Id-dritt għal għajnuna legali fi proċeduri kriminali

Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li ttejjeb l-aċċessibiltà, il-kwalità u l-effikaċja tal-għajnuna legali għal persuni suspettati jew akkużati ta’ reati kriminali u persuni mfittxija fi proċeduri Ewropej ta’ mandat ta’ arrest.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar id-dritt għal għajnuna legali għall-persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali.

SOMMARJU

Din ir-Rakkomandazzjoni timmira li tiżgura aċċess effettiv għal avukat fi proċeduri kriminali u fi proċeduri ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, billi ssaħħaħ id-dritt għal għajnuna legali għal suspettati, akkużati jew persuni mfittxija (minn hawn iżjed ’il quddiem ċittadini).

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fuq il-miżuri li għandhom jieħdu sabiex jagħmlu follow-up għar-Rakkomandazzjoni fi żmien 36 xahar min-notifika tagħha.

Valutazzjoni tal-eleġibilità għall-għajnuna legali

Iċ-ċittadini għandhom jingħataw għajnuna legali jekk ma jkollhomx riżorsi finanzjarji biżżejjed sabiex jissodisfaw l-ispejjeż tad-difiża u tal-proċeduri (test tal-mezzi), u/jew meta għajnuna bħal din tkun meħtieġa fl-interessi tal-ġustizzja (test tal-meritu).

L-effikaċja tal-għajnuna legali

Awtorità indipendenti għandha tiddeċiedi fil-pront fuq l-għoti ta’ għajnuna legali, sabiex tippermetti liċ-ċittadini jippreparaw id-difiża tagħhom. Iċ-ċittadini għandu jkollhom dritt li jirrevedu deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-applikazzjoni tal-għajnuna legali tagħhom.

Informazzjoni dwar għajnuna legali għandha tkun aċċessibbli u tiftiehem faċilment miċ-ċittadini, inkluż informazzjoni dwar kif u fejn għandhom japplikaw, kriterji ta’ eleġibilità trasparenti, u informazzjoni dwar il-possibilità li jitressqu ilmenti.

Il-kwalità tal-għajnuna legali

Fl-Istati Membri kollha tal-UE għandu jkun hemm fis-seħħ sistema ta’ akkreditazzjoni għal avukati tal-għajnuna legali. Din is-sistema għandha tħeġġeġ lill-avukati jagħmlu taħriġ professjonali kontinwu.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-persunal involut fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq l-għajnuna legali fi proċeduri kriminali jirċievi t-taħriġ xieraq.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni

-

-

ĠU C 378 tal-24.12.2013

ATTI RELATATI

Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294 tas-6.11.2013).

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (COM(2013) 824 final - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

L-aħħar aġġornament: 17.06.2014