lill-Kummissjoni fl-immaniġġjar tal-marda Afrikana taż-żwiemel.
Revoka
Id-Direttiva 92/35/KEE ser tiġi revokata u ssostitwita bir-Regolament (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Hija ilha tapplika mit-18 ta’ Mejju 1992. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 1992.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
* TERMINI EWLENIN
equidae: annimali ekwini bħal żwiemel, ħmir u żebri, u l-frieħ tagħhom ta’ tnissil imħallat
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/35/KEE tad-29 ta’ April 1992 li tistabilixxi r-regoli ta’ kontroll u miżuri biex tkun miġġielda l-marda Afrikana taż- żwiemel (ĠU L 157, 10.6.1992, pp. 19–27)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/35/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.
DOKUMENTI RELATATI
Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, pp. 1–208)
Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, pp. 1–24)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 20.10.2016