Il-protokoll dwar l-offshore jgħin sabiex jipproteġi lill-Baħar Mediterran mit-tniġġis

L-UE ssieħbet mal-protokoll dwar l-offshore tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, fejn enfasizzat l-impenn tagħha li tipproteġi l-Baħar Mediterran kontra tniġġis mill-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u esplojtazzjoni ’lil hinn mill-kosta.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/5/UE tas-17 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra tniġġis li jirriżulta minn esplorazzjoni u esplojtazzjoni tal-blata kontinentali u ta’ qiegħ il-baħar u tas-sottoswol tiegħu (Il-Protokoll dwar l-Offshore)

SOMMARJU

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/5/UE tippermetti lill-UE sabiex tissieħeb mal-'protokoll dwar l-offshore' (Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra tniġġis li jirriżulta mill-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-blata kontinentali u ta’ qiegħ il-baħar u tas-sottoswol tiegħu), li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 2011.

Il-protokoll dwar l-offshore huwa wieħed mill-bosta protokolli tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona u għandu l-għan li jipproteġi l-Baħar Mediterran kontra t-tniġġis. Il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona huma l-21 pajjiż kollha li għandhom il-fruntieri tagħhom madwar il-Baħar Mediterran u l-UE.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri tal-UE fil-Mediterran, li għadhom ma sseħbux mal-Protokoll (Ċipru huwa l-uniku wieħed li ssieħeb), sabiex jieħdu l-passi neċessarji biex jagħmlu dan.

Il-protokoll dwar l-offshore huwa ispirat mill-Artikolu 7 tal-konvenzjoni emendata ta’ Barċellona. Dan jobbliga lill-partijiet sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jindirizzaw it-tniġġis tal-Baħar Mediterran li jirriżulta mill-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-blata kontinentali u ta’ qiegħ il-baħar u tas-sottoswol tiegħu.

Il-Mediterran għandu aktar minn 200 pjattaforma offshore li huma attivi. Minbarra dawn, hemm oħrajn li jinsabu fl-istadju tal-ippjanar, wara l-iskoperta ta’ riservi kbar ta’ karburanti fossili. Fl-eventwalità ta’ inċident, dawn il-pjattaformi u oħrajn taħt kunsiderazzjoni għal riżorsi minerali oħrajn jikkaġunaw theddida kbira għall-ekonomija Mediterranja, kif ukoll għall-ekosistemi kostali u marittimi fraġli tagħha.

L-indirizzar tar-riskju tat-tniġġis huwa wkoll konformi mal-obbligu tal-Istati Membri li jiksbu u jżommu status ambjentali tajjeb fl-ibħra marittimi tagħhom fil-Mediterran kif mitlub mid-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima.

Il-protokoll dwar l-offshore jkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ esplorazzjoni u esplojtazzjoni, filwaqt li jindirizza, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti tal-permessi, it-tneħħija ta’ installazzjonijiet abbandunati jew li ma għadhomx jintużaw, l-użu u t-tneħħija ta’ sustanzi perikolużi, ir-rekwiżiti ta’ responsabbiltà u kumpens u l-koordinazzjoni ma’ Partijiet oħrajn tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona f’livell reġjonali.

Il-Partijiet għall-Protokoll huma obbligati, individwalment jew permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali, li jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jipprevjenu, inaqqsu, jiġġieldu u jikkontrollaw it-tniġġis fiż-żona tal-protokoll li jirriżulta minn attivitajiet ta’ esplorazzjoni u esplojtazzjoni offshore. Huma jimpenjaw ruħhom ukoll li jużaw l-aqwa tekniki disponibbli u dawk li huma l-aktar effettivi għall-ambjent u l-aktar ekonomikament xierqa.

Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ wħud mill-miżuri ddettaljati tal-Protokoll, bħal sistema ta’ monitoraġġ nazzjonali, hija tal-pajjiżi u tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/5/UE

17.12.2012

-

ĠU L 004 tad-9.01.2013

ATTI RELATATI

Il-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra tniġġis li jirriżulta minn esplorazzjoni u esplojtazzjoni tal-blata kontinentali u ta’ qiegħ il-baħar u tas-sottoswol tiegħu.

Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona).

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima) - [Ġurnal Uffiċjali L 614 tal-25.6.2008].

L-aħħar aġġornament: 21.02.2014