Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew
Il-Kummissjoni Ewropea fasslet firxa ta’ proposti dwar kif tkun modernizzata l-bażi industrijali tal-UE sabiex issaħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tagħha.
ATT
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew (COM(2014) 14 final 22.1.2014 -- Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
SOMMARJU
F’dan is-sett dettaljat ħafna ta’ proposti politiċi, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda ssejjaħ lill-pajjiżi tal-UE sabiex jirrikonoxxu l-importanza prinċipali tal-industrija fit-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku madwar l-UE. Il-proposti huma ddisinnjati sabiex jipprovdu sinjal ċar tal-impenn tal-UE għall-immodernizzar tal-bażi industrijali tal-Ewropa.
Il-proposti jkopru varjetà wiesa’ ta’ oqsma. Dawn jinkludu:
Żvilupp tal-infrastruttura
Qasam mil-lista twila ta’ oqsma ta’ prijorità li ssemmi l-Kummissjoni fil-konklużjonijiet tagħha huwa l-iżvilupp tal-infrastruttura. Dan ifisser il-ħolqien ta’ ambjent attraenti għall-kumpaniji u għall-produzzjoni. Hawnhekk, il-Kummissjoni trid iddaħħal fis-seħħ miżuri u leġiżlazzjoni dwar l-informazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ispazju u n-netwerks diġitali ta’ komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tisħaq li dewmien fl-użu ta’ infrastruttura bħal din itellef il-kompetittività futura tal-UE.
Inżommu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali
Eżempju ieħor ta’ sett ta’ proposti huwa relatat ma’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. F’dinja fejn il-kompetittività ta’ spiss tiġi mill-vantaġġ li tkun tal-ewwel u mill-branding, huwa dejjem aktar importanti għall-kumpaniji tal-UE li jżommu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fis-swieq relevanti kollha, b’mod speċjali fl-industriji kreattivi fejn il-falsifikazzjoni hija problema serja. Hawnhekk il-Kummissjoni diġà espandiet in-netwerk ta’ helpdesks għad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali għal ASEAN (l-Asja tax-Xlokk) u MERCOSUR (l-Amerika t’Isfel) sabiex joffru servizzi mifruxin ma’ żona ġeografika usa’ u qed tikkunsidra li testendi dawn is-servizzi ta’ appoġġ għal partijiet oħrajn tad-dinja.
Għal aktar informazzjoni, ara wkoll:
L-aħħar aġġornament: 11.06.2014