Spezzjonijiet mal-ġenb tat-triq tas-sigurtà tal-vetturi kummerċjali

Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà fit-toroq u li tnaqqas l-impatti ambjentali negattivi tal-vetturi kummerċjali. Tistabbilixxi rekwiżiti minimi u regoli armonizzati għall-ispezzjoni teknika mal-ġenb tat-triq ta' dawn il-vetturi fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE).

ATT

Id-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE.

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà fit-toroq u li tnaqqas l-impatti ambjentali negattivi tal-vetturi kummerċjali. Tistabbilixxi rekwiżiti minimi u regoli armonizzati għall-ispezzjoni teknika mal-ġenb tat-triq ta' dawn il-vetturi fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE).

Din il-liġi ġiet adottata flimkien ma' regoli riveduti dwar dokumenti ta' reġistrazzjoni tal-vettura u Direttiva ġdida dwar it-testijiet perjodiċi tal-affidabilità stradali għall-vetturi.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-liġi tkopri xarabankijiet u kowċis (kategoriji M2 u M3), trakkijiet (N2 u N3) u trejlers ta' aktar minn 3.5 tunnellata (O3 u O4), kif ukoll tratturi użati għall-ġarr kummerċjali fit-toroq u li kapaċi jtellgħu aktar minn 40 km/h (T5).

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jwettqu wkoll spezzjonijiet fuq vetturi mhux koperti minn din il-liġi, bħal vetturi kummerċjali ħfief, jew jistgħu jwettqu spezzjoniijet f'postijiet oħrajn li mhumiex toroq pubbliċi.

Spezzjonijiet

Dawn jinkludu spezzjonijiet inizjali u fejn ikun hemm bżonn spezzjonijiet aktar dettaljati li jiffokaw b'mod partikolari fuq il-brejkijiet, tajers, roti u xażi, kif ukoll fastidji (ħsejjes, emissjonijiet ta' egżost, eċċ.). Ir-rata ta' spezzjonijiet hija mistennija li tkun proporzjonali għan-numru ta' vetturi rreġistrati f'kull pajjiż tal-UE. L-għan huwa li mill-inqas 5% tal-vetturi kummerċjali kollha rreġistrati fl-UE jiġu spezzjonati kull sena.

Spetturi

L-ispetturi ma għandhomx jiddiskriminaw abbażi tan-nazzjonalità tax-xufier jew tal-pajjiż ta' reġistrazzjoni meta jiġu biex jagħżlu vettura għal spezzjoni. Għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta' interess li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom u r-rimunerazzjoni ma għandhiex tkun dipendenti fuq ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tagħhom.

Ir-responsabilitajiet tax-xufiera

Ix-xufiera huma meħtieġa jġorru ċ-ċertifikat tal-affidabbiltà stradali l-aktar reċenti, kif ukoll l-aktar rapport reċenti ta' spezzjoni mal-ġenb tat-triq, jekk dan ikun disponibbli. Ix-xufiera għandhom jikkooperaw ukoll mal-ispetturi u għandhom jagħtuhom aċċess għall-vettura, għall-parts tagħha u għad-dokumentazzjoni.

Sistema ta' klassifikazzjoni tar-riskji

Mill-2019, il-pajjiżi tal-UE għandhom jużaw sistemi ta' klassifikazzjoni tar-riskji li jippermettu lill-ispetturi jidentifikaw kumpaniji tat-trasport bi profil ta' riskju għoli sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu ċċekkjati b'mod aktar mill-qrib u aktar frekwenti.

Irbit tal-merkanzija

Il-liġi tinkludi prinċipji għal spezzjonijiet u standards applikabbli għall-irbit tal-merkanzija, kif ukoll għall-valutazzjoni tad-difetti.

Difetti

Id-difetti huma kklassifikati bħala minuri, maġġuri jew perikolużi. Kwalunkwe nuqqas maġġuri jew perikoluż li jinkixef minn spezzjoni għandu jiġi rranġat qabel ma l-vettura terġa' tintuża fuq it-toroq pubbliċi.

Skambju ta' informazzjoni

Kull pajjiżi tal-UE sejjer jaħtar punt ta' kuntatt sabiex jiżgura li jsiru skambji ta' informazzjoni u sabiex jassisti lil punti ta' kuntatt ta' pajjiżi tal-UE oħrajn. Il-pajjiżi huma mistennija wkoll li jipparteċipaw regolarment f'attivitajiet ta' spezzjoni mal-ġenb tat-triq miftehma b'mod konġunt ma' stati tal-UE ġirien.

MINN META SEJRA TIBDA TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Il-liġi tapplika mill-20.5.2018.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/47/UE

19.5.2014

20.5.2017

ĠU L 127, 29.4.2014, p. 134

Rettifika

-

-

ĠU L 197, 4.7.2014, p. 87

ATTI RELATATI

Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE. (ĠU L 127, 29.04.2014, p. 51).

Direttiva 2014/46/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 127, 29.04.2014, p. 129).

L-aħħar aġġornament: 23.09.2014