Il-Programm dwar il-Ġustizzja (2021-2027)
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) Nru 2021/693 li jistabbilixxi l-programm dwar il-ġustizzja
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
Huwa jistabbilixxi l-programm dwar il-ġustizzja. Dan jibqa’ għaddej għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Unjoni Ewropea (UE) 2021-2027. Huwa jistabbilixxi:
- l-għanijiet ġenerali u speċifiċi,
- l-ammont, il-forom u r-regoli tal-finanzjament tal-UE tal-programm.
PUNTI EWLENIN
L-għan ġenerali tal-leġiżlazzjoni huwa li tkompli tiżviluppa żona Ewropea ta’ ġustizzja bbażata fuq:
- L-istat tad-dritt, inklużi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura;
- rikonoxximent reċiproku u fiduċja reċiproka;
- kooperazzjoni ġudizzjarja.
L-għanijiet speċifiċi tal-programm huma li:
- jappoġġja l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali u jippromwovi l-istat-tad-dritt u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura (27% tal-baġit);
- jinkoraġġixxi t-taħriġ tal-ġudikatura u tal-persunal ġudizzjarju* li jrawwem kultura legali u ġudizzjarja komuni bbażata fuq l-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet legali tal-UE (36% tal-baġit);
- li jiffaċilita aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd u rimedji effettivi, proċeduri ċivili u kriminali effiċjenti, u jappoġġa d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità u d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u ta’ persuni akkużati (27% tal-baġit).
Il-baġit ta’ 7 snin biex jiġi implimentat il-programm huwa ta’ €305 miljun. 10% addizzjonali jistgħu jinqasmu bejn it-tliet għanijiet speċifiċi biex jippromwovu l-istat tad-dritt.
Pajjiżi li mhumiex fl-UE jistgħu jipparteċipaw fil-programm suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.
L-attivitajiet li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:
- it-tqajjim ta’ kuxjenza u tixrid ta’ informazzjoni biex jittejjeb l-għarfien tal-politiki u l-liġi tal-UE, inkluż il-liġi komparattiva u l-interazzjoni bejn oqsma differenti tal-liġi;
- l-inkoraġġiment ta’ tagħlim reċiproku u skambju ta’ prattika tajba biex jiġi żviluppat għarfien tal-liġi ċivili u kriminali u s-sistemi ġudizzjarji nazzjonali;
- l-analiżi u l-monitoraġġ sabiex jinftiehmu l-ostakli potenzjali għal żona Ewropea ta’ ġustizzja u sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni nazzjonali tal-liġi u l-politiki tal-UE;
- it-taħriġ tal-partijiet interessati rilevanti biex jiżdied il-fehim tal-liġi u l-politiki tal-UE;
- l-iżvilupp u ż-żamma tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-għodod tal-ġustizzja elettronika, inkluża l-interoperabbiltà transkonfinali bejn is-sistemi;
- iż-żieda tal-kapaċità tan-netwerks Ewropej ewlenin biex jippromwovu u jiżviluppaw iktar il-liġi, il-valuri, l-għanijiet tal-politika u l-istrateġiji tal-UE;
- l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati mingħajr skop ta’ qligħ attivi f’oqsma koperti mill-programm u biex jiġi żgurat aċċess adegwat għaċ-ċittadini għas-servizzi varji tagħhom;
- it-titjib tal-għarfien tal-programm, it-tixrid tar-riżultati tiegħu u l-organizzazzjoni ta’ fora ta’ diskussjoni għall-partijiet interessati.
Entitajiet ġuridiċi* huma eliġibbli għall-finanzjament jekk ikunu:
- stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż jew territorju barrani marbut, jew f’pajjiż mhux tal-UE assoċjat mal-programm;
- maħluq taħt il-liġi tal-UE, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.
Il-programm jappoġġja l-programm ta’ ħidma permanenti tan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju.
Programm ta’ ħidma
Il-programm huwa implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma adottati mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Il-programm ta’ ħidma dwar il-ġustizzja għall-2021-2022 ġie ppubblikat mill-Kummissjoni.
Revoka
Il-leġiżlazzjoni tħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 mill-1 ta’ Jannar 2021.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
SFOND
Żona tal-ġustizzja tal-UE li taħdem sewwa, mingħajr ostakli għall-aċċess transkonfinali għall-ġustizzja, hija essenzjali biex tiżgura t-tkabbir ekonomiku u l-potenzjal sħiħ tas-suq intern. Ħafna minn din il-kooperazzjoni tiddependi fuq il-fiduċja reċiproka. Id-diversi attivitajiet tal-programm dwar il-ġustizzja għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ ta’ din il-fiduċja b’mod partikolari billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja u jippromwovu l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali, u l-effettività tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali.
Għal iktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Ġudikatura u persunal ġudizzjarju: imħallfin, prosekuturi, persunal tal-uffiċċju tal-qorti u tal-prosekutur u professjonisti oħra tal-ġustizzja assoċjati mal-ġudikatura.
Entità ġuridika: individwu, kumpanija jew organizzazzjoni li għandhom drittijiet u obbligi legali.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 21-38)
l-aħħar aġġornament 30.06.2021