Il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni u rekwiżiti tal-kwarantina għall-għasafar

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (UE) Nru 139/2013 — kundizzjonijiet għall-importazzjoni ta' ċerti għasafar fl-UE u l-kriterji ta' kwarantina relatati

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Jispeċifika liema għasafar jistgħu jiġu importati fl-UE u l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw.

Jimmira biex jiżgura li ċerti għasafar ma jġibux mard magħhom, bħal influwenza avjarja jew il-marda ta' Newcastle.

PUNTI EWLENIN

Għasafar biss minn ċentri ta' tnissil approvati f'pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jiġu impurtati.

L-għasafar għandhom jitnisslu fil-magħluq, ittestjati għal viruses ġimgħa sa ġimagħtejn qabel ma jiġu mibgħuta u ma tlaqqmux kontra l-influwenza avjarja.

Kull wieħed minnhom għandu jkollu ċertifikat tas-saħħa u numru ta' identifikazzjoni individwali li jkun jew f'ċurkett fis-sieq jew f'mikroċippa.

Kull pajjiż tal-UE approva ċentri ta' kwarantina li l-għasafar huma trasportati fihom f'vetturi ssiġġillati fi żmien 9 sigħat minn meta jiġu spezzjonati fil-fruntiera.

L-għasafar iridu jibqgħu fi kwarantina għal mill-inqas 30 ġurnata u, bħala prekwazzjoni minima, iridu jiġu eżaminati fil-bidu u fl-aħħar tal-waqfa tagħhom.

Matul il-kwarantina, kampjuni ta' għasafar huma ttestjati għall-influwenza avjarja u għall-marda ta' Newcastle.

Jekk marda tkun ikkonfermata, l-għasafar kollha affettwati jinqatlu u jinqerdu, iċ-ċentru jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat u l-ebda għasfur ieħor ma jista' jħalli l-kwarantina sakemm ir-riżultati tat-testijiet tal-virus tagħhom stess ikunu negattivi.

Jekk pappagalli, parrukketti u kakatuwi jinstabu li huma infettati, jistgħu jiġu kkurati u jridu jibqgħu fi kwarantina mill-inqas xahrejn wara li l-aħħar każ ikun ġie rreġistrat.

L-awtoritajiet nazzjonali jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 24 siegħa ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja jew marda ta' Newcastle.

Huma għandhom ukoll jagħmlu rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' għasafar impurtati, ir-rata ta' mortalità tagħhom u l-każijiet kollha ta' mard skopert fil-kwarantina.

Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal tjur, annimali domestiċi, ħamiem tat-tlielaq, għasafar għal programmi ta' konservazzjoni, zoos, ċirkli, parkijiet ta' divertiment jew esperimenti jew għal dawk impurtati mill-Andorra, Liechtenstein, Monaco, in-Norveġja, San Marino, l-Iżvizzera jew l-istat tal-Vatikan.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Daħal fis-seħħ fit-12 ta' Marzu 2013.

ATT

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2013 tas-7 ta' Jannar 2013 li jistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta' ċerti għasafar fl-Unjoni u l-kondizzjonijiet ta' kwarantina tagħhom (ĠU L 47, 20.2.2013, pp. 1-17)

l-aħħar aġġornament 05.01.2016