Aġenziji tal-Unjoni Ewropea (UE) huma korpi li huma distinti mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn huma stabbiliti biex iwettqu kompiti speċifiċi tekniċi, xjentifiċi jew amminstrattivi. Huma jistgħu jinqasmu f’erba’ gruppi:
- Aġenziji deċentralizzati huma korpi maħluqa minn liġi sekondarja biex jiġġestjonaw kompiti speċifiċi tekniċi, xjentifiċi jew maniġerjali. Huma għandhom il-personalitajiet legali tagħhom, huma mwaqqfa għal perjodu indefinit u huma lokalizzati fl-UE kollha. Huma jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u jappoġġjaw kooperazzjoni bejn l-UE u gvernijiet nazzjonali billi jiġbru flimkien għarfien espert u għarfien tekniku u speċjalizzat mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll minn awtoritajiet nazzjonali. Bħalissa hemm aktar minn 30 aġenzija deċentralizzata. Eżempji jinkludu l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil.
- Aġenziji eżekuttivi jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea tiġġestjona kompiti speċifiċi assoċjati ma’ programmi tal-UE. Dawn huma stabbiliti għal perjodu fiss ta’ żmien u huma bbażati fi Brussell. Hemm sitt aġenziji eżekuttivi, inkluża l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA), li tiġġestjona programmi tal-Kummissjoni li jikkontribwixxu għal dekarbonizzazzjoni u tkabbir sostenibbli, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), li tiġġestjona finanzjament għall-edukazzjoni (bħal pereżempju għal Erasmus+), kultura, awdjoviżiv, sport, ċittadinanza u volontarjat.
- Aġenziji tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, inkluża l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, u aspetti oħra tal-azzjoni esterna tal-UE. Hemm tliet tali aġenzij: l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Studji fuq is-Sigurtà u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea.
- L-aġenziji tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (Euratom) kienu maħluqa biex jikkoordinaw programmi nazzjonali ta’ riċerka nukleari għal skopijiet paċifiċi, biex jipprovdu għarfien, infrastruttura u finanzjament għal enerġija nukleari, u biex jiżguraw provvisti suffiċjenti u sikuri ta’ enerġija nukleari. Iż-żewġ aġenziji f’dan il-grupp huma l-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom u l-Impriża Konġunta Fusion for Energy