Fatturazzjoni elettronika f’akkwist pubbliku

Bħala parti mill-proċess ta’ modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fl-Ewropa, il-Ministri tal-Unjoni Ewropea (UE) qablu fuq liġi li għandha l-għan li tiffaċilita u tinkoraġġixxi l-użu ta’ fatturi elettroniċi għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku, b’mod partikolari għall-kumpaniji li jaħdmu fuq kuntratti f’pajjiż ieħor tal-UE.

ATT

Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku

SOMMARJU

Fl-2014, il-pajjiżi tal-UE adottaw liġijiet ġodda dwar l-akkwist pubbliku. Flimkien, huma adottaw liġi li għandha tirriżulta f’użu akbar madwar l-Ewropa ta’ fatturazzjoni elettronika mill-kuntratturi għax-xogħol li jagħmlu għal, jew għall-prodotti li jikkunsinjaw lis-settur pubbliku.

Il-fatturazzjoni elettronika minn negozju f’pajjiż wieħed tal-UE għax-xogħol imwettaq jew għall-prodotti kkunsinjati lil awtorità pubblika f’pajjiż ieħor kienet imfixkla minn problemi ta’ nuqqas ta’ interoperabbiltà , jiġifieri fatturazzjoni elettronika inkompatibbli f’pajjiżi differenti.

Il-liġi tapplika għal fatturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku (jiġifieri il-biċċa l-kbira tal-kuntratti), iżda ma tapplikax għal kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, fejn l-akkwist u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt huma ddikjarati bħala li huma sigrieti jew għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta’ sigurtà speċjali.

STANDARD INTEROPERABBLI KOMUNI

Għandu jiġi żviluppat u ttestjat standard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika mill-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni fi żmien 3 snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Ladarba l-istandard ikun disponibbli, l-awtoritajiet pubbliċi kollha madwar l-UE sejrin ikunu obbligati li jirċievu u jipproċessaw fatturi elettroniċi li jkunu konformi miegħu.

L-istandard għandu jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti sistemi ta’ fatturazzjoni elettronika faċli għall-utenti (faċli biex jinftehmu u faċli biex jintużaw). L-eżerċizzju ta’ standardizzazzjoni jieħu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll tal-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti iżgħar, li għandhom riżorsi finanzjarji u ta’ persunal limitati.

L-istandard sejjer ikun addattat ukoll sabiex jintuża fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn in-negozji, apparti fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi.

IMPLIMENTAZZJONI

Ladarba l-istandard jiġi ppubblikat, l-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali tal-pajjiżi tal-UE għandhom 18-il xahar ċans sabiex jimplimentawh. Għall-awtoritajiet kontraenti lokali u reġjonali, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż għal 30 xahar.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/55/UE

26.5.2014

27.11.2018

ĠU L 133 tas-6.5.2014

ATTI RELATATI

Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (Ġ U L 216 tal-20.8.2009).

Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94 tat-28.3.2014).

Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94 tat-28.3.2014).

Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94 tat-28.3.2014).

l-aħħar aġġornament 13.10.2014