L-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa Ewropej
Fl-4 ta’ April 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jgħinu lis-sistemi nazzjonali tas-saħħa jlaħħqu mal-isfidi u l-pressjonijiet li jiffaċċjaw sabiex ikunu jistgħu jwasslu kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja.
ATT
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti (COM(2014) 215 final tal-4.4.2014).
SOMMARJU
Fl-4 ta’ April 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jgħinu lis-sistemi nazzjonali tas-saħħa jlaħħqu mal-isfidi u l-pressjonijiet li jiffaċċjaw sabiex ikunu jistgħu jwasslu kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja.
X'TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?
Tidentifika fatturi li jsaħħu s-sostenibbiltà ġenerali tas-sistemi tas-saħħa. Dawn qed ikollhom jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u domanda dejjem tikber fuq ir-riżorsi tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet huma indirizzati lill-pajjiżi tal-UE li għandhom ir-responsabiltà primarja għall-kura tas- saħħa.
PUNTI PRINĊIPALI
Il-komunikazzjoni tirrakkomanda:
-
It-tisħiħ tal-effikaċja tas-servizzi permezz tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni, l-iżvilupp ta’ approċċ integrat sabiex il-kura ma tkunx biss ibbażata l-isptar u tiġi żgurata s-sigurtà tal-pazjent u l-kwalità tal-kura.
-
Żieda fl-aċċessibbiltà sabiex il-kura tas-saħħa tkun disponibbli għall-popolazzjoni kollha. Ippjanar aħjar fl-użu tar-riżorsi tal-persunal u użu aktar effettiv ta’ mediċini jista' jgħin biex dan jinkiseb. Bl-istess mod, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-mobbiltà tal-pazjenti tagħmilha possibbli li persuni jingħataw kura f’pajjiż li ma jkunx pajjiżhom.
-
Titjib fir-reżiljenza sabiex is-sistemi tas-saħħa jadattaw għal ambjent li qed jinbidel, jidentifikaw soluzzjonijiet innovattivi u jagħmlu użu akbar u aktar effiċjenti minn informazzjoni u teknoloġiji ġodda oħra.
SFOND
Ir-rakkomandazzjonijiet ġew miftiehma wara riċerka estensiva dwar l-aċċess għal kura tas-saħħa, l-effikaċja tas-sistemi tas-saħħa u r-riforma tal-isptarijiet. Dawn ikkonfermaw:
-
il-miżuri tal-kura tas-saħħa huma kumplessi u jistgħu biss jiġu vvalutati sew fuq perjodu twil;
-
dijanjożi bikrija tal-kanċer tal-kolorektum, taċ-ċerviċi u tas-sider permezz ta’ programmi ta’ skrinjar pubbliku
jista' jtejjeb ir-riżultati tal-kura tas-saħħa;
-
il-mod kif is-sistemi tal-kura tas-saħħa huma organizzati u mmaniġġjati jista’ jkollu impatt kruċjali fuq il-faċilità, jew in-nuqqas ta’ faċilità ta’ aċċess tal-pazjenti għas-servizzi tagħhom.
Aktar informazzjoni hija disponibbli mill-websajt tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni Ewropea.
l-aħħar aġġornament 03.11.2014