L-istrateġija tiffoka fuq l-iżgurar tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-kuntest ġeopolitiku attwali ta' dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija.
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija (COM(2014) 330 finali tat-28.5.2014).
L-istrateġija tiffoka fuq l-iżgurar tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-kuntest ġeopolitiku attwali ta' dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija.
8 azzjonijiet ewlenin li jeħtieġu jittieħdu:
Azzjoni immedjata biex tiġi evitata interruzzjoni fil-provvista tal-enerġija fix-xitwa 2014/2015 : importanti b'mod partikolari għal pajjiżi li huma dipendenti fuq fornitur tal-gass wieħed, dan jinkludi ż-żieda fil-kapaċità tal-ħżin, l-iżvilupp tas-sigurtà tal-pjanijiet tal-provvista u li jsir aktar użu mill-potenzjal tal-gass naturali likwifikat.
It-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' emerġenza/solidarjetà tal-pajjiżi tal-UE : inkluż il-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskji u l-pjanijiet ta' kontinġenza u l-l-protezzjoni ta' infrastruttura strateġika/kritika, bħal linji ta' pajpijiet, u reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.
Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija : liġijiet bħad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini jeħtieġu li jiġu infurzati b'mod rigoruż, filwaqt li oħrajn jeħtieġu reviżjoni. Hemm bżonn ta' azzjoni sabiex jiġu identifikati aktar gwadanni potenzjali fl-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll kwalunkwe ostakolu għall-implimentazzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija. Biex jattiraw aktar investiment fis-settur privat, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għandhom €27 biljun x'jinvestu fl-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, inkluż l-effiċjenza tal-enerġija.
L-iżgurar ta' suq intern effiċjenti u integrattal-elettriku : fost affarijiet oħrajn, billi jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-infrastruttura tal-enerġija tal-UE u tiġi estiża l-mira għall-interkonnessjoni tal-kapaċitàtal-elettriku minn 10% fl-2020 għal 15% sal-2030.
Żieda fil-produzzjoni tal-enerġija tal-UE indiġena : inkluż iż-żieda fl-użu ta' enerġiji rinnovabbli, il-produzzjoni sostenibbli ta' fjuwils fossili, u l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju.
L-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija : sabiex titnaqqas aktar id-domanda tal-enerġija, jiġu diversifikati u kkonsolidati l-għażliet tal-provvista, u tiġi ottimizzata l-infrastruttura tal-enerġija.
Id-diversifikazzjoni tal-provvisti esterni u infrastruttura relatata : għall-gass, aċċess għal sorsi diversifikati hija vitali, kif inhi ż-żamma ta' importazzjonijiet minn fornituri affidabbli. Għandha tingħata attenzjoni għal investimenti f'impjanti ġodda tal-enerġija nukleari sabiex jiġi żgurat portafoll tal-provvista tal-fjuwil nukleari diversifikata, u b'hekk titnaqqas id-dipendenza fuq ir-Russja.
It-titjib tal-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali tal-enerġija u komunikazzjoni fuq kwistjonijiet esterni: għalkemm prerogativa nazzjonali, deċiżjonijiet fuq it-taħlit tal-enerġija, l-integrazzjoni progressiva tal-infrastruttura tal-enerġija u tas-swieq, id-dipendenza komuni fuq fornituri esterni u l-ħtieġa li tiġi żgurata s-solidarjetà fi żminijiet ta' kriżi, ilkoll jimplikaw li d-deċiżjonijiet politiċi ewlenin dwar l-enerġija għandhom jiġu kkoordinati, u li l-UE teħtieġ tiżviluppa messaġġi konsistenti fuq aspetti esterni tal-politika tal-enerġija.
Iċ-ċittadini u l-ekonomiji Ewropea huma dipendenti fuq provvista sikura tal-enerġija. Dan is-sit elettroniku fih aktar informazzjoni dwar kif din l-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija timmira li tiżgura provvista tal-enerġija stabbli u abbundanti għall-Ewropa.
l-aħħar aġġornament 19.09.2014