Ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali meħudin illegalment minn pajjiż ieħor tal-UE
Din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) tiċċara u testendi r-regoli eżistenti dwar ir-ritorn tal-oġġetti kulturali kollha meqjusin minn pajjiż tal-UE bħala teżori nazzjonali li kienu tneħħew illegalment mit-territorju tiegħu wara l-1 ta’ Jannar 1993.
ATT
Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta’oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Riformulazzjoni)
SOMMARJU
X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?
Din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) tiċċara u testendi r-regoli eżistenti dwar ir-ritorn tal-oġġetti kulturali kollha meqjusin minn pajjiż tal-UE bħala teżori nazzjonali li kienu tneħħew illegalment mit-territorju tiegħu wara l-1 ta’ Jannar 1993.
PUNTI PRINĊIPALI
Kamp ta’ applikazzjoni
Il-liġi tkopri oġġetti ta’ interess storiku, paleontoloġiku, etnografiku, numismatiku jew ta’ valur xjentifiku. L-oġġetti jistgħu jkunu jew ma jkunux jagħmlu parti minn kollezzjoni pubblika jew kollezzjonijiet oħrajn, jew jistgħu jkunu oġġetti uniċi. Dawn jistgħu joriġinaw minn skavar regolari jew illegali iżda jridu jkunu ġew ikklassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali.
Ma hemmx iktar rekwiżit li l-oġġetti jappartjenu għal kategoriji jew li jikkonformaw mal-limiti massimi relatati mal-età u/jew mal-valur finanzjarju tagħhom biex jikkwalifikaw għar-ritorn.
Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE
L-aġenziji tal-gvernijiet nazzjonali mill-pajjiżi tal-UE huma mitlubin jikkooperaw b’mod effiċjenti ma’ xulxin u jiskambjaw dettalji dwar it-tneħħija illegali ta’ oġġetti permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern tal-UE.
Il-limiti ta’ żmien għall-verifiki u r-ritorn
Ladarba jiġi avżat minn pajjiż ieħor tal-UE dwar l-iskoperta ta’ oġġett, il-pajjiż għandu 6 xhur biex jivverifika jekk huwiex teżor nazzjonali.
Il-pajjiż li minnu l-oġġett ikun ittieħed illegalment għandu 3 snin biex jibda proċeduri tar-ritorn mill-mument meta jsir jaf fejn jinsab l-oġġett u l-identità tas-sid/tad-detentur.
Il-proċeduri tar-ritorn ma jistgħux isiru wara aktar minn 30 sena li l-oġġett tneħħa illegalment mill-pajjiż tal-UE li jagħmel it-talba. Dan il-limitu ta’ żmien jiżdied għal 75 sena fil-każ ta’ oġġetti li jagħmlu parti minn kollezzjonijiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet reliġjużi (f’pajjiżi fejn dawn jibbenefikaw minn regoli ta’ protezzjoni speċjali).
Kumpens
Skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, u biss jekk id-detentur jista’ juri li kien mexa b’diliġenza u b'attenzjoni meta akkwista l-oġġett (jiġifieri li huwa ma setax ikun jaf li l-oġġett kien traffikat b’mod illegali), il-qorti tal-pajjiż tal-UE li ġie mitlub jagħmel ir-ritorn għandha tagħti kumpens ġust. Din il-prova hija bbażata fuq dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-oġġett, kwalunkwe permess għat-tneħħija tal-oġġett meħtieġ mil-liġi tal-pajjiż li jagħmel it-talba, il-prezz imħallas, u jekk id-detentur ikkonsultax xi reġistru aċċessibbli ta’ oġġetti kulturali misruqa.
MINN META SEJRA TIBDA TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?
Id-Direttiva 2014/60/UE tirrevoka l-liġi eżistenti, id-Direttiva 93/7/KEE b’effett mid-19.12.2015.
REFERENZI
|
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
|
17.6.2014 |
18.12.2015 |
||
|
- |
- |
l-aħħar aġġornament 10.09.2015