Iffriżar u konfiska tar-rikavat minn attività kriminali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Timmira biex tagħmilha aktar faċli lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkonfiskaw u jirkupraw ir-rikavat* u l-mezzi strumentali* minn attività kriminali fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Tistabbilixxi regoli minimigħall-iffriżar u sussegwentement għall-konfiska ta' rikavat u mezzi strumentali ta' attività kriminali.

Ir-reati kriminali kkonċernati huma dawk f'liġijiet tal-UE varji elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

Barra mill-konfiska (wara l-kundanna kriminali) tar-rikavat u mezzi strumentali, jew mal-konfiska tal-valur tagħhom, l-Artikolu 4 jippermetti l-konfiska tar-rikavat ta' attività kriminali u mezzi strumentali f'każijiet tat-titjira jew marda tal-persuna kkonċernata (meta jkun impossibbli għal persuna ssuspettata jew akkużata biex tattendi l-proċeduri kriminali għal perjodu itwal ta' żmien, li jfisser li l-proċeduri ma jistgħux ikomplu taħt kundizzjonijiet normali u kundanna kriminali mhijiex possibbli).

L-Artikolu 5 jistabbilixxi regoli aktar ċari dwar setgħet estiżi ta' konfiska, b'hekk il-konfiska ssir aktar faċli meta mħallef ikun issodisfat li l-proprjetà inkwistjoni nkisbet permezz ta' attivitajiet kriminali oħrajn mill-persuna kkundannata.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva jippermetti konfiska fejn il-proprjetà ġiet trasferita mis-suspettat lil parti terza, jew direttament akkwistata minn parti terza, li kellha tintebaħ li dan seħħ bħala konsegwenza ta' attività kriminali.

Skont l-Artikolu 10, il-pajjiżi tal-UE għandhom jimmaniġġjaw b'mod adegwat l-iffriżar tal-assi (pereżempju billi jitwaqqfu Uffiċċji ta' Ġestjoni tal-Assi), sabiex b'hekk ma jitilfux il-valur ekonomiku qabel ma jiġu eventalwament konfiskati.

L-Irlanda qiegħda tieħu sehem fid-Direttiva waqt li r-Renju Unit (1) u d-Danimarka mhumiex.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2014. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali mill-4 ta' Ottubru 2016.

TERMINI EWLENIN

* Rikavati: dħul minn attivitajiet kriminali.

* Mezzi strumentali: l-għodod użati biex jitwettqu attivitajiet kriminali (e.ż. dgħajsa użata għat-trasport tad-drogi).

ATT

Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, pp. 39-50)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/42/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 07.01.2016



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.