02014D0119 — MT — 04.03.2022 — 011.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/119/PESK

tal-5 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina

(ĠU L 066 6.3.2014, p. 26)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2014/216/PESK tal-14 ta' April 2014

  L 111

91

15.4.2014

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/143 tad-29 ta' Jannar 2015

  L 24

16

30.1.2015

►M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/364 tal-5 ta' Marzu 2015

  L 62

25

6.3.2015

►M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/876 tal-5 ta' Ġunju 2015

  L 142

30

6.6.2015

►M5

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1781 tal-5 ta' Ottubru 2015

  L 259

23

6.10.2015

►M6

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/318 tal-4 ta' Marzu 2016

  L 60

76

5.3.2016

►M7

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/381 tat-3 ta' Marzu 2017

  L 58

34

4.3.2017

►M8

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/333 tal-5 ta' Marzu 2018

  L 63

48

6.3.2018

►M9

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/354 tal-4 ta' Marzu 2019

  L 64

7

5.3.2019

►M10

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/373 tal-5 ta’ Marzu 2020

  L 71

10

6.3.2020

►M11

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/394 tal-4 ta’ Marzu 2021

  L 77

29

5.3.2021

►M12

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/376 tat-3 ta’ Marzu 2022

  L 70

7

4.3.2022


Ikkoreġuta bi:

 C1

Rettifika, ĠU L 070, 11.3.2014, p.  35 (2014/119/PESK)

 C2

Rettifika, ĠU L 350, 6.12.2014, p.  15 (2014/119/PESK)

 C3

Rettifika, ĠU L 086, 28.3.2019, p.  118 (2019/354)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/119/PESK

tal-5 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina



Artikolu 1

▼M2

1.  
Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta', huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta' fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta' fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

(a) 

għall-misapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali misapproprjazzjoni; jew

(b) 

għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta' pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b'hekk jikkawża telf ta' fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali abbuż.

▼B

2.  
L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.
3.  

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi konċernati huma:

(a) 

meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familji dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u kura medika, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b) 

maħsuba esklussivament għall-pagament ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c) 

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) 

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

4.  

B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi ffriżati dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu l-oġġett ta' sentenza arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fill-paragrafu 1 kienu ġew elenkati fl-Anness, jew ta' sentenza ġudizjarja, amministrattiva jew arbitrali li ġiet mogħtija fl-Unjoni, jew sentenza ġudizjarja li tkun infurzabbli fl-Istat Membru konċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) 

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament bħala pagament ta' pretensjonijiet assigurati minn tali sentenza jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c) 

is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d) 

ir-rikonoxximent tas-sentenza ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru konċernat.

L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

5.  
Il-paragrafu 1 m'għandux iżomm lil xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp minn dawk elenkati milli jagħmlu pagament dovut taħt kuntratt li daħlu għalih qabel id-data li fiha tali persuna, entità jew korp ġew elenkati fl-Anness, dment li l-Istat Membru konċernat jkun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1.
6.  

Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a) 

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) 

pagamenti dovuti minħabba kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c) 

pagamenti dovuti taħt sentenzi ġudizjarji, amministrattivi jew arbitrali li ġew mogħtija fl-Unjoni jew li huma infurzabbli fl-Istat Membru konċernat,

sakemm kwalunkwe tali imgħax, dħul ieħor u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

1.  
Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jiddeċiedi biex jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.
2.  
Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp konċernati, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil tali persuna, entità jew korp bl-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.
3.  
Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna, entità jew korp konċernati kif meħtieġ.

Artikolu 3

1.  
L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 1(1).
2.  
L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi konċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inklużi psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 4

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2), l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.

▼M5

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M12

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-6 ta’ Marzu 2023. Fir-rigward tal-entrati 1, 3, 7 u 9 fl-Anness, il-miżuri fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw sas-6 ta’ Settembru 2022

▼M5

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kontinwa. Għandha tiġi mġedda, jew emendata skont kif ikun xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

▼M3




ANNESS

▼M9

A.    Lista ta' persuni, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 1

▼M3



 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Viktor Fedorovych Yanukovych

(Вiктор Федорович Янукович),

Viktor Fedorovich Yanukovich

(Виктор Фёдорович Янукович)

imwieled fid-9 ta' Lulju 1950 f'Yenakiieve (Donetsk oblast), eks President tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

▼M6

2.

Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

(Вiталiй Юрiйович Захарченко),

Vitaliy Yurievich Zakharchenko

(Виталий Юрьевич Захарченко)

Imwieled fl-20 ta' Jannar 1963, f'Kostiantynivka (Donetsk oblast) eks-Ministru tal-Affarijiet Interni.

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u b'rabta mal-abbuż tal-kariga minn uffiċjal b'kariga pubblika biex takkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih stess jew għal terza parti, u b'hekk ikkawżat telf għall-baġit jew l-assi pubbliċi Ukreni.

6.3.2014

▼M3

3.

Viktor Pavlovych Pshonka

(Вiктор Павлович Пшонка)

imwieled fis-6 ta' Frar 1954 f'Serhiyivka (Donetsk oblast), eks Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

▼M8 —————

▼M9 —————

▼M3

6.

Viktor Ivanovych Ratushniak

(Вiктор Iванович Ратушняк)

imwieled fis-16 ta' Ottubru 1959, eks Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan

6.3.2014

▼M8

7.

Oleksandr Viktorovych Yanukovych (Олександр Вiкторович Янукович)

imwieled fl-10 ta' Lulju 1973 f'Yenakiieve (Donetsk oblast), iben l-eks President, negozjant

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan.

6.3.2014

▼M4 —————

▼M3

9.

Artem Viktorovych Pshonka

(Артем Вiкторович Пшонка)

imwieled fid-19 ta' Marzu 1976 f'Kramatorsk (Donetsk oblast), iben l-eks Prosekutur Ġenerali, Viċi Kap tal-fazzjoni tal-Partit tar-Reġjuni fil-Verkhovna Rada tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan.

6.3.2014

▼M8 —————

▼M10 —————

▼M8

12.

Serhiy Vitalyovych Kurchenko (Сергiй Вiталiйович Курченко)

imwieled fil-21 ta' Settembru 1985 f'Kharkiv, negozjant

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għall-abbuż tal-uffiċċju sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b'hekk ikkawża telf ta' fondi jew assi pubbliċi Ukreni.

6.3.2014

▼M11 —————

▼M6 —————

▼M11 —————

▼M7 —————

▼M12 —————

▼M10 —————

▼M12

B.   Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: id-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.

L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku jridu jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u jridu jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati

1.    Viktor Fedorovych Yanukovych

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-10 ta’ Awwissu 2020 fil-proċediment kriminali Nru 42016000000000785 li fih il-Qorti eżaminat il-petizzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess biex jinqabad is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni tal-Qorti, l-imħallef inkwirenti kkonferma li hemm suspett raġonevoli tal-involviment tas-Sur Yanukovych f’reat kriminali relatat ma’ miżapproprjazzjoni, u kkonferma wkoll l-istatus tas-Sur Yanukovych bħala suspettat fil-proċedimenti kriminali.

Il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni stabbiliet ukoll li s-Sur Yanukovych ilu joqgħod barra mill-Ukrajna mill-2014. Il-Qorti kkonkludiet li kien hemm biżżejjed bażijiet biex jitwemmen li s-Sur Yanukovych kien qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

Barra minn hekk, fil-15 ta’ Settembru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna segwiet il-mozzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess għad-detenzjoni tas-Sur Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni l-imħallef inkwirenti kkonferma l-konklużjonijiet tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-10 ta’ Awwissu 2020.

Fil-proċediment kriminali Nru 42015000000002833, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2021 tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fir-rigward tas-Sur Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni, l-imħallef inkwirenti kkonferma l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Yanukovych u kkonkluda li l-evidenza tagħti bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur Yanukovych wettaq ir-reati kriminali li bihom huwa suspettat. L-imħallef ikkonkluda wkoll li hemm bażijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li s-Sur Yanukovych qed jevadi deliberatament l-investigazzjoni u l-qorti sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna imponiet detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Yanukovych kif ukoll il-bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur Yanukovych wettaq reati kriminali. L-imħallef enfasizza wkoll li hemm riskju li s-Sur Yanukovych jinħeba mill-investigazzjoni u mill-qorti biex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-prosekutur qies li l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess kienet biżżejjed biex jitfassal att ta’ akkuża u s-Sur Yanukovych u l-avukati tiegħu ġew innotifikati dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Id-difiża ngħatat aċċess għall-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

2.    Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw id-detenzjoni taħt kustodja tas-Sur Zakharchenko kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi ta’ Kiev bid-data tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Zakharchenko u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Zakharchenko, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

3.    Viktor Pavlovych Pshonka

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur V. Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjoni mill-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tat-2 ta’ Ottubru 2020, li ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukati tas-Sur V. Pshonka biex jitħassar l-avviż ta’ suspett bid-data tat-22 ta’ Diċembru 2014. Il-Qorti kkonkludiet li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur V. Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti. Barra minn hekk, fis-7 ta’ Mejju 2020 u fid-9 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna irrifjutat talba biex jinfetħu proċedimenti magħmula abbażi ta’ ilment minn avukati dwar nuqqas ta’ azzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fil-proċedimenti kriminali. L-Awla tal-Appell tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni kkonfermat dawk id-deċiżjonijiet fl-1 ta’ Ġunju 2020 u s-26 ta’ Novembru 2020, rispettivament.

Barra minn hekk, fis-16 ta’ Frar 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tal-14 ta’ Jannar 2021. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur V. Pshonka. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-ilment tal-avukati tas-Sur V. Pshonka dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-prosekutur.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur V. Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn jinsab is-Sur V. Pshonka u biex jiġi interrogat. Dik it-talba ġiet miċħuda mir-Russja. Qabel, l-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talbiet għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2016 u l-2018.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur V. Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur V. Pshonka kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talbiet għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

6.    Viktor Ivanovych Ratushniak

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Ratushniak kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi ta’ Kiev tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Ratushniak u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021 l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Ratushniak, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawn id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak kkontribwew ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

7.    Oleksandr Viktorovych Yanukovych

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur O. Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna. Fil-proċediment kriminali Nru 42015000000002833, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2021 tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fir-rigward tas-Sur O. Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni, l-imħallef inkwirenti kkonferma l-istatus ta’ suspettat tas-Sur O. Yanukovych u kkonkluda li l-evidenza tagħti bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur O. Yanukovych wettaq ir-reati kriminali li bihom huwa ssuspettat. L-imħallef ikkonkluda wkoll li hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li s-Sur O. Yanukovych qed jevadi deliberatament l-investigazzjoni u l-qorti sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna imponiet detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur O. Yanukovych. Fid-deċiżjoni l-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur O. Yanukovych kif ukoll il-bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur O. Yanukovych wettaq reati kriminali. L-imħallef enfasizza wkoll li hemm riskju ta’ ħabi mill-investigazzjoni u mill-qorti biex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-prosekutur qies li l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess kienu biżżejjed biex jitfassal att ta’ akkuża u s-Sur O. Yanukovych u l-avukati tiegħu ġew innotifikati dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Id-difiża ngħatat aċċess għall-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur O. Yanukovych, li qed joqgħod fil-Federazzjoni Russa u qed jevita l-investigazzjoni.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur O. Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur O. Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

9.    Artem Viktorovych Pshonka

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur A. Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tat-8 ta’ Lulju 2020, li ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukati tas-Sur A. Pshonka biex tiġi kkanċellata r-riżoluzzjoni tal-prosekutur bid-data tat-30 ta’ April 2015 dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur A. Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti kriminali.

Barra minn hekk, fl-10 ta’ Frar 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tal-14 ta’ Jannar 2021. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur A. Pshonka. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-ilment tal-avukati tas-Sur A. Pshonka dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-prosekutur.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur A. Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn tinsab il-persuna suspettata u biex tiġi interrogata. Din it-talba ġiet miċħuda mir-Russja. Qabel, l-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talba għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2018.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur A. Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur A. Pshonka kif ukoll lil nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

12.    Serhiy Vitalyovych Kurchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari permezz tal-fatt li d-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000003393 fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill għandu informazzjoni li għaddejja l-familjarizzazzjoni mid-difiża. Fil-11 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna informa wkoll lill-avukati difensuri tas-Sur Kurchenko dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u l-għoti ta’ aċċess għall-materjal tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill irċieva informazzjoni li l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ppreżenta mozzjoni biex jiġi stabbilit skadenza għar-rieżami mill-parti tad-difiża sabiex jiġi indirizzat id-dewmien tal-parti tad-difiża fir-rieżami tal-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

B’rabta mal-proċediment kriminali Nru. 12014160020000076, fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Fl-20 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odesa tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess in absentia. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odesa ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-prosekutur dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tas-27 ta’ Lulju 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Kurchenko. Fit-13 ta’ Mejju 2021, id-Dipartiment Prinċipali tal-Pulizija Nazzjonali fir-Reġjun ta’ Odessa bagħat it-talba lill-Uffiċċju Ukren tal-Interpol u l-Europol biex jippubblikaw Avviż Aħmar dwar is-Sur Kurchenko, li qed jiġi kkunsidrat. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.