Emissjonijiet li jniġġsu minn impjanti kbar tal-kombustjoni
L-Unjoni Ewropea (UE) tistabbilixxi l-limiti għal emissjonijiet ta’ pollutanti minn impjanti kbar tal-kombustjoni.
ATT
Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis).
SOMMARJU
Id-Direttiva 2010/75/UE dwar emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u kontroll tat-tniġġis intergrat) daħlet fis-seħħ fl-2011 u tissostitwixxi seba’ biċċiet preċedenti ta’ leġiżlazzjoni, inkluż id-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni.
L-għan ewlieni tagħha huwa li tnaqqas l-emissjonijiet industrijali ta’ ħsara, b’mod partikolari permezz ta’ applikazzjoni aħjar tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT), b’hekk hija ta’ benefiċċju kemm għas-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll għall-ambjent.
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2010/75/UE fih dispożizzjonijiet speċjali għall-impjanti ta’ kombustjoni. Japplika għal impjanti tal-kombustjoni, li l-input termali totali kklassifikat tagħhom huwa ugwali għal jew akbar minn 50 MW, irrispettivament mit-tip ta’ fjuwil użat.
Ċerti tipi ta’ impjanti ta’ kombustjoni huma esklużi mill-ambitu tagħha. Eżempji jinkludu:
Regoli tal-aggregazzjoni
Il-liġi tistabbilixxi regoli dwar l-aggregazzjoni. Pereżempju, fejn il-gassijiet ħżiena ta’ żewġ impjanti separati jew aktar jiġu emessi minn ċumnija komuni, il-kombinazzjoni ffurmata minn impjanti bħal dawn hija meqjusa bħala impjant ta’ kombustjoni singolu u l-kapaċitajiet tagħhom huma miżjudin għall-għanijiet ta’ kalkolazzjoni tal-input termali kklassifikat totali.
Valuri tal-limitu tal-emissjonijiet
Il-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet għal impjanti kbar tal-kombustjoni stabbiliti fl-Anness V għad-Direttiva huma ġeneralment aktar stretti minn dawk fid-Direttiva 2001/80/KE preċedenti. Hemm grad ta’ flessibilità (Pjan Nazzjonali Transnazzjonali, deroga għal perjodu ta’ żmien limitat) għal installazzjonijiet eżistenti. L-Anness V (Partijiet 1 u 2) jistabbilixxi l-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-kombustjoni.
Impjanti tat-tisħin distrettwali
Sal-31 ta’ Diċembru 2022, ċerti impjanti tat-tisħin distrettwali jistgħu jiġu eżentati mill-konformità mal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet (eż. jekk l-input termali kklassifikat totali tal-impjant tal-kombustjoni ma jaqbiżx il-200 MW jew l-impjant ingħata l-ewwel permess qabel is-27 ta’ Novembru 2002).
Monitoraġġ ta’ emissjonijiet fl-arja
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-emissjonijiet fl-arja jiġu mmonitorjati skont il-Parti 3 tal-Anness V u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-permess tal-operat tal-installazzjoni jiġu ssodisfati bis-sħiħ. L-installazzjoni u l-funzjonament ta’ apparat ta’ monitoraġġ awtomatizzat huma soġġetti għal kontroll u għal testijiet ta’ sorveljanza annwali.
Ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju
F’dan ir-rigward, l-operaturi tal-impjanti kollha tal-kombustjoni b’output tal-elettriku kklassifikat ta’ 300 megawatts jew aktar għandhom jiżguraw li (i) ikun hemm disponibbli siti ta’ ħżin xierqa; (ii) faċilitajiet tat-trasport huma teknikament u ekonomikament fattibbli; u (iii) huwa teknikament u ekonomikament fattibbli li jsir twaħħil aktar tard ta’ tagħmir li jaqbad id-dijossidu tal-karbonju.
Funzjonament ħażin/ħsara fit-tagħmir ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-permessi maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom fihom dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament ħażin jew ma’ ħsara fit-tagħmir ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. Fil-każ ta’ ħsara, l-operatur għandu jnaqqas jew jagħlaq l-operazzjonijiet jekk ma jintlaħaqx ritorn għal operazzjoni normali fi żmien 24 siegħa, jew għandu jħaddem l-impjant bl-użu ta’ fjuwils b’ammont baxx ta’ tniġġiż.
REFERENZI
|
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
|
Direttiva 2010/75/UE |
6.1.2011 |
7.1.2013 |
ĠU L 334 tas-17.12.2010, p. 17-119 |
ATTI RELATATI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/507/KE tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll għall-Konvenzjoni ta’ l-1979 dwar it-Tinġis ta’ l-Arja Transkonfinali fit-Tul biex Titnaqqas l-Aċidifikazzjoni, l-Etrofikazzjoni u l-Ożonu ta’ ma’ Wiċċ l-Art (ĠU L 179 tas-17.7.2003).
Dan il-Protokoll tal-1979 ifittex li jnaqqas l-emissjonijiet tas-sulfur, NOx, NH3 u VOC ikkawżati minn attività tal-bniedem u li kapaċi jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent permezz ta’ proċessi ta’ aċidifikazzjoni, ewtrofikazzjoni u formazzjoni tal-ożonu troposferiku li jirriżulta minn trasport transkonfini fuq distanza twila.
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/47/KE tal-15 ta’ Jannar 2003 dwar il-linji gwida sabiex jassisitu lil Stat Membru fil-preparazzjoni ta’ pjan nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bħala segwitu għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (notifikata taħt id-dokument numru C(2003) 9) (ĠU L 16 tat-22.1.2003).
L-aħħar aġġornament: 11.08.2014