Dawn il-konklużjonijiet jiġbdu l-attenzjoni fuq bosta benefiċċji u opportunitajiet li jġibu magħhom l-internet u l-midja soċjali, iżda jispjegaw ukoll it-theddidiet potenzjali u l-perikli li dawn jistgħu jippreżentaw.
Dawn jenfasizzaw l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-għajnuna liż-żgħażagħ biex isiru litterati fil-midja u ċittadini responsabbli tal-futur, u biex jgħinuhom jevitaw l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni.
PUNTI EWLENIN
Element ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ hu li jitnisslu valuri fundamentali fiż-żgħażagħ, bħal dawk imnaqqxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, waqt li ssir promozzjoni tal-abbiltà tagħhom biex jaħsbu b’mod indipendenti u b’mod kritiku.
Għandu jingħata appoġġ lill-edukaturi u lill-persunal tat-taħriġ sabiex fil-klassi jkunu jistgħu jiġu diskussi kwistjonijiet kontroversjali b’mod miftuħ u sabiex il-persunal iżomm ruħu aġġornat mal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-aċċess, l-interpretazzjoni, il-produzzjoni u l-użu ta’ kontenut tal-midja b’mod responsabbli. Għandu jkun hemm aktar promozzjoni tal-iskambji ta’ prattiki tajbin dwar il-litteriżmu fil-midja u l-ħsieb kritiku fil-kuntest tal-qafas strateġiku ET2020.
Il-litteriżmu fil-midja, li jirreferi għall-abbiltà ta’ persuni biex jaċċessaw, jifhmu, joħolqu u b’mod kritiku jevalwaw tipi differenti ta’ midja, huwa fundamentali għal involviment attiv f’ħajja demokratika.
Il-kompetenza diġitali li tiġbor fiha l-użu kunfidenti, kreattiv u kritiku ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, hi komponent kruċjali tal-litteriżmu fil-midja. Madankollu, 40 % taċ-ċittadini tal-UE m’għandhomx ħiliet diġitali.