It-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) 2019/941 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Dan għandu l-għan li:
- jidentifika aħjar il-kriżijiet possibbli tal-elettriku*;
- iħejji pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet; u
- jimmaniġġja l-kriżijiet meta jseħħu.
- Dan jistabbilixxi metodoloġija komuni u jistabbilixxi regoli għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE bil-għan li jiġu evitati, jitħejjew u jiġu ġestiti l-kriżijiet tal-elettriku fi spirtu ta’ solidarjetà u trasparenza, filwaqt li jirrispetta r-rekwiżiti għal suq intern kompetittiv għall-elettriku.
- Dan jirrevoka d-Direttiva 2005/89/KE li tistipula l-miżuri li kellhom jieħdu l-pajjiżi tal-UE biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku b’mod ġenerali.
PUNTI EWLENIN
In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E):
- jissottometti, sal-5 ta’ Jannar 2020 wara konsultazzjoni wiesgħa, lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għal approvazzjoni u/jew emenda metodoloġija:
- għall-identifikazzjoni ta’ xenarji ta’ kriżi tal-elettriku reġjonali b’rabta mal-adegwatezza tas-sistema, is-sigurtà tas-sistema u s-sigurtà tal-fjuwil;
- għall-evalwazzjoni tal-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku staġjonali u għal żmien qasir (kull xahar, ġimgħa bil-quddiem u ġurnata bil-quddiem) meta tiġi ffaċjata bi kwistjonijiet bħal maltemp kbir;
- jidentifika, fi żmien 6 xhur mill-approvazzjoni tal-ewwel metodoloġija, l-iktar xenarji ta’ kriżi tal-elettriku rilevanti għal kull reġjun;
- jevalwa mill-ġdid dawn ix-xenarji ta’ kriżi reġjonali kull 4 snin;
- jaġġorna u jtejjeb iż-żewġ metodoloġiji meta tkun disponibbli informazzjoni ġdida sinifikanti;
- iwettaq valutazzjonijiet ta’ adegwatezza staġjonali, jippubblika dawk għax-xitwa sal-1 ta’ Diċembru u għas-sajf sal-1 ta’ Ġunju kull sena.
Il-metodoloġija biex jiġu identifikati xenarji ta’ kriżi tal-elettriku reġjonali:
- tqis mill-inqas ir-riskji li ġejjin:
- perikli naturali rari u estremi;
- perikli aċċidentali;
- perikli konsegwenzjali, inklużi attakki malizzjużi u nuqqas ta’ fjuwil;
- tinkludi dan li ġej:
- kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali u reġjonali kollha rilevanti;
- interazzjoni u l-korrelazzjoni tar-riskji transkonfinali;
- simulazzjonijiet ta’ kriżijiet simultanji tal-elettriku;
- klassifikazzjoni tar-riskji skont l-impatt u l-probabbiltà tagħhom;
- prinċipji għall-ġestjoni ta’ informazzjoni sensittiva filwaqt li tiżgura trasparenza.
- hija ppubblikata fuq is-siti web tal-ENTSO-E u tal-ACER.
L-Awtoritajiet kompetenti, li jinħatru mill-pajjiżi tal-UE sal-5 ta’ Jannar 2020:
- huma responsabbli għal, u jikkooperaw ma’ xulxin, fl-implimentazzjoni tal-kompiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni;
- jikkoperaw ma’ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, awtoritajiet regolatorji, ENTSO-E, ċentri ta’ koordinazzjoni reġjonali u partijiet interessati oħra rilevanti kif meħtieġ;
- jidentifikaw, fi żmien 4 xhur mill-identifikazzjoni tax-xenarji reġjonali tal-kriżi tal-elettriku, l-iktar xenarji nazzjonali rilevanti tal-kriżi tal-elettriku u jaġġornawhom kull 4 snin;
- jistabbilixxu pjanijiet ta’ tħejjija għar-riskju, ibbażati fuq xenarji ta’ kriżi reġjonali u nazzjonali identifikati. Il-pjanijiet, li se jiġu vvalutati mill- Kummissjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku (ECG), isegwu mudell li jistabbilixxi informazzjoni bħal:
- sommarju tax-xenarji tal-kriżi tal-elettriku;
- rwoli u responsabbiltajiet tal-awtorità kompetenti;
- proċeduri u miżuri fi kriżi tal-elettriku (e.ż. nazzjonali, reġjonali u bilaterali);
- ħatra u rwol definit ta’ koordinatur tal-kriżi;
- konsultazzjoni mal-partijiet interessati, bħal operaturi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni u kumpaniji tal-elettriku u tal-gass naturali;
- ittestjar ta’ emerġenza;
- joħorġu immedjatament twissija bikrija* lill-Kummissjoni u l-pajjiżi ġirien tal-UE meta informazzjoni affidabbli tindika li tista’ sseħħ kriżi tal-elettriku fit-territorju tagħhom, u jipprovdu informazzjoni rilevanti;
- jiddikjaraw kriżi tal-elettriku u jinformaw lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi ġirien tal-UE;
- jissottomettu rapport ta’ evalwazzjoni, mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem ta’ kriżi tal-elettriku, lill-Kummissjoni u lill-ECG, li jiddeskrivi l-avveniment u jivvaluta l-impatt tiegħu, il-miżuri meħuda u t-titjib possibbli.
Monitoraġġ
- L-ECG jiddiskuti kwistjonijiet bħall-koerenza tal-pjanijiet ta’ tħejjija għar-riskju, ir-riżultati tal-valutazzjonijiet ta’ adegwatezza u l-prestazzjoni tal-pajjiżi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku*.
- L-ACER tissorvelja miżuri għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u tirrapporta regolarment lill-ECG.
- Il-Kummissjoni, sal-1 ta’ Settembru 2025, għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif għandha tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fl-UE.
MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilu japplika mill-4 ta’ Lulju 2019.
SFOND
Kriżijiet tal-elettriku jistgħu jseħħu għal ħafna raġunijiet, pereżempju minħabba kundizzjonijiet estremi tat-temp, attakki malizzjużi jew nuqqas ta’ fjuwil. Meta jseħħu sitwazzjonijiet ta’ kriżi, spiss ikollhom effett transkonfinali. Inċidenti fuq skala kbira, bħal perjodi ta’ riħ, mewġ ta’ sħana jew attakki ċibernetiċi jistgħu jaffettwaw diversi pajjiżi tal-UE fl-istess ħin.
Ir-regolament huwa wieħed mit-8 partijiet leġiżlattivi fil-pakkett dwar “l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” li l-Kummissjoni ressqet f’Novembru 2016. Dan jikkontribwixxi biex tissawwar l-Unjoni tal-Enerġija, l-UE tibqa’ kompetittiva u jiġu ssodisfati l-impenji tagħha tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-bidla fil-klima.
TERMINI EWLENIN
Kriżi tal-elettriku: sitwazzjoni eżistenti jew imminenti fejn hemm qtugħ tal-elettriku sinifikanti.
Twissija bikrija: forniment ta’ informazzjoni konkreta, serja u affidabbli li tindika li jista’ jseħħ avveniment li x’aktarx jirriżulta f’deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku u li jwassal għal kriżi tal-elettriku.
Sigurtà tal-provvista tal-elettriku: il-kapaċità ta’ sistema tal-elettriku li tiggarantixxi l-provvista lill-klijenti b’livell ta’ prestazzjoni stabbilit b’mod ċar.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 1-21)
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 22-53)
Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 54-124)
Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, pp. 125-199)
l-aħħar aġġornament 24.07.2019