It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

 

SOMMARJU:

tar-Regolament (UE) Nru 98/2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan ir-Regolament tal-UE jistabbilixxi regoli armonizzati li jirrigwardaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi - sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jintużaw ħażin għall-manifattura illeċita tal-isplussivi. Dan għandu l-għan li jillimita d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku ġenerali, u li jiżgura li t-tranżazzjonijiet suspettużi, l-għajbien u s-serq sinifikanti, fil-katina tal-provvista kollha jiġu rrappurtati b’mod xieraq.

Il-miżuri preċedenti ma kinux ikopru l-UE kollha kemm hi, jew ma kinux iqisu r-riskji ta’ sigurtà assoċjati ma’ dawn is-sustanzi kimiċi.

PUNTI EWLENIN

Qafas komuni

Dan ir-regolament idaħħal fis-seħħ qafas komuni biex jarmonizza l-liġijiet tal-pajjiżi tal-UE rigward l-aċċess għal ċerti prekursuri tal-isplussivi u li jiżgura livell imtejjeb ta’ sigurtà pubblika madwar l-UE.

Skop

L-iskop ta’ dan ir-regolament hu limitat għal żewġ listi qosra ta’ sustanzi (Annessi I u II) li l-aktar li huma ta’ tħassib.

L-Anness I jelenka l-prekursuri tal-isplussivi ristretti li huma soġġetti għall-projbizzjoni. Il-pubbliku ġenerali hu pprojbit milli jakkwista, jintroduċi, jkollu fil-pussess tiegħu jew juża dawn is-sustanzi f’konċentrazzjonijiet ogħla minn dawk stipulati fl-anness.

Barra minn hekk, ir-regolament jimponi d-dmir fuq l-operaturi ekonomiċi li jirrappurtaw kull tranżazzjoni suspettuża, kif ukoll għajbien u serq sinifikanti, li jinvolvu sustanzi jew taħlitiet elenkati kemm fl-Anness I kif ukoll fl-Anness II. It-tranżazzjonijiet suspettużi għandhom jiġu rrapportati lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Reġim ta’ liċenzjar jew reġistrazzjoni

Il-pajjiżi individwali tal-UE għandhom opzjoni li jżommu jew li jistabbilixxu reġim ta’ liċenzjar jew reġim ta’ reġistrazzjoni:

Revoka

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 jitħassar b’Regolament (UE) 2019/1148 (ara s-sommarju) b’effett mill-31 ta’ Jannar 2021.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-2 ta’ Settembru 2014.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi (ĠU L 39, 9.2.2013, pp. 1-11)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 98/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENT RELATAT

Linji gwida mill-Kummisjoni Ewropea u l-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri relatati mar-Regolament (UE) Nru 98/2013.

l-aħħar aġġornament 10.01.2020