Viżjoni għas-suq intern għal prodotti industrijali
Il-Kummissjoni Ewropea pproduċiet studju politiku li jistabbilixxi l-viżjoni tagħha għall-futur tas-suq intern tal-UE għall-prodotti industrijali.
ATT
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali (COM(2014)25 final tat-22.1.2014 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
SOMMARJU
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti industrijali tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà, is-saħħa u ma’ interessi pubbliċi oħrajn li n-negozji għandhom jikkonformaw magħhom meta jpoġġu prodotti fis-suq tal-UE, inkluż it-twaħħil tal-marka CE. Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi wkoll il-passi obbligatorji li għandhom jittieħdu sabiex jintwera li l-prodott jikkonforma mal-liġi tal-UE qabel ikun jista’ jkollu l-marka CE fuqu.
Il-konklużjoni ġenerali ta’ konsultazzjoni pubblika online u ta’ valutazzjoni f’dan il-qasam hija li l-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-prodotti hija relevanti sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi tal-UE li għandhom x’jaqsmu mal-ħtieġa għal miżuri tekniċi ta’ armonizzazzjoni b’livelli għoljin ta’ protezzjoni tas-saħħa u sigurtà u tal-konsumaturi, u għall-ambjent. Għaldaqstant, mhijiex biss fattur ewlieni għall-kompetittività tal-industrija Ewropea iżda wkoll għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent.
Ċerti punti għal titjib ġew identifikati wkoll fl-istudju politiku magħruf bħala Komunikazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni tfittex li żżomm il-pass tal-isfidi tekonoloġiċi fis-seklu 21, tixtieq ukoll li tqis id-domanda tal-industrija Ewropea għal perjodi ta’ stabilita regolatorja mingħajr taqlib maġġuri tar-regoli.
L-istudju politiku identifika l-prijoritajiet li ġejjin.
Mekkaniżmi b’saħħithom ta’ infurzr
Dan ifisser żieda fl-isforzi tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-liġi tal-UE tiġi rispettata sabiex jiġu salvagwardjati interessi pubbliċi importanti bħas-saħħa u s-sigurtà; il-protezzjoni tal-ambjent u s-sigurtà, u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni qiegħda tistudja l-possibilità li tabbozza proposta leġiżlattiva dwar kif tarmonizza s-sanzjonijiet ekonomiċi ta’ natura amministrattiva u ċivili fejn il-liġi tal-UE mhijiex rispettata.
Leġiżlazzjoni li tinvolvi bosta setturi dwar il-prodotti
Il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-ħtieġa li tadotta leġiżlazzjoni orizzontali (jiġifieri li tinvolvi bosta setturi) li tistabbilixxi elementi komuni fost setturi differenti.
Innovazzjoni u l-futur diġitali
Il-Kummissjoni sejra tqis l-innovazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi meta tkun qiegħda tiżviluppa proposti leġiżlattivi ġodda relatati ma’ prodotti industrijali. Sejra tniedi wkoll inizjattiva dwar e-Konformità fejn kumpaniji jkunu jistgħu juru l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod elettroniku.
Id-distinzjoni mċajpra bejn il-prodotti u s-servizzi konnessi tagħhom
Id-ditti tal-manifattura qegħdin dejjem iktar joffru servizzi (eż. manutenzjoni u taħriġ) flimkien mal-prodotti tradizzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni sejra teżamina kif tista’ ttejjeb il-mod li bih din id-distinzjoni mċajpra bejn il-prodotti u s-servizzi jista’ jiġi ġestit.
Aktar regolamenti, inqas direttivi
Soġġett għal valutazzjoni każ b’każ, il-Kummissjoni sejra tagħti prijorità lil Regolamenti bħala sors ta’ liġi tal-UE milli lil Direttivi minħabba li, peress li huma applikabbli direttament fil-pajjiżi tal-UE, huma jwasslu għal aktar ċertezza għan-negozji.
Approċċ li jibża’ għan-negozji għal regoli dwar prodotti
Fil-preżent, in-negozji qed iħabbtu wiċċhom ma’ bosta liġijiet li japplikaw għall-istess prodotti/manifatturi u l-limiti bejn ħafna mil-liġijiet xi kultant mhumiex ċari. Meta twettaq reviżjoni perjodika tal-leġiżlazzjoni settorjali, il-Kummissjoni sejra tikkunsidra jekk il-liġi tal-UE dwar prodotti industrijali tistax tinġieb flimkien ma’ leġiżlazzjoni oħra applikabbli għall-istess kategorija ta’ prodotti.
Is-suq globali
L-UE għandha tkompli tippromwovi l-konverġenza internazzjonali fil-leġiżlazzjoni u l-istandards tekniċi għall-prodotti industrijali filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura aktar fokus fuq l-impatt tar-regolamenti tal-UE fuq il-kompetittività internazzjonali tan-negozji tal-UE.
L-aħħar aġġornament: 28.07.2014