Il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ mard u korrimenti kkaġunati minn sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol

L-Unjoni Ewropea (UE), minbarra li tieħu miżuri hija stess biex tiżgura li s-sustanzi kimiċi użati fuq il-post tax-xogħol huma sikuri, tappoġġa azzjoni internazzjonali sabiex jintlaħaq l-istess għan. Din id-deċiżjoni tawtorizza lill-pajjiżi tal-UE biex jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi Nru 170 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/52/UE tat-28 ta' Jannar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 170).

L-UE tħeġġeġ b’mod attiv ir-ratifika tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li jikkontribwixxu għall-isforzi tagħha stess biex tippromwovi x-xogħol deċenti għal kulħadd, kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tagħha, inklużi l-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema.

Fil-bidu tal-2014, l-UE adottat deċiżjoni li tippermetti lill-pajjiżi tal-UE li jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (Konvenzjoni Nru 170). Il-kontenut ta’ din il-Konvenzjoni huwa kopert fil-biċċa l-kbira mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta’ sustanzi kimiċi.

Minħabba dan, partijiet mill-konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE. L-UE nnifisha ma tistax tirratifika l-konvenzjoni - il-pajjiżi biss jistgħu jagħmlu dan. Din id-deċiżjoni twitti t-triq għall-pajjiżi tal-UE biex jirratifikaw il-konvenzjoni.

Prinċipju ġenerali

Il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi tal-ILO Nru 170 tiddikjara bħala prinċipju ġenerali li organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u ta’ ħaddiema li huma l-aktar rappreżentattivi għandhom jiġu kkonsultati dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi żgurata s-sikurezza fl-użu tas-sustanzi kimiċi.

Il-klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi

Il-konvenzjoni tinkludi informazzjoni dwar is-sistemi użati biex is-sustanzi kimiċi jiġu kklassifikati skont it-tip u l-livell tar-riskju tagħhom għas-saħħa, dwar l-ittikkettar u l-immarkar tagħhom u dwar l-użu ta’ skedi ta’ dejta ta’ sigurtà (skedi li jipprovdu, pereżempju, istruzzjonijiet għall-użu, l-immaniġġar, ir-rimi u t-trasport ta’ kull sustanza kimika).

Obbligi tal-fornituri

Il-fornituri tas-sustanzi kimiċi, kemm jekk huma manifatturi, importaturi jew distributuri, għandhom jikkonformaw mar-regoli u jaġġornaw l-informazzjoni kull meta jsiru disponibbli fatturi rilevanti ta’ saħħa u sigurtà.

Monitoraġġ

Min iħaddem għandu jiżgura li l-ħaddiema ma jkunux esposti għas-sustanzi kimiċi lil hinn mill-limiti legali u għandu jwettaq monitoraġġ u jirreġistra b’attenzjoni l-ħinijiet ta’ esponiment.

Informazzjoni, taħriġ u drittijiet

Il-persunal għandu jirċievi wkoll informazzjoni u taħriġ dwar ir-rimi ta’ sustanzi kimiċi perikolużi, kif ukoll informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu u dawk tar-rappreżentanti tiegħu. Dawn jinkludu d-dritt tal-ħaddiema li ma jaħdmux b'sustanzi kimiċi jekk ikollhom ġustifikazzjoni raġonevoli li hemm riskju imminenti u serju għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/52/UE

30.1.2014

-

ĠU L 32 tal-1.2.2014

L-aħħar aġġornament: 07.07.2014