Ftehim bejn l-UE u d-Danimarka u l-Gżejjer Faeroe
SOMMARJU TA’:
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra
Id-Deċiżjoni 97/126/KE dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?
L-għanijiet ewlenija huma li:
- jippromwovu l-espansjoni ta’ kummerċ reċiproku;
- irawmu attività ekonomika;
- itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol;
- iżidu l-produttività u l-istabbiltà finanzjarja;
- jipprovdu kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni fil-kummerċ;
- jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ u jinkoraġġixxu l-iżvilupp armonjuż u l-espansjoni tal-kummerċ dinji.
Id-Deċiżjoni 97/126/KE tagħti l-approvazzjoni tal-Komunità Ewropea (issa l-Unjoni Ewropea — UE) għall-ftehim.
PUNTI EWLENIN
Il-ftehim:
- ikopri l-elementi kollha fil-Kapitoli 25-97 tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali;
- jabolixxi d-dazji doganali, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi u spejjeż jew miżuri ta’ effett ekwivalenti bejn il-Gżejjer Faeroe u l-UE;
- jipprevedi trattament u arranġamenti speċifiċi ta’ tariffi għal elementi elenkati fil-protokolli 1 (ħut u prodotti tas-sajd), 2 (prodotti agrikoli proċessati) u 4 (ċerti prodotti agrikoli).
Il-protokoll 3 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva.
Il-protokoll 5 ikopri l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi dwar kwistjonijiet doganali.
Il-Gzejjer Faeroe u l-UE jaqblu li:
- irawmu kummerċ armonizzat fi prodotti agrikoli;
- ma jiddiskriminawx permezz ta’ regoli veterinarji, tas-saħħa jew tal-pjanti;
- jagħtu lil xulxin trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit fl-ambitu tal-GATT tal-1994 (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, issa parti mill-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ);
- jevitaw taxxi interni li jiddiskriminaw kontra l-prodotti ta’ xulxin;
- jaċċettaw il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet jew il-merkanzija fi tranżitu biex jipproteġu:
- il-moralità, l-liġi u l-ordni pubblika jew is-sigurtà pubblika,
- il-ħajja u s-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti,
- it-teżori nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku,
- il-proprjetà industrijali u kummerċjali,
- ir-regoli dwar id-deheb u l-fidda;
- jippermettu miżuri meqjusa meħtieġa għall-prevenzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni li tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali ta’ kwalunkwe parti;
- jiddikjaraw illegali:
- il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha maħsuba biex jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni fil-produzzjoni jew il-kummerċ tal-merkanzija,
- l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti ta’ kumpanija,
- l-għajnuna pubblika li tfixkel il-kompetizzjoni;
- jippermettu li kwalunkwe parti tieħu azzjoni xierqa jekk żieda fl-importazzjonijiet tista’ tagħmel ħsara serja lill-produzzjoni proprja jew jekk diffikultajiet ekonomiċi, bħal problema fill-bilanċ tal-pagamenti, tista’ tagħmel ħsara serja lil reġjun.
L-UE taqbel li tikkunsidra t-talbiet tal-Gżejjer Faeroe biex jittejjeb l-aċċess għal prodotti speċifiċi jew biex jiġu estiżi konċessjonijiet tat-tariffi għal speċijiet ta’ ħut jew prodotti tas-sajd ġodda.
Il-ftehim jistabbilixxi kumitat konġunt mar-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe u tal-UE biex:
- jamministra l-ftehim u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tiegħu;
- jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet;
- jaġixxi bħala forum għall-konsultazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni.
Kwalunkwe parti tista’ ttemm il-ftehim billi tinnotifika lill-oħra. Dan jintemm 12-il xahar wara n-notifika.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997.
SFOND
L-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Gżejjer Faeroe. Il-gżejjer huma inklużi fil-politika tal-UE dwar l-Artiku, li fiha l-UE timpenja ruħha li tinvesti fill-futur tan-nies li jgħixu fiż-żona, u tistimula edukazzjoni aħjar, tkabbir sostenibbli u impjiegi.
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra (ĠU L 53, 22.2.1997, pp. 2–135).
L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/126/KE tas-6 ta’ Diċembru 1996 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra (ĠU L 53, 22.2.1997, p. 1).
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 17.02.2023