Is-sorveljanza ekonomika tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro li jinsabu f’diffikultajiet baġitarji

Dan ir-Regolament huwa maħsub biex jagħti spinta lis-sorveljanza ekonomika u baġitarja għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro li qegħdin jesperjenzaw jew li huma mhedda b’instabbiltà finanzjarja serja.

ATT

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom.

SOMMARJU

Ir-Regolament, li daħal fis-seħħ f’Mejju 2013, jibni fuq ir-regoli eżistenti tal-Unjoni Ewropea relatati mas-sorveljanza baġitarja u makroekonomika.

Huwa japplika għall-pajjiżi tal-UE li jużaw il-munita tal-euro (magħrufa bħala l-pajjiżi taż-żona euro jew taż-żona tal-euro) u li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet baġitarji serji li jistgħu jwasslu għal instabbiltà finanzjarja. Pereżempju, huma jistgħu jsibu diffikultà sabiex ibaxxu d-dejn pubbliku tagħhom għal livelli sostenibbli jew jistgħu jsibu diffikultà sabiex jiksbu self affordabbli. L-għan prinċipali huwa li tiġi żgurata l-istabbiltà fiż-żona euro billi jiġu evitati l-effetti negattivi potenzjali fuq pajjiżi oħrajn fiż-żona tal-euro.

Għalhekk, dan ir-Regolament japplika wkoll għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro li jitolbu jew jirċievu assistenza finanzjarja mingħand pajjiżi tal-UE, pajjiżi terzi, mekkaniżmi ta’ stabbiltà tal-UE jew istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Ir-regolament ikopri 3 tipi ta’ sorveljanza aktar mill-qrib:

1.

Sorveljanza mtejba / msaħħa: din iddaħħlet fis-seħħ għal pajjiż fiż-żona tal-euro li jinsab f’diffikultajiet baġitarji meta jkun hemm riskju ta’ effetti konsegwenzjali negattivi fuq pajjiżi oħrajn fiż-żona tal-euro (minħabba l-interdipendenza tas-swieq tagħhom, b’mod partikolari għall-kapital). Hawnhekk, il-pajjiż taż-żona euro inkwistjoni jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni dwar il-baġit tiegħu. Il-pajjiż taż-żona euro mbagħad jaħdem mal-Kummissjoni sabiex jinstabu modi kif huwa jkun jista’ jtejjeb il-finanzi pubbliċi tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi kull 6 xhur jekk testendix din il-kooperazzjoni jew le.

2.

Programm ta’ aġġustament makroekonomiku: dan japplika għall-pajjiżi li jirċievu assistenza finanzjarja (eż. self). L-assistenza finanzjarja ġeneralment tingħata b’kundizzjonijiet mehmuża mal-iżborż tagħha lill-pajjiż fiż-żona tal-euro inkwistjoni. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku li għandu jiġi approvat mill-Kunsill wara proposta mill-pajjiż inkwistjoni. L-għan hawnhekk huwa wkoll li l-pajjiż fiż-żona tal-euro jiġi megħjun itejjeb il-finanzi pubbliċi tiegħu.

3.

Sorveljanza wara l-programm: wara li jkunu ġew żborżati l-porzjonijiet kollha tal-assistenza finanzjarja, il-pajjiż fiż-żona tal-euro kkonċernat jibqa’ taħt sorveljanza ta’ wara l-programm (sakemm tkun tħallset lura mill-inqas 75% tal-assistenza finanzjarja). Hawnhekk, il-Kummissjoni, f’kollegament mal-Bank Ċentrali Ewropew, tmur fuq missjonijiet regolari fil-pajjiż fiż-żona tal-euro, li min-naħa tiegħu jirrapporta lura dwar dak li qiegħed jagħmel sabiex itejjeb il-finanzi pubbliċi tiegħu. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill sabiex jirrakkomanda lill-pajjiż ikkonċernat jadotta miżuri addizzjonali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolment (UE) Nru 472/2013

30.5.2013

-

ĠU L 140 tas-27.5.2013.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140 tas-27.5.2013).

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 877/2013 tas-27 ta’ Ġunju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 244 tat-13.9.2013).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar żewġ listi ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 (ĠU C 300 tas-16.10.2013).

L-aħħar aġġornament: 04.04.2014