Ostakoli għall-kummerċ u l-investiment fl-UE
Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport dwar l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-swieq tas-sħab ekonomiċi ewlenin tagħha. Ir-rapport tal-2015 jikkonkludi li, minkejja l-irkupru ekonomiku globali, dawn l-ostakoli għadhom preżenti.
ATT
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew- Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2015 (COM(2015) 127 final tas-17.3.2015)
SOMMARJU
Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport dwar l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-swieq tas-sħab ekonomiċi ewlenin tagħha. Ir-rapport tal-2015 jikkonkludi li, minkejja l-irkupru ekonomiku globali, dawn l-ostakoli għadhom preżenti.
X’JAGĦMEL DAN IR-RAPPORT?
Ir-rapport huwa parti mill-istrateġija għat-tisħiħ tal-kummerċ stabbilita fl-2010 biex tikkumplimenta l-Istrateġija Ewropa 2020.
Ir-rapport:
-
jagħti ħarsa ġenerali lejn in-negozjati tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment,
-
jeżamina l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment li qed iħabbtu magħhom negozji tal-UE fl-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, ir-Russja u l-Istati Uniti,
-
jidentifika l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex tiżgura l-aċċess sikur għas-swieq globali għad-ditti Ewropej.
PUNTI EWLENIN
In-negozjati li għaddejjin
Il-kisbiet fl-2014 jinkludu:
Eżempji ta’ ostakoli ewlenin għall-kummerċ u l-investiment identifikati
L-Arġentina u l-Brażil
-
id-“
dikjarazzjoni ġuramentata minn qabel mill-importatur
” tal-Arġentina għall-importazzjonijiet kollha tibqa’ sfida ewlenija,
-
ir-restrizzjonijiet tal-Arġentina fuq it-trasferiment ta’ muniti barranin, dividendi* u royalties*,
-
limitazzjonijiet fuq sjieda barranija fil-Brażil, pereżempju fis-setturi tal-midja, l-avjazzjoni u tal-minjieri,
-
it-taxxi diskriminatorji u s-sussidjar ta’ produtturi domestiċi fil-Brażil,
-
il-miżuri tal-Brażil li jħarbtu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti pubbliċi.
Iċ-Ċina
-
ir-restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-investiment barrani,
-
kwistjonijiet rigward ir-rispett għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali,
-
it-teknoloġija ta’ sigurtà tal-informatika żviluppata fiċ-Ċina biss hija meqjusa bħala “sikura”,
-
ostakoli għall-aċċess għas-suq fis-setturi tas-saħħa u l-kożmetiċi,
-
ostakoli relatati ma’ aspetti sanitarji u fitosanitaji.
L-Indja
-
ostakoli għall-aċċess għas-suq fis-setturi tal-IT u l-prodotti elettroniċi,
-
approċċ restrittiv għall-użu ta’ stikers fuq l-imballaġġ li wassal għal tfixkil serju fil-kummerċ tal-prodotti tal-ikel.
Il-Ġappun
-
l-akkwist pubbliku (inklużi l-linji ferrovjarji).
Ir-Russja
-
implimentazzjoni żbaljata tat-tariffi relatati mad-WTO fil-każ ta’ ħafna prodotti,
-
liġi ġdida dwar il-lokalizzazzjoni tad-dejta personali teħtieġ li d-dejta personali kollha tal-individwi Russi tinħażen fiżikament u tiġi pproċessata fir-Russja, bl-ebda eżenzjoni għal dejta kummerċjali; dan għandu implikazzjonijiet ċari għall-kumpaniji tal-UE li se jkunu jistgħu jużaw biss ċentri tad-dejta bbażati r-Russja biex jipproċessaw id-dettalji ta’ individwi Russi,
-
ostakoli relatati ma’ aspetti sanitarji u fitosanitarji,
-
projbizzjoni fuq prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel mill-UE minħabba sanzjonijiet kontra r-Russja fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna,
-
regolamenti li spiss jistabbilixxu ċertifikazzjoni eċċessiva u rekwiżiti ta’ valutazzjoni tal-konformità,
-
sussidji għall-manifatturi u x-xerreja ta’ makkinarju agrikolu b’ċerti rekwiżiti ta’ kontenut lokali.
L-Istati Uniti
-
ir-restrizzjonijiet “
Buy American
” li jirregolaw l-akkwist pubbliku,
-
ostakoli relatati ma’ aspetti sanitarji u fitosanitarji,
-
diffikultajiet biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali - bħal indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE fuq l-ikel u x-xorb.
Sforzi tal-Kummissjoni favur l-aċċess għas-suq
Il-Kummissjoni tagħmel użu minn diversi għodod biex tindirizza l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment:
-
in-negozjati li għaddejjin dwar Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) (l-UE f’negozjati ma’ erba’ mis-sitt sħab),
-
l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ FTAs eżistenti,
-
proċedimenti tar-Riżoluzzjoni tad-Disputi tad-WTO,
-
Kumitati tad-WTO,
-
Samits internazzjonali (spiss fil-format tal-G20, jiġifieri lagħat li jinvolvu l-akbar 20 ekonomija tad-dinja).
Għal aktar informazzjoni, ara L-Aċċess għas-Swieq fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.
TERMINI EWLENIN
* Dividendi: flus imħallsa minn kumpanija lill-azzjonisti tagħha.
* Royalties: somom imħallsa lid-detentur tal-proprjetà intellettwali għall-użu tagħha. Eżempji jinkludu l-ħlas lil mużiċist għal kull reġistrazzjoni mibjugħa jew lil inventur għall-użu ta’ privattiva.
l-aħħar aġġornament 07.08.2015