02019R0625 — MT — 17.05.2019 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/625

tal-4 ta' Marzu 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 131 17.5.2019, p. 18)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 176, 5.6.2020, p.  15 (2019/625)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/625

tal-4 ta' Marzu 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom sabiex jiżgura li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 jew mar-rekwiżiti li huma rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom.

2.  Ir-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 1 ikopru:

(a) 

l-identifikazzjoni ta' annimali u oġġetti soġġetti għar-rekwiżiti li ġejjin għad-dħul fl-Unjoni:

(i) 

ir-rekwiżit li dawk l-annimali u l-oġġetti għandhom jiġu minn pajjiż terz jew reġjun tiegħu elenkat skont l-Artikolu 126(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(ii) 

ir-rekwiżit li dawk l-annimali u l-oġġetti jintbagħtu minn stabbilimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, jew ma' rekwiżiti rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom, u jinkisbu jew jiġu ppreparati fihom, u li jidhru f'listi mfassla u aġġornati skont l-Artikolu 127(3)(e)(ii) u (iii) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(iii) 

ir-rekwiżit li kull kunsinna ta' annimali u oġġetti tkun akkumpanjata minn ċertifikat uffiċjali, jew attestazzjoni uffiċjali jew kwalunkwe evidenza oħra ta' konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, bħal attestazzjoni privata, skont l-Artikolu 126(2)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b) 

rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta' ċerti annimali u oġġetti minn pajjiż terz jew reġjun tiegħu, elenkat skont l-Artikolu 127(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(c) 

rekwiżiti li l-kunsinni ta' ċerti oġġetti minn pajjiżi terzi jintbagħtu minn stabbilimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, jew ma' rekwiżiti rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom, u jinkisbu jew jiġu ppreparati fihom, u li jidhru f'listi mfassla u aġġornati skont l-Artikolu 127(3)(e)(ii) u (iii) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(d) 

rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bażiċi speċifiċi li ġejjin minbarra r-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 126 tar-Regolament (UE) 2017/625:

(i) 

laħam frisk, laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam, prodotti tal-laħam, laħam separat mekkanikament u materja prima maħsuba għall-produzzjoni tal-ġelatina u l-kollaġen;

(ii) 

molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi, tunikati u gasetropodi tal-baħar;

(iii) 

prodotti tas-sajd;

(iv) 

prodotti komposti;

(e) 

rekwiżiti addizzjonali għaċ-ċertifikati uffiċjali, attestazzjonijiet uffiċjali u attestazzjonijiet privati li għandhom jakkumpanjaw lil ċerti annimali u oġġetti għad-dħul fl-Unjoni.

3.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a) 

Annimali u oġġetti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, madankollu meta d-destinazzjoni tal-annimali u l-oġġetti ma tkunx ġiet deċiża mad-dħul fl-Unjoni, japplika dan ir-Regolament;

(b) 

Annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jagħmlu biss tranżitu mill-Unjoni mingħajr ma jitqiegħdu fis-suq.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“ekwivalenti” tfisser ekwivalenti kif definita fl-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(2) 

“tqegħid fis-suq” tfisser tqegħid fis-suq kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(3) 

“stabbiliment” tfisser stabbiliment kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(4) 

“attestazzjoni privata” tfisser attestazzjoni ffirmata mill-operatur ta' negozju tal-ikel li qed jimporta;

(5) 

“laħam frisk” tfisser laħam frisk kif definit fil-punt 1.10 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(6) 

“laħam ikkapuljat” tfisser ikkapuljat kif definit fil-punt 1.13 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(7) 

“preparati tal-laħam” tfisser preparati tal-laħam kif definiti fil-punt 1.15 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(8) 

“prodotti tal-laħam” tfisser prodotti tal-laħam kif definiti fil-punt 7.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(9) 

“laħam separat mekkanikament” tfisser laħam separat mekkanikament kif definit fil-punt 1.14 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(10) 

“ġelatina” tfisser ġelatina kif definita fil-punt 7.7 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(11) 

“kollaġen” tfisser kollaġni kif definita fil-punt 7.8 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(12) 

“molluski bivalvi” tfisser molluski bivalvi kif definiti fil-punt 2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(13) 

“prodotti tas-sajd” tfisser prodotti tas-sajd kif definiti fil-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(14) 

“prodott kompost” tfisser ikel li fih kemm prodotti ta' oriġini mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali;

(15) 

“rettili” tfisser annimali li jappartjenu għall-ispeċijiet Alligator mississippiensis, Crocodylus johnstoni, Crocodylus niloticus, Crocodylus porosus, Timon Lepidus, Python reticulatus, Python molurus bivittatus jew Pelodiscus sinensis;

(16) 

“laħam tar-rettili” tfisser il-partijiet li jittieklu, mhux ipproċessati jew ipproċessati, derivati minn rettili mrobbija fl-irziezet, li huma, meta applikabbli, awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 u elenkati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 ( 1 );

(17) 

“insetti” tfisser ikel li jikkonsisti minn, huwa iżolat minn jew prodott mill-insetti jew il-partijiet tagħhom inkluż kwalunkwe stadju ħaj ta' insetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem li huma, meta applikabbli, awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 u elenkati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470;

(18) 

“ġelbin” tfisser nebbieta kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 ( 2 );

(19) 

“produzzjoni primarja” tfisser produzzjoni primarja kif definita fil-punt (17) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(20) 

“biċċerija” tfisser biċċerija kif definita fil-punt 1.16 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(21) 

“stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa” tfisser stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa kif definit fil-punt 1.18 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(22) 

“impjant tat-tqattigħ” tfisser impjant tat-tqattigħ kif definit fil-punt 1.17 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(23) 

“żona ta' produzzjoni” tfisser arja ta' produzzjoni kif definita fil-punt 2.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(24) 

“bastiment fabbrika” tfisser bastiment fabbrika kif definit fil-punt 3.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(25) 

“bastiment friża” tfisser bastiment friża kif definit fil-punt 3.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(26) 

“bastiment reefer” tfisser bastiment mgħammar biex jaħżen u jittrasporta oġġetti permezz ta' pellets jew merkanzija mhux marbuta (bl-ingrossa) fi stivi jew kmamar b'temperatura kkontrollata;

(27) 

“operatur ta' negozju tal-ikel” tfisser operatur ta' negozju tal-ikel kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

Artikolu 3

Annimali u oġġetti li huma meħtieġa li jiġu minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 126(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625

Il-kunsinni tal-annimali u l-oġġetti li ġejjin maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiż terz jew reġjun tiegħu inkluż fil-lista għal dawk l-annimali u l-oġġetti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 22 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/626:

(a) 

prodotti li joriġinaw mill-annimali, inkluż laħam tar-rettili u insetti sħaħ mejtin, partijiet ta' insetti jew insetti pproċessati, li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (“il-kodiċijiet NM”) fil-Kapitoli 2 sa 5, 15 u 16, u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (“il-kodiċijiet SA”) taħt l-intestaturi 1702 , 1806 , 2102 , 2103 , 2105 , 2106 , 2202 , 2301 , 2822 , 2932 , 3001 , 3002 , 3501 , 3502 , 3503 , 3504 , 3507 , 3913 , 4101 , 4102 , 4103 , 4110  u 9602 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, meta dawn il-prodotti jkunu maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

(b) 

insetti ħajjin kif imsemmija bil-kodiċi NM 0106 49 00 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

Artikolu 4

Rekwiżiti addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni ta' ċerti annimali u oġġetti minn pajjiż terz jew reġjun tiegħu

Barra mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi biss fuq l-inklużjoni ta' pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom fil-lista msemmija fl-Artikolu 126(2)(a) ta' dak ir-Regolament jekk ir-rekwiżiti li ġejjin ikunu rikonoxxuti mill-Kummissjoni li huma tal-inqas ekwivalenti għar-rekwiżiti rilevanti fl-Unjoni għall-annimali u l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 3:

(a) 

il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz dwar:

(i) 

il-produzzjoni ta' ikel ta' oriġini mill-annimali;

(ii) 

l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji, inklużi r-regoli dwar il-projbizzjoni jew l-awtorizzazzjoni tagħhom, it-tqassim tagħhom, it-tqegħid tagħhom fis-suq u r-regoli li jkopru l-amministrazzjoni u l-ispezzjonijiet;

(iii) 

il-preparazzjoni u l-użu tal-għalf, inklużi l-proċeduri għall-użu ta' addittivi u l-preparazzjoni u l-użu tal-għalf medikat, kif ukoll il-kwalità tal-iġjene tal-materja prima użata għall-preparazzjoni tal-għalf u tal-prodott finali;

(b) 

il-kundizzjonijiet tal-iġjene tal-produzzjoni, il-manifattura, l-immaniġġar, il-ħażna u l-ispedizzjoni attwalment applikati għall-prodotti ta' oriġini mill-annimali maħsuba għall-Unjoni;

(c) 

kwalunkwe esperjenza ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta' oriġini mill-annimali mill-pajjiż terz u r-riżultati ta' kwalunkwe kontroll uffiċjali mad-dħul fl-Unjoni;

(d) 

meta disponibbli, ir-riżultati ta' kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni fil-pajjiż terz relatati ma' annimali u oġġetti oħra li għalihom il-pajjiż terz diġà huwa elenkat skont l-Artikolu 127(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, b'mod partikolari r-riżultati tal-valutazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz awditjat, u l-azzjoni li ħadu l-awtoritajiet kompetenti fid-dawl ta' kwalunkwe rakkomandazzjoni indirizzata lilhom wara tali awditi mill-Kummissjoni;

(e) 

l-eżistenza, l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni ta' programm ta' kontroll ta' żoonożi approvat mill-Kummissjoni meta applikabbli;

(f) 

l-eżistenza, l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni ta' programm ta' kontroll ta' residwi approvat mill-Kummissjoni meta applikabbli, skont id-Direttiva 96/23/KE.

Artikolu 5

Rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta' ċerti oġġetti minn pajjiż terz fir-rigward ta' stabbilimenti

1.  Il-kunsinni tal-oġġetti li ġejjin għandhom jidħlu fl-Unjoni biss meta dawk il-kunsinni jintbagħtu minn stabbilimenti li jidhru fuq il-listi mfassla u miżmuma aġġornati skont l-Artikolu 127(3)(e)(ii) u (iii) tar-Regolament (UE) 2017/625, u jinkisbu u jiġu ppreparati fihom:

(a) 

prodotti ta' oriġini mill-annimali li għalihom ir-rekwiżiti huma stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, u li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM fil-Kapitoli 2 sa 5, 15 u 16, u l-kodiċijiet SA taħt l-intestaturi 2102 , 2103 , 2105 , 2106 , 2202 , 2301 , 2822 , 2932 , 3001 , 3002 , 3501 , 3502 , 3503 , 3504 , 3507 , 3913 , 4101 , 4102 , 4103  u 4110 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(b) 

ġelbin imsemmija permezz tal-kodiċijiet SA li ġejjin: 0704 90 , 0706 90 , 0708 10 , 0708 20 , 0708 90 jew 1214 90 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

2.  Stabbilimenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jitpoġġew fuq il-listi msemmija fl-Artikolu 127(3)(e) tar-Regolament (UE) 2017/625 biss jekk, minbarra l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 127(3)(e)(ii) u (iv) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-pajjiż terz jipprovdi l-garanziji li ġejjin:

(a) 

tali stabbilimenti, flimkien ma' kwalunkwe stabbiliment li jimmaniġġja materja prima ta' oriġini mill-annimali użata fil-manifattura tal-prodotti ta' oriġini mill-annimali kkonċernati, jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, b'mod partikolari dawk tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, jew mar-rekwiżiti rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom;

(b) 

l-istabbiliment, fejn xieraq, jimmaniġġja biss materja prima ta' oriġini mill-annimali li tiġi minn pajjiżi terzi bi pjan ta' monitoraġġ ta' residwi approvat għal dik il-kategorija tal-prodott skont id-Direttiva 96/23/KE jew mill-Istati Membri;

(c) 

għandu s-setgħa vera li jwaqqaf l-istabbilimenti milli jesportaw lejn l-Unjoni f'każ li l-istabbilimenti jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni jew ir-rekwiżiti rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għalihom.

3.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri bi kwalunkwe lista ġdida u aġġornata li tirċievi mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz skont l-Artikolu 127(3)(e)(iii) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għandha tippubblika tali listi fuq is-sit web tagħha.

4.  L-Istati Membri għandhom jippermettu d-dħul fl-Unjoni tal-kunsinni msemmija fil-paragrafu 1 sakemm iċ-ċertifikati uffiċjali li huma meħtieġa li jakkumpanjaw tali kunsinni skont ir-regoli applikabbli tal-Unjoni jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz mid-data tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-listi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Stabbilimenti li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1)

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ma għandhomx japplikaw għal stabbilimenti li jwettqu biss l-attivitajiet li ġejjin:

(a) 

produzzjoni primarja;

(b) 

operazzjonijiet ta' transport;

(c) 

ħażna ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali li ma għandhomx bżonn kundizzjonijiet ta' ħażna b'temperatura kkontrollata;

(d) 

produzzjoni ta' sulfat tal-kondrojtina, aċidu jaluroniku, prodotti oħra tal-qarquċa idrolizzata, kitosan, glukosammina, kimożina, isinglass u amminoaċidi raffinati ħafna msemmija fit-Taqsima XVI tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u msemmija mill-kodiċijiet NM taħt l-intestatura ta' 2833 , ex  39 13 , 2930 , ex  29 32 , 3507 jew 3503 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

Artikolu 7

Rekwiżiti għall-kunsinni ta' laħam frisk, laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam, prodotti tal-laħam, laħam separat mekkanikament u materja prima maħsuba għall-produzzjoni tal-ġelatina u l-kollaġen

Il-kunsinni tal-prodotti li ġejjin ta' oriġini mill-annimali għandhom jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġew immanifatturati minn materja prima miksuba f'biċċeriji, stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti li jipproċessaw prodotti tas-sajd, li jidhru fil-listi ta' stabbilimenti mfassla u miżmuma aġġornati skont l-Artikolu 127(3)(e) tar-Regolament (UE) 2017/625:

(a) 

laħam frisk;

(b) 

laħam ikkapuljat;

(c) 

preparati tal-laħam;

(d) 

prodotti tal-laħam u laħam separat mekkanikament;

(e) 

materja prima maħsuba għall-produzzjoni tal-ġelatina u l-kollaġen imsemmija rispettivament fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tas-Sezzjoni XIV u fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tas-Sezzjoni XV tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 8

Rekwiżiti għall-kunsinni ta' molluski bivalvi ħajjin, ekonidermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar

1.  Minkejja l-Artikolu 6, il-kunsinni ta' molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar ħajjin li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM taħt l-intestatura 0307 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandhom jidħlu fl-Unjoni biss minn żoni ta' produzzjoni f'pajjiżi terzi li jidhru f'listi mfassla mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz skont l-Artikolu 127(3)(e) tar-Regolament (UE) 2017/625 u ppubblikati mill-Kummissjoni.

2.  Il-prodotti li ġejjin jistgħu jidħlu fl-Unjoni minn żoni ta' produzzjoni li ma ġewx ikklassifikati mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2017/625:

(a) 

Pectinidae, ħlief fejn id-data mill-programmi ta' monitoraġġ uffiċjali kif stabbiliti mill-Artikolu 57 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/627 tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jikklassifikaw postijiet tas-sajd kif stabbilit fil-punt (2) tal-Kapitolu IX tas-Sezzjoni VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b) 

gasteropodi tal-baħar li mhumiex organiżmi filtraturi u Holothuroidea li mhumiex organiżmi filtraturi.

Artikolu 9

Lista ta' żoni ta' produzzjoni

1.  Qabel ma l-listi msemmija fl-Artikolu 8(1) jitfasslu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz, għandhom jitqiesu b'mod partikolari l-garanziji li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jistgħu jipprovdu rigward il-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni 2019/627 dwar il-klassifikazzjoni u l-kontroll taż-żoni tal-produzzjoni.

Il-Kummissjoni għandha twettaq żjara ta' kontroll fuq il-post qabel jitfasslu listi bħal dawn.

2.  Ladarba l-listi msemmija fl-Artikolu 8(1) jitfasslu, u meta l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz joffru biżżejjed garanziji dwar il-ġestjoni u l-kontrolli taż-żoni ta' produzzjoni taħt ir-responsabbiltà tagħhom, iż-żjara ta' kontroll fuq il-post tal-Kummissjoni ma hemmx għalxiex titwettaq qabel ma tiżdied żona ta' produzzjoni ġdida ma' lista eżistenti skont l-Artikolu 5.

Artikolu 10

Rekwiżiti speċjali għall-prodotti tas-sajd

Il-kunsinni tal-prodotti tas-sajd li għalihom ġew stabbiliti l-kodiċijiet NM fl-intestaturi 0301 , 0302 , 0303 , 0304 , 0305 , 0306 , 0307 , 0308 , 1504 , 1516 , 1603 , 1604 , 1605 jew 2106 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, għandhom jidħlu fl-Unjoni biex jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu nkisbu jew ġew ippreparati, fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni tagħhom, fi stabbiliment fuq l-art, fabbrika jew bastiment friża jew maħżuna f'maħżen kiesaħ jew bastiment reefer li jidhru f'lista mfassla u aġġornata skont l-Artikolu 127(3)(e) tar-Regolament (UE) 2017/625 u ppubblikata mill-Kummissjoni.

Artikolu 11

1.  Bastiment jista' jiġi inkluż fil-listi ta' stabbilimenti msemmija fl-Artikolu 127(3)(e)(ii) tar-Regolament (UE) 2017/625 sakemm l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu u l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz ieħor li għalih, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment qed itajjar il-bandiera tiegħu ddelegaw ir-responsabbiltà għall-ispezzjoni tal-bastiment ikkonċernat, jipprovdu lill-Kummissjoni b'komunikazzjoni konġunta li tiddikjara li l-erba' rekwiżiti li ġejjin kollha huma ssodisfati:

(a) 

iż-żewġ pajjiżi terzi jidhru fil-lista ta' pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom, imfassla skont l-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta' prodotti tas-sajd;

(b) 

il-prodotti kollha tas-sajd mill-bastiment ikkonċernat li huma destinati għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jitniżżlu l-art direttament fil-pajjiż terz li għalih għandu responsabbiltà delegata l-pajjiż terz li l-bastiment qed itajjar il-bandiera tiegħu rigward l-ispezzjoni tal-bastimenti kkonċernati;

(c) 

l-awtoritajiet kompetenti delegati spezzjonaw il-bastiment u ddikjaraw li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni;

(d) 

l-awtoritajiet kompetenti delegati ddikjaraw li se jispezzjonaw regolarment il-bastiment biex jiżguraw li jibqa' jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni.

2.  Bastiment jista' jiġi inkluż fil-listi ta' stabbilimenti msemmija fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 fuq il-bażi ta' komunikazzjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu u mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, li għalih l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li l-bastiment qed itajjar il-bandiera tiegħu ddelegaw ir-responsabbiltà għall-ispezzjoni tal-bastiment ikkonċernat, jekk it-tliet rekwiżiti li ġejjin kollha huma ssodisfati:

(a) 

il-prodotti kollha tas-sajd mill-bastiment ikkonċernat li huma destinati għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jitniżżlu l-art direttament f'dak l-Istat Membru;

(b) 

l-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru spezzjonaw il-bastiment u ddikjaraw li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni;

(c) 

l-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru iddikjaraw li se jispezzjonaw regolarment il-bastiment biex jiżguraw li jkompli jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni.

3.  Meta kunsinni ta' prodotti tas-sajd jidħlu fl-Unjoni direttament minn bastiment reefer, fabbrika jew friża li jtajjar il-bandiera ta' pajjiż terz, iċ-ċertifikat uffiċjali msemmi fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 ( 3 ) jista' jiġi ffirmat mill-kaptan.

Artikolu 12

Rekwiżiti għall-kunsinni ta' prodotti komposti

1.  Il-kunsinni tal-prodotti komposti msemmija bil-kodiċijiet SA taħt l-intestaturi 1601 , 1602 , 1603 , 1604 , 1605 , 1901 , 1902 , 1905 , 2004 , 2005 , 2103 , 2104 , 2105 , 2106 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandhom jidħlu fl-Unjoni għat-tqegħid fis-suq biss jekk kull prodott ipproċessat li joriġina mill-annimali li jinsab fil-prodotti komposti kien jew prodott fi stabbilimenti li jinsabu f'pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom u awtorizzati li jesportaw lejn l-Unjoni dawk il-prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali skont l-Artikolu 5 jew fi stabbilimenti li jinsabu fi Stati Membri.

2.  Sakemm tiġi stabbilita mill-Kummissjoni lista speċifika ta' pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati li jesportaw prodotti komposti lejn l-Unjoni, il-kunsinni ta' prodotti komposti minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom jistgħu jidħlu fl-Unjoni, soġġett għal konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) 

il-prodotti komposti msemmija fil-paragrafu 1 li jeħtieġ li jiġu trasportati jew maħżuna f'temperaturi kkontrollati għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati li jesportaw lejn l-Unjoni kull prodott ipproċessat ta' oriġini mill-annimali li jinsab fil-prodott finali, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 u d-Deċiżjoni 2011/163/UE;

(b) 

il-prodotti komposti msemmija fil-paragrafu 1 li ma għandhomx bżonn jiġu trasportati jew maħżuna f'temperaturi kkontrollati li fihom kwalunkwe kwantità ta' laħam ipproċessat għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati li jesportaw lejn l-Unjoni il-prodotti tal-laħam li jinsabu fil-prodott kompost skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE;

(c) 

il-prodotti komposti msemmija fil-paragrafu 1 li ma għandhomx bżonn jiġu trasportati jew maħżuna f'temperaturi kkontrollati u li fihom prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali minbarra laħam ipproċessat, li għalihom ġew stabbiliti rekwiżiti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati li jesportaw lejn l-Unjoni prodotti tal-laħam, prodotti tal-ħalib, prodotti li fihom il-kolostru, prodotti tas-sajd jew prodotti tal-bajd fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-Unjoni għas-saħħa pubblika u tal-annimali u li huma elenkati mill-inqas għal wieħed minn dawn il-prodotti ta' oriġini mill-annimali skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, u fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE fuq il-bażi ta' pjan ta' kontroll tar-residwi approvat skont id-Direttiva 96/23/KE.

Artikolu 13

Ċertifikati uffiċjali

1.  Kull kunsinna tal-prodotti li ġejjin għandha tidħol fl-Unjoni biss meta l-kunsinna tkun akkumpanjata minn ċertifikat uffiċjali:

(a) 

prodotti ta' oriġini mill-annimali li għalihom ġew stabbiliti l-Kodiċijiet NM fil-Kapitoli 2 sa 5, 15 u 16, u l-kodiċijiet SA taħt l-intestaturi 1506 , 1521 , 1601 , 1602 , 1603 , 1604 , 1605 , 2102 , 2103 , 2105 , 2106 , 2202 , 2301 , 2932 , 3001 , 3002 , 3501 , 3502 , 3503 , 3504 , 3507 , 3913 , 4101 , 4102 , 4103 , 4110  u 9602 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, meta dawn il-prodotti jkunu maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

(b) 

insetti ħajjin kif imsemmija bil-kodiċi NM 0106 49 00 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

▼C1

(c) 

ġelbin u żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni ta’ ġelbin u msemmija bil-kodiċi SA li ġejjin: 0704 90 , 0706 90 , 0708 10 , 0708 20 , 0708 90 , 0713 10 , 0713 33 , 0713 34 , 0713 35 , 0713 39 , 0713 40 , 0713 50 , 0713 60 , 0713 90 , 0910 99 , 1201 10 , 1201 90 , 1207 50 , 1207 99 , 1209 10 , 1209 21 , 1209 91 jew 1214 90 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

▼B

2.  Iċ-ċertifikati uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiċċertifikaw li l-prodotti jikkonformaw:

(a) 

mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 852/2004 u (KE) Nru 853/2004 jew mad-dispożizzjonijiet rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk ir-rekwiżiti;

(b) 

ma' kwalunkwe rekwiżit speċifiku għad-dħul fl-Unjoni stabbilit f'dan ir-Regolament.

3.  Iċ-ċertifikati uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu dettalji meħtieġa b'konformità ma' leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar kwistjonijiet tas-saħħa pubblika u tal-annimali.

4.  Iċ-ċertifikat uffiċjali għall-ġelbin u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tal-ġelbin, imsemmija fil-paragrafu 1(c), għandhom jakkumpanjaw lill-kunsinna sakemm tasal fid-destinazzjoni tagħha kif indikat fiċ-ċertifikat uffiċjali. Fil-każ li l-kunsinna tinqasam, għandu jkun hemm kopja taċ-ċertifikat uffiċjali ma' kull parti tal-kunsinna.

Artikolu 14

Attestazzjoni privata

1.  Attestazzjoni privata, ippreparata u ffirmata mill-operatur tan-negozju tal-ikel li qed jimporta, għandha takkumpanja lill-kunsinni ta' prodotti komposti kif imsemmi fl-Artikolu 12(2)(c) biex tikkonferma li l-kunsinni jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

2.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, għall-prodotti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, skont l-Artikolu 48(h) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-attestazzjoni privata għandha takkumpanja l-prodotti fil-mument li jitqiegħdu fis-suq.

3.  L-attestazzjoni privata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżgura t-traċċabbiltà tal-kunsinna u għandha tinkludi

(a) 

informazzjoni rigward il-kunsenjatur u l-konsenjatarju tal-oġġetti importati;

(b) 

il-lista ta' prodotti ta' oriġini mill-pjanti u prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali li jinsabu fil-prodotti komposti, indikati f'ordni dixxendenti tal-piż, kif irreġistrat fil-mument tal-użu tagħhom fil-manifattura tal-prodott kompost;

(c) 

in-numru tal-approvazzjoni tal-istabbiliment(i) li jimmanifattura(w) il-prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali li jinsabu fil-prodott kompost, kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u indikat mill-operatur tan-negozju tal-ikel li qed jimporta.

4.  L-attestazzjoni privata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tattesta li:

(a) 

il-pajjiż terz jew reġjun tiegħu li jipproduċi l-prodott kompost huwa elenkat mill-inqas għal waħda mill-kategoriji ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali li ġejjin:

(i) 

prodotti tal-laħam;

(ii) 

prodotti tal-ħalib jew prodotti li fihom il-kolostru;

(iii) 

prodotti tas-sajd;

(iv) 

prodotti tal-bajd;

(b) 

l-istabbiliment li jipproduċi l-prodotti komposti jissodisfa standards tal-iġjene rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(c) 

il-prodott kompost ma għandux bżonn jinħażen jew jiġi trasportat f'temperatura kkontrollata;

(d) 

il-prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali fil-prodott kompost joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom awtorizzati li jesportaw kull prodott ipproċessat ta' oriġini mill-annimali lejn l-Unjoni, jew mill-Unjoni, u huma akkwistati minn stabbiliment(i) elenkat(i);

(e) 

il-prodotti pproċessati ta' oriġini mill-annimali użati fil-prodott kompost sarilhom mill-inqas it-trattament previst għal dawk il-prodotti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 b'deskrizzjoni qasira ta' kwalunkwe proċess li sar u tat-temperaturi li ġew applikati lill-prodott.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019. Madankollu, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12, u fl-Artikolu (14)(1) u (2) se japplikaw mill-21 ta' April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

( 2 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 tal-11 ta' Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta' traċċabbiltà għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta (ĠU L 68, 12.3.2013, p. 16).

( 3 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 tat-8 ta' April 2019 li jikkonċerna mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali għal ċerti annimali u oġġetti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/759 fir-rigward ta'dawn il-mudelli taċ-ċertifikati (ara l-paġna 101 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).