L-għan tal-ftehim huwa li jistabbilixxi qafas legali għat-trasferiment ta’ data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi li joperaw titjiriet tal-passiġġieri bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) tal-Istati Uniti u l-użu sussegwenti ta’ din id-data mid-DHS tal-Istati Uniti.
L-għan ewlieni huwa li jipprevjeni, jidentifika, jinvestiga u jipproċessa reati terroristiċi u kriminalità relatata, kif ukoll kriminalità transfruntiera serja oħra punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ mill-inqas 3 snin.
Id-Deċiżjoni (UE) 2012/471/UE tawtorizza l-firma tal-ftehim mill-UE. Id-Deċiżjoni 2012/472/UE tapprova l-ftehim innifsu.
Id-data tal-PNR hija l-informazzjoni pprovduta volontarjament mill-passiġġieri u li tinġabar mit-trasportaturi tal-ajru matul il-proċeduri ta’ prenotazzjoni u reġistrazzjoni. Din tinkludi informazzjoni bħall-isem, id-dati tal-ivvjaġġar u l-itinerarju tal-ivvjaġġar, informazzjoni tal-biljett, informazzjoni ta’ kuntatt, informazzjoni ta’ pagament/fatturazzjoni, l-aġent tal-ivvjaġġar, in-numru tas-sit u informazzjoni dwar il-bagalji.
Il-punti ewlenin tal-ftehim tal-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti huma dawn li ġejjin:
Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012.
PNR hija l-informazzjoni li jipprovdu l-passiġġieri lil-linja tal-ajru jew lill-aġent tal-ivvjaġġar meta jibbukkjaw titjira. Din l-informazzjoni ilha tintuża mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar id-dinja għal bosta snin biex tidentifika kriminali u terroristi serji. Pereżempju, intużat biex jinqabdu t-terroristi li ppjanaw attakk suwiċida bil-bombi fis-subway li tinsab f’New York fl-2009. Din intużat ukoll wara l-attakki terroristiċi tal-2008 f’Mumbai u biex jinqabad il-moħħ wara l-attakk ippjanat f’Times Square fl-2010. Din l-informazzjoni hija wkoll għodda importanti ħafna biex jiġu identifikati t-traffikanti tad-droga.
Il-ftehim tal-2012 bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-PNR jissostitwixxi l-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-2007.
Għal aktar informazzjoni, ara:
Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU L 215, 11.8.2012, pp. 5-14)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/471/UE tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU L 215, 11.8.2012, pp. 1-3)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/472/UEtas-26 ta’ April 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU L 215, 11.8.2012, p. 4)
Informazzjoni li tikkonċerna d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU L 174, 4.7.2012, p. 1)
l-aħħar aġġornament 26.08.2021