02014R0625 — MT — 28.10.2015 — 001.003


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 625/2014

tat-13 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-istituzzjonijiet investituri, sponsors, ►M1  mutwant ◄ oriġinali u oriġinaturi marbuta ma' skoperturi għar-riskju tal-kreditu trasferit

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 174 13.6.2014, p. 16)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1798 tat-2 ta' Lulju 2015

  L 263

12

8.10.2015




▼B

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 625/2014

tat-13 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-istituzzjonijiet investituri, sponsors, ►M1  mutwant ◄ oriġinali u oriġinaturi marbuta ma' skoperturi għar-riskju tal-kreditu trasferit

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DEFINIZZJONIJIET U SKOPERTURA GĦAR-RISKJU TA' TITOLIZZAZZJONI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“ritenitur” tfisser entità li taġixxi bħala oriġinatur, sponsor jew mutwant oriġinali li żżomm interess ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni skont l-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(b) 

“Forma sintetika ta' ritenzjoni” tfisser ir-ritenzjoni ta' interess ekonomiku permezz tal-użu ta' strumenti derivattivi.

(c) 

“Forma kontinġenti ta' ritenzjoni” tfisser ir-ritenzjoni ta' interess ekonomiku permezz tal-użu tal-garanziji, ►M1  ittri ta' kreditu ◄ u forom simili oħra ta' appoġġ ta' kreditu li jiżguraw l-infurzar immedjat tar-ritenzjoni.

(d) 

“Porzjon vertikali” tfisser porzjon li jesponi lid-detentur tiegħu għar-riskju tal-kreditu ta' kull porzjon maħruġ tat-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni fuq bażi prorata.



KAPITOLU II

SKOPERTURA GĦAR-RISKJU TAL-KREDITU TA' POŻIZZJONI TAT-TITOLIZZAZZJONI

Artikolu 2

Każijiet partikolari ta' skopertura għar-riskju tal-kreditu ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni

1.  Fejn istituzzjoni taġixxi bħala kontroparti tad-derivattivi tal-kreditu jew kontroparti li tipprovdi l-ħeġġ jew bħala fornitur ta' faċilità ta' likwidità għal tranżazzjoni ta' titolizzazzjoni, hija għandha titqies li tkun esposta għar-riskju tal-kreditu ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni meta d-derivattiva, il-ħeġġ jew il-faċilità ta' likwidità tassumi r-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati jew il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni.

2.  Għall-finijiet tal-Artikolu 405 u 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn faċilità ta' likwidità tikkonforma mal-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 255 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-fornitur ta' likwidità ma għandux jitqies li jkun espost għar-riskju tal-kreditu ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni.

3.  Fil-kuntest ta' rititolizzazzjoni b'aktar minn livell wieħed jew titolizzazzjoni b'diversi tranżazzjonijiet diskreti sottostanti, istituzzjoni titqies li tkun esposta għar-riskju tal-kreditu biss tal-pożizzjoni jew tranżazzjoni individwali ta' titolizzazzjoni li tkun qed tassumi skopertura għaliha.

4.  L-istituzzjonijiet ma għandhomx jiġu kkunsidrati li jkunu qed jiksru l-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-entità li żżomm pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni tkun stabbilita f'pajjiż terz u tkun inkluża fil-grupp konsolidat skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b) 

il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni jkunu ritenuti fil-portafoll tan-negozjar tal-entità msemmija fil-punt a) għall-finijiet ta' attivitajiet ta' ġenerazzjoni tas-suq;

(c) 

il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ma jkunux materjali rigward il-profil tar-riskju globali tal-portafoll tan-negozjar tal-grupp imsemmi fil-punt a) u ma jiffurmawx sehem sproporzjonat tal-attivitajiet tan-negozju tal-grupp.



KAPITOLU III

RITENZJONI TA' INTERESS EKONOMIKU NETT

Artikolu 3

Ritenituri ta' interess ekonomiku materjali nett

1.  L-interess materjali ekonomiku nett ritenut ma jinqasamx bejn tipi differenti ta' ritenitur. Ir-rekwiżit li jinżamm interess materjali ekonomiku nett għandu jiġi ssodisfat b'mod sħiħ minn xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-oriġinatur jew oriġinaturi multipli;

(b) 

l-isponsor jew sponsors multipli;

(c) 

il-mutwanti oriġinali jew il-mutwanti oriġinali multipli.

2.  Fejn l-iskoperturi titolizzati jkunu maħluqa minn oriġinaturi multipli, ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jiġi ssodisfat minn kull oriġinatur, fir-rigward tal-proporzjon tat-total tal-iskoperturi titolizzati li tagħhom ikun l-oriġinatur.

3.  Meta l-iskoperturi titolizzati jinħolqu minn diversi mutwanti oriġinali, ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jitwettaq minn kull mutwant oriġinali, fir-rigward tal-proporzjon tat-total tal-iskoperturi titolizzati kollha li tagħhom huwa l-mutwant oriġinali.

4.  B'deroga mill-paragrafi 2 u 3, fejn l-iskoperturi titolizzati jinħolqu minn oriġinaturi multipli jew minn mutwanti oriġinali multipli, ir-rekwiżit ta' ritenzjoni jista' jiġi ssodisfat b'mod sħiħ minn oriġinatur wieħed jew mill-oriġinatur oriġinali sakemm tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jkun stabbilixxa u qed imexxi l-programm jew l-iskema tat-titolizzazzjoni;

(b) 

l-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali jkunu stabbilixxew il-programm jew l-iskema tat-titolizzazzjoni u jkunu kkontribwixxew iktar minn 50 % tat-total tal-iskoperturi titolizzati.

5.  Fejn l-iskoperturi titolizzati kienu sponsorjati minn diversi sponsors, ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jiġi ssodisfat minn jew:

(a) 

l-isponsor li l-interess ekonomiku tiegħu huwa allinjat bl-aktar mod xieraq mal-investituri kif maqbul mill-isponsors multipli fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi inklużi l-istrutturi tal-miżati, l-involviment fl-istabbiliment u l-immaniġġar tal-programm jew l-iskema tat-titolizzazzjoni u l-iskopertura għar-riskju tal-kreditu tat-titolizzazzjonijiet;

(b) 

minn kull wieħed mill-isponsors b'mod proporzjonali f'relazzjoni mal-għadd ta' sponsors.

Artikolu 4

L-issodisfar tar-rekwiżit tar-ritenzjoni permezz ta' forma sintetika jew kontinġenti ta' ritenzjoni

1.  Ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jista' jiġi ssodisfat b'mod ekwivalenti għal waħda mill-opzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 permezz ta' forma sintetika jew kontinġenti ta' ritenzjoni, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-ammont ritenut huwa mill-inqas ugwali għar-rekwiżit taħt l-opzjoni li għalih il-forma sintetika jew kontinġenti tar-ritenzjoni tista' tkun ekwata;

(b) 

ir-ritenitur iddivulga espliċitament li se jżomm, fuq bażi kontinwa, interess materjali ekonomiku nett b'dak il-mod, inklużi d-dettalji tal-formola ta' ritenzjoni, il-metodoloġija użata fid-determinazzjoni tagħha u l-ekwivalenza ma' waħda minn dawk l-opzjonijiet.

2.  Fejn entità oħra għajr istituzzjoni ta' kreditu kif definit fl-Artikolu 4(1) (1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 taġixxi bħala ritenitur permezz ta' forma ta' ritenzjoni sintetika jew kontinġenti, l-interess ritenut fuq bażi sintetika jew kontinġenti jkun kollateralizzat kompletament fi flus likwidi u jinżamm fuq bażi segregata bħala fondi tal-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 13(8) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

Artikolu 5

L-opzjoni ta' ritenzjoni (a) ritenzjoni prorata f'kull wieħed mill-porzjonijiet mibjugħa jew trasferiti lill-investituri

1.  Ritenzjoni ta' mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta' kull segment mibjugħ jew trasferit kif imsemmi f'punt (a) tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jista' wkoll jinkiseb permezz ta' dawn li ġejjin:

(a) 

ir-ritenzjoni ta' mill-inqas 5 % tal-valur nominali ta' kull waħda mill-iskoperturi titolizzati, sakemm ir-riskju tal-kreditu ta' tali skoperturi jkun kklassifikat pari passu jew ikun subordinat għal riskju tal-kreditu għall-istess skoperturi titolizzati. Fil-każ ta' titolizzazzjoni ċirkulanti, kif definita fl-Artikolu 242(13) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dan jista' jseħħ permezz ta' ritenzjoni tal-interess tal-oriġinatur jekk wieħed jassumi li l-interess tal-oriġinatur kien ta' mill-inqas 5 % tal-valur nominali ta' kull waħda mill-iskoperturi titolizzati u kien ikklassifikat pari passu jew subordinat għar-riskju ta' kreditu li ġie titolizzat fir-rigward ta' dawk l-istess skoperturi;

(b) 

il-provvediment, fil-kuntest ta' programm ABCP, ta' faċilità ta' likwidità li tista' tkun superjuri fil-waterfall kuntrattwali, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

il-faċilità tal-likwidità tkopri 100 % tar-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati;

(ii) 

il-faċilità ta' likwidità tkopri r-riskju tal-kreditu sakemm ir-ritenitur jista' jżomm l-interess ekonomiku permezz ta' faċilità ta' likwidità għall-pożizzjoni rilevanti ta' titolizzazzjoni;

(iii) 

il-faċilità ta' likwidità hija provvduta mill-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwanti oriġinali fit-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(iv) 

l-istituzzjoni li ssir esposta għal titolizzazzjoni bħal din tkun ingħatat aċċess għal informazzjoni xierqa biex tkun tista' tivverifika li l-punti (i), (ii) u (iii) jkunu mħarsa.

(c) 

Ritenzjoni ta' segment vertikali li għandu valur nominali ta' mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali totali tal-porzjonijiet kollha maħruġa tan-noti.

Artikolu 6

L-opzjoni tar-ritenzjoni (b): ritenzjoni tal-interess tal-orġinatur għal skoperturi ċirkulanti

Ritenzjoni kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tista' tinkiseb billi jinżamm mill-inqas 5 % tal-valur nominali ta' kull waħda mill-iskoperturi titolizzati, sakemm ir-riskju tal-kreditu ritenut ta' tali skoperturi jkun ikkategorizzat pari passu jew subordinat għar-riskju tal-kreditu titolizzat għall-istess skoperturi.

Artikolu 7

Opzjoni ta' ritenzjoni (c): ritenzjoni ta' skoperturi magħżula b'mod aleatorju

1.  Il-ġabra ta' mill-inqas 100 skopertura potenzjalment titolizzati li minnhom l-iskoperturi miżmuma u titolizzati għandhom ikunu magħżula b'mod aleatorju, imsemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikunu differenti biżżejjed biex tiġi evitata l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-interess ritenut. Meta jkun qed iħejji l-proċess tal-għażla, ir-ritenitur jieħu kont tal-fatturi kwantitattivi u kwalitattivi sabiex jiżgura li d-distinzjoni bejn skoperturi ritenuti u titolizzati tkun ġenwinament aleatorja. Ir-ritenitur ta' skoperturi magħżula b'mod aleatorju jikkunsidra, fejn xieraq, fatturi bħall-epoka, il-prodott, il-ġeografija, id-data tal-oriġini, id-data tal-maturità, il-proporzjon tas-self mal-valur, it-tip ta' proprjetà, is-settur tal-industrija, u self pendenti tal-bilanċ meta jagħżel l-iskoperturi.

2.  Ir-ritenitur ma jikklassifikax skoperturi individwali differenti bħala skoperturi ritenuti f'punti differenti fiż-żmien, sakemm dan mhuwiex meħtieġ biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tar-ritenzjoni fir-rigward ta' titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi titolizzati jvarjaw matul iż-żmien, jew minħabba skoperturi ġodda miżjuda mat-titolizzazzjoni jew minħabba tibdil fil-livell ta' skoperturi titolizzati individwali.

Artikolu 8

Opzjoni ta' ritenzjoni (d): ritenzjoni tas-segment tal-ewwel telf

1.  Ir-ritenzjoni tas-segment tal-ewwel telf skont il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tiġi ssodisfata jew minn pożizzjonijiet fil-karta bilanċjali jew minn pożizzjonijiet mhux fil-karta bilanċjali u tista' tiġi ssodisfata wkoll minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

il-forniment ta' forma kontinġenti ta' ritenzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c), jew ta' faċilità ta' likwidità fil-kuntest ta' programm ABCP, li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(i) 

tkopri mill-inqas 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati;

(ii) 

tikkostitwixxi pożizzjoni tal-ewwel telf fir-rigward tat-titolizzazzjoni;

(iii) 

tkopri r-riskju tal-kreditu għat-tul kollu tal-impenn ta' ritenzjoni;

(iv) 

hija pprovduta mill-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwanti oriġinali fit-titolizzazzjoni;

(v) 

l-istituzzjoni li ssir esposta għal titolizzazzjoni bħal din tkun ingħatat aċċess għal informazzjoni xierqa biex tkun tista' tivverifika li l-punti (i), (ii), (iii) u (iv) jkunu mħarsa.

(b) 

il-kollateralizzazzjoni żejda, bħala forma ta' tisħiħ tal-kreditu, jekk dik il-kollateralizzazzjoni żejda taġixxi bħala ritenzjoni tal-“ewwel telf” ta' mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali tas-segmenti maħruġa mit-titolizzazzjoni.

2.  Fejn is-segment tal-ewwel telf jaqbeż il-5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati, ikun possibbli li r-ritenitur iżomm biss parti mit-tali porzjon tal-ewwel telf, fejn dan il-porzjoni huwa ekwivalenti għal mill-inqas 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati.

3.  Għat-twettiq tar-rekwiżit tar-retenzjoni tar-riskju fil-livell tal-iskema tat-titolizzazzjoni, l-istituzzjonijiet iqisu l-eżistenza ta' tranżazzjonijiet sottostanti li fihom l-oriġinaturi jew il-mutwanti oriġinali jirritjenu skopertura tal-ewwel telf fil-livell speċifiku għat-tranżazzjonijiet.

Artikolu 9

Opzjoni ta' ritenzjoni (e): ritenzjoni tal-ewwel telf f'kull skopertura titolizzata

1.  Ir-ritenzjoni tal-iskopertura tal-ewwel telf fil-livell ta' kull skopertura titolizzata skont il-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tiġi applikata sabiex ir-riskju ta' kreditu ritenut ikun dejjem subordinat għar-riskju ta' kreditu li jkun ġie titolizzat fir-rigward ta' dawk l-istess skoperturi.

2.  Ir-ritenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' titwettaq permezz tal-bejgħ b'valur skontat tal-iskoperturi sottostanti mill-oriġinatur jew mil-mutwant oriġinali, fejn l-ammont tal-iskont ikun mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta' kull skopertura fejn l-ammont tal-bejgħ bi skont ikun ripagabbli biss lill-oriġinatur jew lill-mutwant oriġinali, fejn mhux assorbit minn telf relatat mar-riskju tal-kreditu assoċjat mal-iskoperturi titolizzati.

Artikolu 10

Il-kejl tal-livell ta' ritenzjoni

1.  Fejn ikun qed jitkejjel il-livell ta' ritenzjoni ta' interess ekonomiku nett, ikunu applikabbli l-kriterji li ġejjin:

(a) 

l-oriġinazzjoni titqies bħala l-mument li fih kienu titolizzati l-ewwel skoperturi;

(b) 

il-kalkolu tal-livell ta' ritenzjoni jkun ibbażat fuq il-valuri nominali u l-prezz tal-akkwist ta' assi ma jitqiesx;

(c) 

“marġni pożittiv” kif definit fl-Artikolu 242(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jitqiesx meta jiġi kkalkulat l-interess ekonomiku nett tar-ritenitur;

(d) 

L-istess opzjoni u metodoloġija tar-ritenzjoni tintuża sabiex jiġi kkalkulat l-interess ekonomiku nett matul il-ħajja tat-tranżazzjoni ta' titolizzazzjoni, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jitolbux bidla u l-bidla ma tintużax bħala mezz sabiex jitnaqqas l-ammont tal-interess ritenut;

2.  Flimkien mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, sakemm ma jkunx hemm mekkaniżmu inkorporat li bih l-interess ritenut fl-oriġinazzjoni jonqos aktar malajr mill-interess trasferit, l-issodisfar tar-rekwiżit ta' ritenzjoni ma jitqiesx bħala affettwat mill-amortizzament tar-ritenzjoni permezz tal-allokazzjoni ta' fluss ta' flus jew permezz tal-allokazzjoni ta' telf, li, effettivament inaqqas il-livell ta' ritenzjoni matul iż-żmien. Ritenitur ma jintalabx biex kontinwament jerġa' jimla jew jaġġusta mill-ġdid l-interess ritenut tiegħu għal mill-inqas 5 % hekk kif it-telf jiġi realizzat fuq l-iskoperturi jew allokat għall-pożizzjoni ritenuta tiegħu.

Artikolu 11

Kejl ta' ritenzjoni għal ammonti mhux użati fi skoperturi fil-forma ta' faċilitajiet ta' kreditu

Il-kalkolu tal-interess ekonomiku nett li għandu jiġi ritenut għall-faċilitajiet ta' kreditu, inklużi karti ta' kreditu, ikun ibbażat biss fuq l-ammonti li diġà ġew miġbuda, realizzati jew riċevuti u jiġu aġġustati skont it-tibdiliet f'dawk l-ammonti.

Artikolu 12

Projbizzjoni tal-iħħeġġjar jew il-bejgħ tal-interess ritenut

1.  L-obbligu fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li ma jkunx hemm assoġġettar tal-interess ekonomiku nett ritenut għal kwalunkwe mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, pożizzjonijiet qosra, jew ħeġġ jew bejgħ ieħor, għandha tiġi applikata b'kunsiderazzjoni għall-għan tar-rekwiżit ta' ritenzjoni u bil-kunsiderazzjoni tas-sustanza ekonomika tat-tranżazzjoni. Ħeġġijiet tal-interess ekonomiku nett ma jitqiesux bħala ħeġġ għall-finijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jistgħu għaldaqstant ikunu permessi biss fejn dawn ma jiħħeġġjawx ir-ritenitur kontra r-riskju tal-kreditu jew tal-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ritenuti jew l-iskoperturi ritenuti.

2.  Ir-ritenitur jista' juża kwalunkwe skopertura jew pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ritenuti bħala kollateral għal skopijiet ta' finanzjament assigurat, sakemm dan l-użu ma jittrasferixxix ir-riskju ta' kreditu ta' dawn l-skoperturi ritenuti jew pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni lil parti terza.

Artikolu 13

Eżenzjonijiet għall-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

It-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 405(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jinkludu pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni, li huma strumenti ta' referenza li jissodisfaw il-kriterju fl-Artikolu 338(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew huma eliġibbli għall-inklużjoni fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni.

Artikolu 14

Ritenzjoni fuq bażi ta' konsolidament

Istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta' ritenzjoni fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali relatata tal-UE, kumpanija azzjonarja finanzjarja tal-UE, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tal-UE skont l-Artikolu 405(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fil-każ li r-ritenitur ma jkunx għadu inkluż fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata, tiżgura li waħda jew aktar mill-entitajiet li jibqgħu li jkunu inklużi fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata tassumi skopertura għat-titolizzazzjoni sabiex jiġi żgurat it-twettiq kurrenti tar-rekwiżit.



KAPITOLU IV

REKWIŻITI TA' DILIĠENZA DOVUTA GĦALL-ISTITUZZJONIJIET LI JSIRU ESPOSTI GĦAL POŻIZZJONI TA' TITOLIZZAZZJONI

Artikolu 15

L-esternalizzazzjoni u kunsiderazzjonijiet ġenerali oħrajn

1.  Fejn ma hemm l-ebda informazzjoni oħra disponibbli dwar l-iskoperturi speċifiċi li jridu jiġu titolizzati, inkluż fejn skoperturi jakkumulaw qabel it-titolizzazzjoni tagħhom jew jekk ikunux jistgħu jiġu sostitwiti f'titolizzazzjoni ċirkolanti eżistenti, istituzzjoni tkun meqjusa li tissodisfa l-obbligi tagħha ta' diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għal kull waħda mill-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-kriterji ta' eliġibbiltà rilevanti għal dawn l-iskoperturi.

2.  Meta jiġu esternalizzati ċerti kompiti tal-proċess għat-twettiq tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż iż-żamma tar-rekords, l-istituzzjonijiet li jsiru esposti għar-riskji ta' titolizzazzjoni jżommu kontroll sħiħ ta' dak il-proċess.

Artikolu 16

L-ispeċifikazzjoni ta' karatteristiki ta' riskju u karatteristiki strutturali

1.  Il-karatteristiki tar-riskju tal-pożizzjoni individwali ta' titolizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 406(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jinkludu l-karatteristiki l-aktar xierqa u materjali li ġejjin, bħal:

(a) 

segment tal-livell ta' superjorità;

(b) 

profil tal-fluss ta' flus;

(c) 

kwalunkwe klassifikazzjoni eżistenti;

(d) 

prestazzjoni storika ta' segmenti simili;

(e) 

obbligazzjonijiet relatati mal-porzjonijiet inklużi fid-dokumentazzjoni relatata mat-titolizzazzjoni;

(f) 

tisħiħ fil-kreditu.

2.  Il-karatteristiċi tar-riskju tal-iskoperturi sottostanti għall-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 406(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jinkludu l-karatteristiċi l-aktar xierqa u materjali, inkluża l-informazzjoni tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 406(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' skoperturi għal ipoteki residenzjali. L-istituzzjonijiet jidentifikaw metriċi xierqa u komparabbli għall-analiżi tal-karatteristiki tar-riskju ta' klassijiet oħra tal-assi.

3.  Karatteristiki strutturali addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 406(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jinkludu strumenti derivattivi, garanziji, ►M1  ittri ta' kreditu ◄ u forom simili oħra ta' appoġġ ta' kreditu.

Artikolu 17

Frekwenza tar-rieżami

L-istituzzjonijiet jirrieżaminaw il-konformità tagħhom mal-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 wara li jkunu saru esposti għal pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni mill-anqas darba fis-sena u aktar spiss, hekk kif l-istituzzjonijiet isiru konxji minn ksur tal-obbligi inklużi fid-dokumentazzjoni dwar it-titolizzazzjoni jew ta' bidla materjali f'xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

karatteristiki strutturali li jista' jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni;

(b) 

il-karatteristiki tar-riskju tal-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni u tal-iskoperturi sottostanti.

Artikolu 18

Testijiet tal-istress

1.  It-testijiet tal-istress imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jinkludu l-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni kollha rilevanti u jiġu inkorporati fl-istrateġiji u l-proċessi tal-ittestjar tal-istress li l-istituzzjonijiet iwettqu skont il-proċess ta' valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali interna speċifikat fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

2.  Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-testijiet tal-istress imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw mudelli finanzjarji komparabbli żviluppati minn partijiet terzi, barra minn dawk żviluppati minn ECAIs, sakemm jistgħu juru, meta mitluba, li jkunu taw l-attenzjoni dovuta, qabel ma investew li jivvalidaw is-suppożizzjonijiet rilevanti u l-istrutturar tal-mudelli tagħhom u biex jifhmu l-metodoloġija, is-suppożizzjonijiet u r-riżultati.

3.  Waqt it-twettiq tat-testijiet tal-istress imsemmija fl-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fi programm ABCP kif imsemmi fl-Artikolu 242(9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li huwa appoġġat minn faċilità ta' likwidità li tkopri kompletament ir-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati, l-istituzzjonijiet jistgħu jwettqu test tal-istress dwar l-affidabbiltà kreditizja tal-fornitur tal-faċilità ta' likwidità aktar milli fuq l-iskoperturi titolizzati.

Artikolu 19

Skoperturi fil-portafoll tan-negozjar u l-portafoll mhux tan-negozjar

1.  Iż-żamma ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni fil-portafoll tan-negozjar jew fil-portafoll mhux tan-negozjar rispettivament ma jirrappreżentawx ġustifikazzjoni biżżejjed fiha nnifisha għall-applikazzjoni ta' politiki u proċeduri differenti jew ta' rieżami ta' intensità differenti biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fid-determinazzjoni ta' jekk politiki u proċeduri differenti jew rieżami ta' intensità differenti għandhomx jiġu applikati, jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' kull wieħed mill-portafolli u tal-pożizzjonijiet rilevanti ta' titolizzazzjoni, inkluż id-daqs tal-pożizzjonijiet, l-impatt fuq il-bażi kapitali istituzzjonali matul perjodu ta' stress, u l-konċentrazzjoni ta' riskju fuq tranżazzjoni, emittent, jew klassi ta' assi waħda specifika.

2.  L-istituzzjonijiet jiżguraw li kull bidla materjali li żżid il-profil ta' riskju tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni fil-portafoll tan-negozjar u fil-portafoll mhux tan-negozjar tagħhom tkun riflessa b'mod xieraq b'bidla xierqa fil-proċeduri tagħhom ta' diliġenza dovuta fir-rigward ta' dawk il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni. F'dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet jidentifikaw fil-politiki u l-proċeduri formali tagħhom tal-portafoll tan-negozjar u tal-portafoll mhux tan-negozjar, iċ-ċirkostanzi li jiskattaw rieżami tal-obbligi ta' diliġenza dovuta.

Artikolu 20

Pożizzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni

L-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jitqies li jkun ġie rrispettat meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni jew huma miżmuma fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni, u huma strumenti ta' referenza kif imsemmi fl-Artikolu 338(1)(b) ta' dak ir-Regolament, jew huma eliġibbli għall-inklużjoni fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni;

(b) 

l-istituzzjoni tikkonforma mal-Artikolu 377 ta' dak ir-Regolament fir-rigward tal-ikkalkular tar-rekwiżiti ta' fondi proprji fir-rigward tal-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni;

(c) 

l-approċċ tal-istituzzjoni għall-kalkolu tal-fondi proprji fir-rigward tal-portafoll tan-negozjar tagħha tirriżulta f'fehim komprensiv u sħiħ tal-profil tar-riskju tal-investiment tagħha fil-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni;

(d) 

l-istituzzjoni implimentat politiki u proċeduri formali xierqa għall-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni tagħha u b'mod proporzjonali mal-profil tar-riskju tal-investimenti tagħha fil-pożizzjonijiet titolizzati korrispondenti, għall-analiżi u r-reġistrazzjoni tal-informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013



KAPITOLU V

REKWIŻITI GĦALL-ORIĠINATURI, L-ISPONSORS U L-MUTWANTI ORIĠINALI

Artikolu 21

Politiki għall-għoti ta' kreditu

1.  It-twettiq tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 408 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 mill-istituzzjonijiet oriġinaturi jew sponsors ma jimplikax li t-tipi ta' min jissellef u prodotti ta' self għandhom ikunu l-istess għal skoperturi titolizzati u mhux titolizzati

2.  Fejn l-istituzzjonijiet sponsor u oriġinatur ma jkunux involuti fl-għoti tal-kreditu oriġinali tal-skoperturi li jkunu se jiġu titolizzati, jew ma jkunux attivi fl-għoti tal-kreditu tat-tipi speċifiċi ta' skoperturi li jkunu se jiġu titolizzati, dawk l-istituzzjonijiet jiżguraw li huma jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivvalutaw jekk il-kriterji applikati fl-għoti ta' kreditu għal dawn l-iskoperturi humiex sodi u definiti sew bl-istess mod bħall-kriterji applikati għal skoperturi mhux titolizzati.

Artikolu 22

Divulgazzjoni tal-livell tal-impenn li jinżamm interess ekonomiku nett

1.  Ir-ritenitur għandu, skont l-Artikolu 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jiddivulga lill-investituri tal-anqas l-informazzjoni li ġejja dwar il-livell tal-impenn tiegħu li jżomm interess ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni:

(a) 

il-konferma tal-identità tar-ritenitur u dwar jekk hux qiegħed jirritjeni bħala oriġinatur, sponsor jew muwanti oriġinali;

▼M1

(b) 

liema mill-kundizzjonijiet previsti fil-punti (a), (b), (c), (d) jew (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikunu ġew applikati sabiex jinżamm interess ekonomiku nett;

▼B

(c) 

kull bidla għall-modalità biex jinżamm interess ekonomiku nett kif imsemmi fil-punt (b) skont l-Artikolu 10(1)(d);

(d) 

konferma tal-livell tar-ritenzjoni fl-oriġinazzjoni u tal-impenn biex issir ir-ritenzjoni fuq bażi kontinwa, li tirrelata biss mal-kontinwazzjoni tal-issodisfar tal-obbligu oriġinali u ma tirrikjedix dejta fuq il-valur nominali jew tas-suq, jew kwalunkwe indeboliment jew valwazzjoni 'l isfel fuq l-interess ritenut.

2.  Fejn l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 jew 4 tal-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 japplikaw għal tranżazzjoni ta' titolizzazzjoni, l-istituzzjonijiet li jaġixxu bħala oriġinatur, sponsor jew mutwant oriġinali jiżvelaw informazzjoni dwar l-eżenzjoni applikabbli għall-investituri.

3.  Id-divulgazzjoni ddokumentata fil-paragrafi 1 u 2 tkun iddokumentata b'mod xieraq u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ħlief fi tranżazzjonijiet bilaterali jew privati fejn divulgazzjoni privata tkun meqjusa suffiċjenti mill-partijiet. L-inklużjoni ta' dikjarazzjoni dwar l-impenn tar-ritenzjoni fil-prospett għat-titoli maħruġa taħt il-programm ta' titolizzazzjoni titqies bħala mezz xieraq biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit.

4.  Id-divulgazzjoni tiġi kkonfermata wkoll wara l-oriġinazzjoni bl-istess regolarità bħall-frekwenza tar-rappurtar tat-tranżazzjoni, mill-inqas kull sena u f'kull waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a) 

fejn iseħħ ksur tal-impenn tar-ritenzjoni msemmi fl-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b) 

fejn il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni jew il-karatteristiki tar-riskju tat-titolizzazzjoni jew tal-iskoperturi sottostanti jinbidlu materjalment;

(c) 

wara ksur ta' obbligi inklużi fid-dokumentazzjoni relatata mat-titolizzazzjoni;

Artikolu 23

Divulgazzjoni ta' dejta materjalment rilevanti

1.  L-oriġinaturi, l-isponsors u l-mutwanti oriġinali jiżguraw li d-dejta materjalment rilevanti skont l-Artikolu 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tkun faċilment aċċessibbli għall-investituri, mingħajr piż amministrattiv eċċessiv.

2.  Id-divulgazzjoni xierqa msemmija fl-Artikolu 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 issir mill-inqas kull sena u fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) 

fejn il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni jew il-karatteristiki tar-riskju tat-titolizzazzjoni jew tal-iskoperturi sottostanti jinbidlu materjalment;

▼M1

(b) 

wara ksur ta' obbligi inklużi fid-dokumentazzjoni relatata mat-titolizzazzjoni.

2a.  Dejta materjalment rilevanti dwar l-iskoperturi sottostanti individwali hija, b'mod ġenerali, ipprovduta separatament għal kull self; madankollu hemm każijiet fejn l-informazzjoni pprovduta fuq bażi aggregata tista' tkun suffiċjenti. Fl-ivvalutar ta' jekk hijiex biżżejjed id-dejta pprovduta fuq bażi aggregata, il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu l-granularità tal-pool sottostanti u jekk l-immaniġġar tal-iskoperturi f'dak il-pool huwiex ibbażat fuq il-pool innifsu jew fuq bażi ta' self b'self.

▼B

3.  L-obbligu tad-divulgazzjoni huwa suġġett għal kull rekwiżit ġuridiku u regolatorju ieħor applikabbli għar-ritenitur.



KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).