Hija għandha l-għan li tippromwovi kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar f’postijiet ta’ kostruzzjoni fejn il-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għal riskji ta’ livell partikolarment għoli.
Hija teħtieġ:
li jiġu adottati kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ saħħa waqt id-disinn u l-organizzazzjoni ta’ proġetti;
li titwaqqaf katina ta’ responsabbiltà, li torbot lin-nies kollha involuti, sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju.
Id-Direttiva tapplika għal postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli1 fis-setturi kollha ta’ attività, kemm pubblikċi jew privati, inklużi s-setturi industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali u ta’ divertiment.
Il-klijent2 jew il-persuna li tissorvelja l-proġett3 għandha:
taħtar koordinatur wieħed jew aktar għall-kwistjonijiet tas-sigurtà u tas-saħħa għal kull post ta’ kostruzzjoni li fih hemm preżenti iktar minn kuntrattur wieħed. Dan il-koordinatur għandu jiżgura li jitfassal pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa qabel jibda x-xogħol f’dak il-post;
jikkomunika notifika minn qabel (imfassla skont l-Anness III tad-Direttiva) għal postijiet li fihom huwa ppjanat li x-xogħol se jdum aktar minn 30 jum ta’ ħidma u li fih aktar minn 20 ħaddiem jaħdmu simultanjament, jew li fihom il-volum ta’ xogħol huwa maħsub li jaqbeż 500 ġurnata tax-xogħol ta’ persuna.
Preparazzjoni tal-proġett
Il-klijent jew il-persuna li tissorvelja l-proġett għandhom japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni tad-Direttiva 89/391/KEE u l-pjan tas-sigurtà waqt:
l-istadju ta’ preparazzjoni tal-proġett tal-post tax-xogħol;
l-għażliet arkitettoniċi u organizzattivi meħudin;
Id-diversi fażijiet tax-xogħol.
Il-koordinaturi jridu:
jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni huma implimentati;
ifasslu pjan ta’ sigurtà u saħħa;
jippreparaw fajl li fih informazzjoni dwar is-sigurtà u s-saħħa rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati waqt xogħlijiet sussegwenti.
Implimentazzjoni tal-proġett
Waqt l-implimentazzjoni, il-koordinaturi jridu:
jiżguraw li min jimpjega u l-persuni li jaħdmu għal rashom4 japplikaw il-prinċipji ta’ prevenzjoni rilevanti u jsegwu l-pjan ta’ sigurtà u saħħa fejn dan ikun meħtieġ;
jorganizzaw kooperazzjoni bejn min jimpjega fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà u saħħa;
jiċċekkjaw li l-proċeduri ta’ ħidma qed jiġu implimentati kif suppost;
jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li persuni awtorizzati biss jitħallew jidħlu fil-post ta’ konstruzzjoni.
Ir-responsabbilitajiet tal-klijenti, tal-persuni li jissorveljaw il-proġett u ta’ min jimpjega
Anke fejn ikun inħatar koordinatur, il-klijent jew il-persuna li tissorvelja l-proġett xorta għandhom responsabbiltajiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurà u saħħa:
min jimpjega jrid ikun konformi mar-rekwiżiti tas-sigurtà u tas-saħħa minimi applikabbli għall-postijiet, kif stipulati fl-Anness IV (aspetti bħal installazzjonijiet tad-distribuzzjoni tal-enerġija, rotot u ħruġ ta’ emerġenza, ventilazzjoni, temperatura, rotot ta’ traffiku, tagħmir sanitarju, eċċ.). Għandhom jikkunsidraw ukoll direzzjonijiet mill-koordinatur għal kwistjonijiet ta’ sigurtà u saħħa;
il-persuni li jaħdmu għal rashom iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tas-sigurtà, speċifikament dawk li jikkonċernaw l-użu ta’ tagħmir ta’ xogħol u ta’ protezzjoni personali.
Informazzjoni lill-ħaddiema, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema
Skont id-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom iridu jkunu:
infurmati b’mod li jinftiehem dwar il-miżuri kollha li ttieħdu għas-sigurta u s-saħħa tagħhom fuq il-post tax-xogħol;
ikkonsultati dwar kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva fejn neċessarju.
Direttiva li temenda
Id-Direttiva 2007/30/KE issimplifikat ir-rekwiżiti ta’ rappurtar lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 89/391/KEE u d-direttivi individwali varji tagħha. Il-pajjiżi tal-UE issa jridu jħejju rapport wieħed kull ħames (5) snin li jkopri l-implimentazzjoni ta’ dawn id-direttivi kollha.
Studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva ġie ppubblikat fl-2017.
MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mis- u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-
Postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli: kull post ta’ kostruzzjoni li fih isiru xogħlijiet ta’ bini jew ta’ inġinerija ċivili (lista mhux eżawrjenti hija mogħtija fl-Anness I tad-Direttiva).
Klijent: kull persuna jew entità legali li għaliha jitwettaq proġett.
Persuna li tissorvelja l-proġett: kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika resposabbli għad-disinn u/jew l-esekuzzjoni u/jew is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni ta’ proġett li taġixxi għall-klijent.
Persuni li jaħdmu għal rashom: kull persuna li mhix impjegata jew impjegatur, li l-attività professjonali tagħha tikkontribwixxi għat-tlestija ta’ proġett.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE tal- dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli (it-tmien Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 245, , pp. 6-22)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/57/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
DOKUMENT RELATAT
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat- dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, , pp. 1-8)