Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika ta’ l-Albanija f’isem il-Komunità Ewropea /* KUMM/2006/0138 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 21.03.2006 KUMM(2006) 138 finali 2006/0044 (AVC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika ta’ l-Albanija f’isem il-Komunità Ewropea Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, bħala parti, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, bħala l-parti l-oħra (PREżENTATI MILL-KUMMISSJONI) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Iż-żewġ proposti mehmuża jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, bħala parti, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, minn issa ‘l quddiem imsejħa l-Albanija, bħala l-parti l-oħra: (i) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għall-iffirmar tal-Ftehim; (ii) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-konklużjoni tal-Ftehim. 2. Ir-relazzjonijiet ta’ l-Albanija mal-Komunità Ewropea huma issa koperti bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar in-Negozju, il-Kummerċ u l-Ekonomija li ġie ffirmat f’Mejju 1992 u daħal fis-seħħ fl-4 ta' Diċembru 1992. 3. Il-Kummissjoni, fis-6 ta’ Ġunju 2001, adottat rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar ix-xogħol tal-Grupp ta' Direzzjoni ta' Livel Għoli UE/Albanija, bi preparazzjoni għan-negozjar ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni u Stabilità ma’ l-Albanija (ref. COM(2001)300). Ir-rapport ikkonkluda li l-perspettiva tal-ftuħ tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kienet l-aqwa mod biex wieħed jgħin fiż-żamma tal-momentum tar-riforma ekonomika u politika, u biex jinkoraġġixxi lill-Albanija tkomplu fl-influwenza kostruttiva u ta’ moderazzjoni fir-reġjun. Fuq din il-bażi, ir-rapport jirrakkomanda l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim simili. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill għal negozjar tad-direttivi kienet adottata u trażmessa lill-Kunsill fl-10 ta’ Diċembru 2001. Il-Kunsill adotta d-direttivi ta’ negozjar fil-21 ta’ Ottubru 2002. 4. In-negozjati ġew imnedija mill-Kummissjoni f'Tirana fil-31 ta' Jannar 2003. Wara seba’ rawnds ta’ negozjati, il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ngħata bidu f’Tirana fit-18 ta’ Frar 2006. 5. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiffoka fuq l-elementi ewlenin li ġejjin: - dispożizzjoni għal djalogu politiku ma’ l-Albanija; - dispożizzjoni dwar kooperazzjoni reġjonali mtejba, inkluża l-perspettiva tat-twaqqif ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi tar-reġjun; - il-perspettiva tat-twaqqif ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Komunità u l-Albanija fi żmien għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim; - dispożizzjonijiet dwar il-moviment ħieles, libertà ta’ stabbiliment, forniment ta’ servizzi, ħlasijiet u moviment tal-kapital; - l-impenn min-naħa ta’ l-Albanija li tqarreb il-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-KE, notevolment f’żoni ewlenin tas-suq intern; - dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ma’ l-Albanija f’firxa ta' oqsma, inklużi l-ġustizzja, l-libertà u s-sigurtà. - dispożizzjoni għat-twaqqif ta' Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, ta’ Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. 6. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni se jieħu post il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar in-Negozju, il-Kummerċ u l-Ekonomija bejn il-Komunità Ewropea u l-Albanija. Il-konċessjonijiet ta’kummerċ l-aktar favorevoli mogħtija bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 tat-18 ta’ Settembru 2000 li jintroduċi miżuri eċċezzjonali tal-kummerċ għall-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw jew huma marbuta mal-proċess ta’ Assoċjazzjoni u Stabbilizzazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2820/98, u jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 1763/1999 u (KE) Nru 6/2000[1] se jkomplu japplikaw, b’mod parallel mal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. 7. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill biex japprova r-riżultati tan-negozjati, li saru b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Speċjali maħluq għal dan l-iskop (prinċipalment il-COWEB), u biex jinfetħu l-proċeduri għall-iffirmar u l-konklużjoni ta' dan il-Ftehim fuq il-bażi taż-żewġ proposti mehmuża. 8. Il-proċeduri għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma differenti għaż-żewġ Komunitajiet Ewropej: (il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea Dwar L-Enerġija Atomika): a) rigward il-firma, l-ewwel inċiż, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300 (2) tat-Trattat tal-KE jipprovdi għal Deċiżjoni tal-Kunsill separata rigward l-iffirmar tal-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea; atti simili m’humiex meħtieġa taħt it-Trattat ta’ l-EAEC b) rigward il-konklużjoni tal-Ftehim: - Il-Kunsill jikkonkludi l-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea, wara li rċieva l-kunsens tal-Parlament Ewropew, bis-saħħa ta' l-Artikolu 310 tat-Trattat; - Il-Kunsill japprova l-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika bis-saħħa ta’ l-Artikolu 101 tat-Trattat ta’ l-EAEC u l-Ftehim huwa mbagħad konkluż mill-Kummissjoni; 9. B’konformità ma’ dan t’hawn fuq il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill biex (i) jiddeċiedi dwar l-iffirmar tal-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea (ii) jikkonkludi il-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea u jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal konkluzjoni mill-Euratom. Ir-ratifika mill-Istati Membri hija prerekwiżit għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika ta’ l-Albanija f’isem il-Komunità Ewropea IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 310 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel sub paragrafu ta’ l-Artikolu 300 (2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2], Billi: 1. In-negozjati mar-Repubblika ta’ l-Albanija dwar il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, bħala parti, u l-Albanija, bħala l-parti l-oħra, ġew mitmuma. 2. Id-dispożizzjonijiet kummerċjali li hemm f’dan il-ftehim huma ta’ natura eċċezzjonali konnessi mal-politika implimentata fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u ma jikkostitwixxu, għall-Unjoni Ewropea, ebda preċedent fil-politika kummerċjali tal-Komunità fir-rigward ta’ pajjiżi terzi apparti dawk tal-Balkani tal-Punent. 3. Soġġett għal konklużjoni possibbli aktar tard, il-Ftehim li beda fit-18 ta’ Frar 2006 għandu għalhekk jiġi ffirmat f'isem il-Komunità Ewropea, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu Uniku Soġġett għal konklużjoni possibbli f’data aktar tard, il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar persuni bis-setgħa li jiffirmaw, f’isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, bħala parti, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, bħala l-parti l-oħra. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President 2006/0044 (AVC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, bħala parti, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, bħala l-parti l-oħra IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artikolu 310 tiegħu flimkien ma' l-Artikolu 300 (2), l-ewwel subparagrafu, l-aħħar sentenza, u l-Artikolu 300 (3), it-tieni subparagrafu tiegħu, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidraw il-kunsens tal-Parlament Ewropew[3], Wara li kkunsidraw l-approvazzjoni mogħtija mill-Kunsill permezz ta' l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, Billi (1) Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, bħala parti, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, bħala l-parti l-oħra, ġie ffirmat f’isem il-Komunità Ewropea, fi [Brussell/Lussemburgu] fi [...] 2006, soġġett għal konklużjoni possibbli aktar tard, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill nru. //KE of [4]. (2) Id-dispożizzjonijiet kummerċjali li hemm f’dan il-ftehim huma ta’ natura eċċezzjonali konnessi mal-politika implimentata fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni u ma jikkostitwixxu, għall-Unjoni Ewropea, ebda preċedent fil-politika kummerċjali tal-Komunità fir-rigward ta’ pajjiżi terzi apparti dawk tal-Balkani tal-Punent. (3) Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat, IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, bħala parti, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, bħala l-parti l-oħra, l-Annessi u l-Protokolli annessi magħhom, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti u d-dikjarazzjoni mill-Komunità mehmuża ma' l-Att Finali, huma hawnhekk approvati f'isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika. It-testi msemmija fl-ewwel paragrafu qed jiġu annessi ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 1. Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fi ħdan il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni meta dan ta' l-aħħar jingħata s-setgħa biex jaġixxi mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun determinat mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jew fejn xieraq, mill-Kummissjoni, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattati. 2. Il-President tal-Kunsill għandu, skond l-Artikolu 117 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jippresiedi fuq il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresiedi fuq il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, skond ir-Regoli tal-Proċedura tiegħu. 3. Id-deċiżjoni għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l–Unjoni Ewropea għandha tittieħed fuq bażi ta' każ b’każ mill-Kunsill u l-Kummissjoni rispettivament. Artikolu 3 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat sabiex jinnomina l-persuni li għandhom is-setgħa, f’isem il-Komunità Ewropea, li jiddepożitaw l-att ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 135 tal-Ftehim. Il-President tal-Kummissjoni għandu jiddepożita l-att ta’ approvazzjoni msemmi, f'isem il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni Il-President Il-President [1] ĠU L 240, 23/9/2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1946/2005 (ĠU L312, 29/11/2005, p. 1) [2] ĠU C , , p. . [3] ĠU C , , p. . [4] ĠU C , , p. .