Indirizzar tat-tħassib tal-UE dwar ix-xogħol fl-2015

L-abbozz tar-rapport konġunt dwar l-impjiegi jakkompanja l-istħarriġ dwar it-tkabbir annwali 2015 (AGS). Janalizza t-tendenzi tal-impjiegi u dawk soċjali fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u r-risponsi politiċi tagħhom sabiex itejbu l-prestazzjoni fl-impjiegi u dik soċjali.

ATT

Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg mill-Kummissjoni u l-Kunsill li jakkompanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2015 (COM(2014) 906 final tat-28 ta' Novembru 2014).

SOMMARJU

L-abbozz tar-rapport konġunt dwar l-impjiegi jakkompanja l-istħarriġ dwar it-tkabbir annwali 2015 (AGS). Janalizza t-tendenzi tal-impjiegi u dawk soċjali fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u r-risponsi politiċi tagħhom sabiex itejbu l-prestazzjoni fl-impjiegi u dik soċjali.

X'INHU L-GĦAN TA' DAN IR-RAPPORT?

Fil-kuntest taċ-ċiklu l-ġdid tas-semestru Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea (KE) ppubblikat l-AGS li jiffoka fuq kif l-UE tista’ taġixxi sabiex tappoġġa l-ħolqien u t-tkabbir tax-xogħol. B’mod partikolari, l-AGS jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi ġenerali tal-UE u jipprovdi lill-pajjiżi tal-UE bi gwida politika għas-sena li jkun imiss.

L-AGS huwa akkompanjat ukoll b’dan ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi li janalizza s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-UE u r-risponsi politiċi mill-pajjiżi tal-UE f’dan ir-rigward.

PUNTI EWLENIN

Ir-rapport juri li riformi strutturali sostanzjali jwasslu għal riżultati. Janalizza wkoll il-potenzjal għat-titjib tal-prestazzjoni tal-impjiegi u dik soċjali tal-UE.

Konklużjonijiet prinċipali:

it-tendenzi tas-suq tax-xogħol u dawk soċjali: anki jekk il-qgħad qiegħed jonqos bil-mod, xorta waħda għadu għoli fl-EU28 bi 24.6 miljun (10.1 %) f’Settembru 2014. Ir-rapport jindika wkoll li:

il-qgħad għal perjodu ta’ żmien twil qiegħed jiżdied (5.1 % fl-EU28 fl-2013);

il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu f’livell għoli ħafna (21.6 % fl-EU28 fl-2014) iżda qed juri sinjali ta’ titjib;

il-livelli ta’ tluq kmieni mill-iskola qegħdin jagħmlu progress lejn il-mira ta’ inqas minn 10 % ta’ tluq mill-iskola sal-2020;

l-UE qiegħda tagħmel progress tajjeb lejn il-mira ta’ 40 % ta’ dawk li għandhom bejn 30 u 34 sena li jtemmu l-edukazzjoni terzjarja sal-2020.

Riformi fl-impjiegi u soċjali tal-pajjiżi tal-UE: Il-pajjiżi tal-UE segwew riformi b’mod konformi mas-semestru Ewropew tal-2014 b’effetti fuq ir-rati ta’ attività . Ittieħdu miżuri sabiex jagħmlu tajjeb għall-qgħad għal perjodu ta’ żmien twil li għandhom l-għan li:

inaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol* billi jissimplifikaw il-liġi dwar ix-xogħol tal-pajjiżi tal-UE;

inaqqsu t-tassazzjoni fuq ix-xogħol li tippermetti lill-kumpaniji jirreklutaw (mill-ġdid) iż-żgħażagħ u lil dawk li ilhom għal żmien twil bla xogħol;

jiżguraw ambjent favorevoli għal kumpaniji li jippromwovu l-apprendistati;

itejbu l-ħiliet fis-sistema edukattiva tal-pajjiżi tal-UE fil-livelli kollha;

jirriformaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex jiġi żgurat li dawk esklużi mis-swieq tax-xogħol ikunu protetti u milqugħin mill-faqar.

Madankollu, ir-rapport jisħaq li l-progress u l-ambizzjoni fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi jvarja bejn pajjiżi tal-UE. Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar sforzi sabiex jiġu żgurati riżultati prattiċi konkreti.

Tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi

Ir-rapport fih ukoll it-tieni edizzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-impjiegi u dawk soċjali introdotti sabiex isaħħu d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomiku u Monetarja (EMU):

il-qgħad;

il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rata ta’ dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (rata NEET);

dħul disponibbli għad-djar domestiċi;

ir-rata ta’ riskju ta’ faqar;

inugwaljanzi fid-dħul*.

Is-sejbiet prinċipali fl-2015 juru varjazzjoniijet soċjo-ekonomiċi persistenti fir-rati ta’ qgħad, ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u ta’ NEET fost iż-żgħażagħ. Tnaqqis fid-dħul fl-unitajiet domestiċi u żieda fl-inugwaljanzi u fir-rati ta’ qgħad jidhru wkoll fil-pajjiżi li jinsabu fin-nofsinhar nett taż-żona tal-euro (l-Italja, il-Greċja, eċċ.).

TERMINI EWLENIN

* Segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol: fejn is-suq tax-xogħol huwa maqsum f'sub-partijiet. Eżempji jinkludu sitwazzjonijiet fejn xi impjegati jkollhom kuntratti permanenti u oħrajn ikollhom kuntratti temporanji jew fejn hemm differenzi bejn il-kundizzjonijiet għal ħaddiema migranti u dawk mhux migranti.

* Inugwaljanzi fid-dħul: f'dan il-kuntest, huwa t-tqabbil tal-ishma relattivi tad-dħul ta' pajjiż fost il-gruppi varji fi ħdan il-popolazzjoni tiegħu. Meta s-sehem tad-dħul ġenerali jkun wieħed għoli ħafna fost is-sinjuri, is-segmenti l-iktar foqra għandhom sehem korrespondentament iżgħar u l-inugwaljanza tkun ogħla.

Għal iktar informazzjoni, ara:

L-aħħar aġġornament: 21.06.2015