02008D0626 — MT — 26.07.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI Nru 626/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU L 172 2.7.2008, p. 15) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
|
DEĊIŻJONI Nru 626/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-30 ta’ Ġunju 2008
dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
TITOLU I
GĦAN, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Għan u kamp ta’ applikazzjoni
1. L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern kompetittiv għas-servizzi mobbli permezz tas-satellita (“servizzi MSS”) madwar il-Komunità u li tiżgura kopertura gradwali fl-Istati Membri kollha.
Din id-Deċiżjoni toħloq proċedura Komunitarja għall-għażla komuni ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita li jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE, inkluż l-ispektrum tar-radju minn 1 980 sa 2 010 MHz għandhom japplikaw mid-dinja għall-ispazju, u minn 2 170 sa 2 200 MHz għall-komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja. Id-Deċiżjoni tistipula wkoll dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kkoordinata mill-Istati Membri ta’ l-operaturi magħżula sabiex jużaw l-ispektrum tar-radju allokat fi ħdan din il-medda għall-operazzjoni ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita.
2. L-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jintgħażlu permezz ta’ proċedura Komunitarja, konformement mat-Titolu II.
3. L-operaturi magħżula ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu awtorizzati mill-Istati Membri skond it-Titolu III.
4. L-operaturi ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu awtorizzati mill-Istati Membri skond it-Titolu III.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Id-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2002/21/KE u fid-Direttiva 2002/20/KE għandhom japplikaw għall-finiijiet ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Il-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:
(a) “sistemi mobbli permezz tas-satellita” tfisser netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika u faċilitajiet assoċjati li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju bejn stazzjon mobbli terrestri u stazzjon spazjali wieħed jew aktar, jew bejn stazzjonijiet mobbli terrestri permezz ta’ stazzjon spazjali jew aktar, jew bejn stazzjon mobbli terrestri u komponent terrestri komplementari jew aktar użati f’siti fissi. Tali sistema għandha tinkludi mill-anqas stazzjon terrestri wieħed;
(b) “komponenti terrestri komplementari” ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita tfisser stazzjonijiet terrestri wżati f’siti fissi, sabiex itejbu d-disponibbiltà tas-servizzi MSS f’żoni ġeografiċi koperti mill-firxa tas-satellita jew satelliti tas-sistema, fejn il-komunikazzjoni ma’ stazzjon spazjali jew aktar ma tistax tkun garantita bil-kwalità meħtieġa.
TITOLU II
IL-PROĊEDURA TA’ L-GĦAŻLA
Artikolu 3
Proċedura ta’ għażla komparattiva
1. Il-Kummissjoni għandha torganizza proċedura ta’ għażla komparattiva għall-għażla ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita. Il-Kummissjoni għandha torganizza din il-proċedura bl-għajnuna tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 10(1).
2. L-applikanti għandhom jingħataw opportunità ġusta u non-diskriminatorja sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għażla komparattiva, li għandha tkun trasparenti.
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
3. Għandu jingħata aċċess għal dokumenti relatati mal-proċedura ta’ l-għażla komparattiva, inklużi l-applikazzjonijiet, skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ( 1 ).
4. Il-Kummissjoni tista’ tingaġġa l-konsulenza u l-għajnuna ta’ esperti esterni għall-analiżi u/jew għall-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn l-esperti esterni għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kompetenzi u l-livell għoli ta’ indipendenza u imparzjalità tagħhom.
Artikolu 4
L-ammissibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet
1. Ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà li ġejjin għandhom japplikaw:
(a) l-applikanti għandhom ikunu stabbiliti fil-Komunità;
(b) l-applikazzjonijiet għandhom jidentifikaw l-ammont ta’ spektrum tar-radju mitlub, li għandu jkun mhux aktar minn 15 MHz għall-komunikazzjoni mid-dinja għall-ispazju u 15 MHz għall-komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja relattivament għal kwalunkwe applikant wieħed u għandhom jinkludu dikjarazzjonijiet u evidenza li jikkonċernaw l-ispektrum tar-radju mitlub, l-istadji li huma meħtieġa li jintlaħqu u l-kriterji ta’ l-għażla;
(ċ) l-applikazzjonijiet għandhom jinkludu impenn min-naħa ta’ l-applikant li:
(i) is-sistema mobbli permezz tas-satellita proposta għandha tkopri żona ta’ servizz li tkun għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, minn meta tibda l-provvista tas-servizzi MSS;
(ii) is-servizzi MSS għandhom ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u dan fir-rigward ta’ għall-inqas 50 % tal-popolazzjoni u jkopru għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ kull Stat Membru saż-żmien stipulat mill-applikant iżda fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn seba’ snin mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3).
2. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-applikanti sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward it-twettiq tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà f’perijodu ta’ żmien speċifiku ta’ bejn ħamest ijiem tax-xogħol u għoxrin jum tax-xogħol. L-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli jekk din l-informazzjoni ma tingħatax fil-perijodu ta’ żmien speċifikat.
3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet. Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar non-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet għandha tkun motivata u adottata skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 10(2).
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-applikanti dwar jekk l-applikazzjonijiet tagħhom ġewx ikkunsidrati bħala ammissibbli u għandha tippubblika minnufih il-lista ta’ l-applikanti ammissibbli.
Artikolu 5
L-ewwel fażi ta’ l-għażla
1. Fi żmien 40 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ l-applikanti ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tiddeċiedi jekk l-applikanti jkunux urew il-livell meħtieġ ta’ żvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita rispettivi tagħhom. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-twettiq sodisfaċenti ta’ l-istadji wieħed sa ħamsa kif stipulat fl-Anness. Il-kredibbiltà ta’ l-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti għandhom jiġu kkunsidrati matul din l-ewwel fażi ta’ l-għażla.
2. Jekk id-domanda totali għall-ispektrum tar-radju mitlub mill-applikanti eliġibbli li jibqgħu jiġu kkunsidrati skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx akbar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli, identifikat fl-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta’ deċiżjoni motivata u konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3), li l-applikanti eliġibbli kollha għandhom jintgħażlu u għandha tidentifika l-frekwenzi rispettivi li kull applikant magħżul għandu jiġi awtorizzat li juża, f’kull Stat Membru, konformement mat-Titolu III.
3. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-applikanti dwar jekk l-applikazzjonijiet tagħhom tqisux bħala eliġibbli għat-tieni fażi jew jekk intgħażlux skond il-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ applikanti eliġibbli jew magħżula. Fi żmien 30 jum tax-xogħol minn tali pubblikazzjoni, l-applikanti eliġibbli li jkollhom l-intenzjoni li ma jkomplux jipparteċipaw fil-proċedura ta’ l-għażla, u l-applikanti magħżula li jkollhom l-intenzjoni li ma jużawx il-frekwenzi tar-radju, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni rigward dan bil-miktub.
Artikolu 6
It-tieni fażi ta’ l-għażla
1. Jekk id-domanda totali għall-ispektrum tar-radju mitlub mill-applikanti eliġibbli identifikati fl-ewwel fażi ta’ l-għażla tkun akbar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli, kif identifikat fl-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tagħżel l-applikanti eliġibbli billi tevalwa sa liema punt is-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti tal-parteċipanti eliġibbli jissodisfaw il-kriterji peżati ta’ l-għażla li ġejjin:
(a) il-benefiċċji għall-konsumatur u għall-kompetittività pprovduti (piż ta’ 20 %) inklużi ż-żewġ kriterji li ġejjin:
(i) l-għadd ta’ utenti finali u l-firxa tas-servizzi MSS li għandhom jiġu pprovduti sad-data meta tibda l-provvista kontinwa tas-servizzi MSS kummerċjali;
(ii) id-data meta tibda l-provvista kontinwa tas-servizzi MSS kummerċjali;
(b) l-effiċjenza ta’ l-ispektrum (piż ta’ 20 %) inklużi ż-żewġ sub-kriterji li ġejjin:
(i) l-ammont totali ta’ spektrum meħtieġ;
(ii) il-kapaċità totali tal-fluss ta’ data;
(ċ) il-kopertura ġeografika pan-Ewropea (piż ta’ 40 %) inklużi t-tliet sub-kriterji li ġejjin:
(i) l-għadd ta’ Stati Membri fejn għall-inqas 50 % tal-popolazzjoni jkunu fiż-żona ta’ servizz sad-data meta tibda l-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali;
(ii) il-grad ta’ kopertura ġeografika, ibbażat fuq iż-żona ta’ servizz ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ l-Istati Membri sad-data meta tibda l-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali;
(iii) iż-żmien stipulat mill-applikant fir-rigward ta’ meta s-servizzi MSS ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u ta’ l-inqas għal 50 % tal-popolazzjoni u f’għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ art ta’ kull Stat Membru;
(d) il-punt sa fejn jinkisbu l-għanijiet (peżatura ta’ 20 %) ta’ l-interess pubbliku, li m’humiex indirizzati permezz tat-tliet kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (ċ), skond it-tliet sub-kriterji peżati indaqs li ġejjin:
(i) il-provvista ta’ servizzi ta’ interess pubbliku li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sikurezza u tas-sigurtà taċ-ċittadini b’mod ġenerali jew għall-protezzjoni ta’ gruppi speċifiċi ta’ ċittadini;
(ii) l-integrità u s-sigurtà tas-servizzi;
(iii) il-firxa ta’ servizzi pprovduti lill-konsumaturi f’żoni rurali jew imbiegħda.
2. Kwalunkwe regola għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3). Matul din it-tieni fażi ta’ l-għażla, għandhom jitqiesu l-kredibbiltà ta’ l-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti.
3. Fi żmien 80 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ applikanti eliġibbli identifikati fl-ewwel fażi ta’ l-għażla, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tar-rapport tal-bord ta’ esperti esterni, jekk dan ikun applikabbli, u skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3), tadotta deċiżjoni dwar l-għażla ta’ l-applikanti. Id-deċiżjoni għandha tidentifika l-applikanti magħżula kklassifikati skond il-punt sa fejn jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni, kif ukoll il-frekwenzi li kull applikant magħżul għandu jkun awtorizzat li juża, minn kull Stat Membru, konformement mat-Titolu III.
4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikoli 5(2) jew 6(3) fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.
TITOLU III
L-AWTORIZZAZZJONI
Artikolu 7
L-awtorizzazzjoni ta’ l-applikanti magħżula
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti magħżula, konformement mal-perijodu ta’ żmien u ż-żona ta’ servizz li l-applikanti magħżula jkunu kkommettew ruħhom għalihom, skond l-Artikolu 4(1)(ċ), u konformement mal-liġi nazzjonali u mal-liġi Komunitarja, ikollhom id-dritt li jużaw il-frekwenza tar-radju speċifika identifikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3) u d-dritt li joperaw sistema mobbli permezz tas-satellita. Huma għandhom jinfurmaw lill-applikanti magħżula dwar dawn id-drittijiet skond il-każ.
2. Id-drittijiet koperti mill-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġetti għal dawn il-kondizzjonijiet komuni li ġejjin:
(a) l-applikanti magħżula għandhom jużaw l-ispektum tar-radju sabiex jipprovdu servizzi MSS;
(b) l-applikanti magħżula għandhom jilħqu l-istadji meħtieġa sitta sa disgħa stipulati fl-Anness fi żmien 24 xahar mid-deċiżjoni ta’ l-għażla adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3);
(ċ) l-applikanti magħżula għandhom jonoraw kwalunkwe impenn meħud fl-applikazzjonijiet tagħhom jew waqt il-proċedura ta’ għażla komparattiva, irrispettivament minn jekk id-domanda kollha għall-ispektrum tar-radju tkunx ikbar mill-ammont disponibbli;
(d) l-applikanti magħżula għandhom jipprovdu rapport annwali lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kollha, li jispjega ċar l-istadju ta’ żvilupp tas-sistema mobbli permezz tas-satellita proposta tagħhom;
(e) kwalunkwe dritt neċessarju għall-użu u għal awtorizzazzjonijiet għandu jingħata għal perijodu ta’ tmintax-il sena mid-data tad-deċiżjoni ta’ l-għażla adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3).
3. L-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet għall-użu ta’ l-ispektrum identifikat fl-Artikolu 1(1) għal tali perijodu ta’ żmien u sa tali punt li huma jibqgħu barra miż-żona ta’ servizz li għaliha impenjaw rwieħhom l-applikanti magħżula skond din id-Deċiżjoni, konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE.
4. L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ġustifikati b’mod oġġettiv, non-diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni bejn is-servizzi u l-awtoritajiet ta’ emerġenza waqt diżastri naturali maġġuri, konformement mal-liġi Komunitarja, inkluża d-Direttiva 2002/20/KE.
Artikolu 8
Komponenti terrestri komplementari
1. L-Istati Membri għandhom, konformement mal-liġi nazzjonali u mal-liġi Komunitarja, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħtu, lill-applikanti magħżula skond it-Titolu II u li jkunu awtorizzati li jużaw l-ispektrum konformement ma’ l-Artikolu 7, l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-provvista ta’ komponenti terrestri komplementari tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita fit-territorji tagħhom.
2. L-Istati Membri ma jistgħux jagħżlu jew jawtorizzaw operaturi ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita qabel ma titlesta l-proċedura ta’ l-għażla, prevista fit-Titolu II, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummisjoni adottata konformement ma’ l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3). Dan ikun mingħajr preġudizzju għall-użu tal-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz minn sistemi differenti minn dawk li jipprovdu servizzi MSS skond id-Deċiżjoni 2007/98/KE.
3. Kwalunkwe awtorizzazzjoni nazzjonali maħruġa għall-operazzjoni ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet komuni li ġejjin:
(a) l-operaturi għandhom jużaw l-ispektrum tar-radju li jkun ġie allokat lilhom sabiex jipprovdu komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita;
(b) il-komponenti terrestri komplementari għandhom jikkostitwixxu parti integrali mis-sistema mobbli permezz tas-satellita u għandhom ikunu kkontrollati mill-mekkaniżmu tal-ġestjoni tar-riżorsi u tan-netwerk satellitari; huma għandhom jużaw l-istess direzzjoni ta’ trażmissjoni u l-istess partijiet tal-meded ta’ frekwenza bħal dawk użati mill-komponenti satellitari assoċjati u ma għandhomx ikabbru l-ħtieġa ta’ spektrum tas-sistema mobbli permezz tas-satellita assoċjata;
(ċ) l-operazzjoni indipendenti ta’ komponenti terrestri komplementari f’każ ta’ defiċjenza tal-komponent tas-satellita tas-sistema mobbli assoċjata ma għandhiex iddum għal aktar minn tmintax-il xahar;
(d) id-drittijiet għall-użu u għal awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw għal perijodu ta’ żmien li jispiċċa mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sistema mobbli assoċjata.
Artikolu 9
Il-monitoraġġ u l-infurzar
1. L-operaturi magħżula għandhom ikunu responsabbli għall-konformità ma’ kwalunkwe kondizzjoni marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet tagħhom u għall-ħlas ta’ kwalunkwe ħlasijiet u imposti applikabbli għall-awtorizzazzjoni u/jew għall-użu, kif meħtieġ mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-infurzar, inklużi r-regoli dwar il-penali applikabbli f’każ ta’ ksur tal-kondizzjonijiet komuni stipulati fl-Artikolu 7(2), ikunu konformi mal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/20/KE. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn il-kondizzjonijiet komuni u għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ fuq bażi annwali, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi kondizzjonijiet komuni u fil-każ li ttieħdu xi miżuri ta’ infurzar.
Il-Kummissjoni tista’, bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 10(1), teżamina kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur speċifiku tal-kondizzjonijiet komuni. Meta Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni dwar ksur partikolari, il-Kummissjoni għandha teżamina l-allegazzjoni ta’ ksur bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet.
3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri li jiddefinixxu kwalunkwe modalità għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli dwar l-infurzar imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, inklużi regoli għas-sospensjoni jew l-irtirar ikkoordinati tal-awtorizzazzjonijiet għal ksur tal-kondizzjonijiet komuni previsti fl-Artikolu 7(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(3).
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 10
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE.
2. Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
3. Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar.
▼M1 —————
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 12
Indirizzati
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
L-ISTADJI DIVERSI
1. Il-preżentazzjoni ta’ talba għall-koordinazzjoni lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU)
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li l-amministrazzjoni responsabbli għat-talba lill-ITU għal sistema mobbli permezz tas-satellita sabiex tintuża għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri tkun ippreżentat it-tagħrif rilevanti imsemmi fl-Appendiċi 4 tar-Regolamenti tar-Radju ta’ l-ITU (ITU Radio Regulations).
2. Il-manifattura tas-satellita
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Id-dokument għandu jidentifika l-istadji tal-bini li jwasslu għat-tlestija tal-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali. Id-dokument għandu jiġi ffirmat mill-applikant u mill-kumpanija li timmanifattura s-satelliti.
3. Il-ftehim dwar il-varar tas-satellita
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-varar ta’ għadd minimu ta’ satelliti meħtieġ għall-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Id-dokument għandu jagħti d-dati tal-varar u s-servizzi tal-varar, kif ukoll it-termini u l-kondizzjonijiet kuntrattwali relatati ma’ l-indennizz. Id-dokument għandu jiġi ffirmat mill-operatur tas-sistema mobbli permezz tas-satellita u mill-kumpanija li varat is-satelliti.
4. Stazzjonijiet Gateway terrestri
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju dwar il-kostruzzjoni u dwar l-installazzjoni ta’ Stazzjonijiet Gateway Terrestri (Gateway Earth Stations) maħsuba sabiex jintużaw għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri.
5. It-tlestija tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn
Ir-Reviżjoni Kritika tad-Disinn hi l-fażi fil-proċess ta’ l-implimentazzjoni ta’ vettura spazjali fejn tispiċċa l-fażi tad-disinn u ta’ l-iżvilupp, u tibda l-fażi tal-manifattura.
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara tat-tlestija, sa mhux aktar tard minn 80 jum wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn skond l-istadji tal-kostruzzjoni indikati fil-ftehim dwar il-manifattura tas-satellita. Id-dokument rilevanti għandu jiġi ffirmat mill-kumpanija li mmanifatturat is-satellita, u għandu jindika d-data tat-tlestija tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn.
6. L-integrazzjoni ta’ satelliti
Tali integrazzjoni hija l-fażi fil-proċess ta’ l-implimentazzjoni ta’ vetturi spazjali fejn il-Modulu tal-Komunikazzjoni (Communication Module, CM) jiġi integrat mal-Modulu tas-Servizz (Service Module, SM).
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li tlestiet ir-Reviżjoni ta’ l-Istat Operattiv għall-Ittestjar (Test Readiness Review) għall-integrazzjoni SM/CM skond l-istadji tal-kostruzzjoni indikati fil-ftehim dwar il-manifattura tas-satellita. Id-dokument rilevanti għandu jiġi ffirmat mill-kumpanija li mmanifatturat is-satellita, u għandu jindika d-data tat-tlestija ta’ l-integrazzjoni tas-satelliti.
7. Il-varar tas-satelliti
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara tal-varar b’suċċess u l-użu orbitali ta’ l-għadd ta’ satelliti meħtieġ għall-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri.
8. Il-koordinazzjoni tal-frekwenzi
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara dwar is-suċċess tal-koordinazzjoni tal-frekwenzi tas-sistema konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tar-Radju ta’ l-ITU (ITU Radio Regulations). Madankollu, sistema li turi li hija konformi ma’ l-istadji wieħed sa sebgħa inklussivi ma tkunx obbligata f’din il-fażi li turi t-tlestija tal-koordinazzjoni b’suċċess tal-frekwenzi ma’ dawk is-sistemi mobbli permezz tas-satelliti li ma jikkonformawx adegwatament u raġonevolment ma’ l-istadji wieħed sa sebgħa inklussivi.
9. Il-provvista ta’ servizzi MSS fit-territorji ta’ l-Istati Membri
L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li hu jkun qiegħed jipprovdi b’mod effikaċi servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri billi juża l-għadd ta’ satelliti li hu jkun preċedentement identifika fl-istadju tlieta sabiex ikopri ż-żona ġeografika li l-applikant ikun impenja ruħu għaliha fl-applikazjoni tiegħu sad-data tal-bidu tal-provvista tas-servizzi MSS.
( 1 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.