Orizzont 2020: programm speċifiku ta' implimentazzjoni (2014-2020)

Billi jimplimenta Orizzont 2020 (is-segwitu għas-7 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE), dan ir-regolament jistabbilixxi l-objettivi speċifiċi u r-regoli ta' implimentazzjoni għall-appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE

SOMMARJU

Il-programm ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Dan jikkonsisti minn dawn li ġejjin:

Parti I “Xjenza eċċellenti”: din tippromwovi l-eċċellenza fir-riċerka Ewropea billi ssaħħaħ:

ir-riċerka fil-fruntiera tal-għarfien (Riċerka u Żvilupp R&Ż fil-fruntieri tal-fehim attwali u lil hinn), permezz tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC);

il-ħiliet, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera, permezz tal-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie, flimkien ma' programmi oħrajn b'għanijiet simili, bħall-programm Erasmus+ u l-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (KICs) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT);

l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej (faċilitajiet, riżorsi u servizzi relatati użati mill-komunità tar-R&Ż).

Il-Parti II“Tmexxija Industrijali”hija mmirata sabiex:

tagħti spinta lit-tmexxija industrijali tal-Ewropa permezz tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali segwenti: teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs), nanoteknoloġiji, materjal avvanzat, bijoteknoloġija, manifattura u pproċessar avvanzati u l-ispazju;

ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta' investiment;

iżżid l-innovazzjoni fl-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

Parti III “Sfidi tas-soċjetà”: l-objettivi speċifiċi jinkludu:

it-titjib tas-saħħa u l-benesseri;

l-appoġġ għas-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, ir-riċerka tal-baħar, ir-riċerka marittima u tal-ilmijiet interni, u l-bijoekonomija (pereżempju l-produzzjoni sostenibbli ta' riżorsi rinnovabbli u l-konverżjoni tagħhom f'ikel, għalf, prodotti ta' bażi bijoloġika abbażi tal-fibra u bijoenerġija);

enerġija sikura, nadifa u effiċjenti;

trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat;

azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza tar-riżorsi u l-materja prima;

l-Ewropa f'dinja li qed tinbidel - soċjetajiet inklussivi, innovattivi u riflessivi (pereżempju t-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, forom ġodda ta' innovazzjoni u t-trażmissjoni tal-patrimonju kulturali tal-Ewropa);

soċjetajiet sikuri - protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha (pereżempju l-felħan kontra d-diżastri, il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu).

Parti IV “Tixrid tal-eċċellenza u twessigħ tal-parteċipazzjoni”: l-isfruttar tal-potenzjal tar-riżorsa tat-talent Ewropew bis-sħiħ u l-massimizzazzjoni tal-benefiċċji ta' ekonomija mmexxija mill-innovazzjoni li jgawdi minnhom kulħadd. Il-miżuri huma mmirati lejn il-pajjiżi tal-UE li l-prestazzjoni tar-riċerka u innovazzjoni tagħhom teħtieġ spinta.

Parti V “Xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà”: ir-reklutaġġ ta' talent ġdid u l-kombinazzjoni tal-eċċellenza xjentifika mal-kuxjenza u r-responsabbiltà soċjali. Il-miżuri għandhom l-għan li jeliminaw id-distakk bejn ix-xjenza u s-soċjetà billi jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini (sigurtà, impjiegi, saħħa u żvilupp sostenibbli).

Parti VI “Azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-ċentru konġunt tar-riċerka (JRC)”: din hija riċerka magħmula direttament mill-JRC sabiex jipprovdi sostenn xjentifiku u tekniku xprunat mill-klijent għat-tfassil tal-politiki tal-UE (bħall-agrikoltura, it-tibdil fil-klima, it-trasport, eċċ.).

Programm ta' ħidma

Il-programmi ta' ħidma jistabbilixxu l-objettivi mfittxija, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-finanzjament totali tagħhom. Il-Kummissjoni tadotta programmi ta' ħidma komuni jew separati għall-implimentazzjoni tal-Partijiet I sa V tal-programm speċifiku, minbarra dawk li jaqgħu taħt il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC), li huma koperti mill-Kunsill Xjentifiku.

Il-Kummissjoni tadotta programm ta' ħidma pluriennali separat għall-Parti VI, li jikkunsidra l-fehmiet tal-JRC.

Il-Baġit

EUR 74.3 biljun matul il-perjodu 2014-2020.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE

23.12.2013

-

ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 965-1041.

Rettifika

-

-

ĠU L 102, 21.4.2015, pp. 96-96

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 104-173).

Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020. (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 948-964).

l-aħħar aġġornament 03.09.2015