02023D0702 — MT — 30.03.2023 — 000.002


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/702

tal-21 ta’ Marzu 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward ta’ deċiżjoni li ser tiġi adottata, u rakkomandazzjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti u unilaterali li ser isiru

(ĠU L 092 30.3.2023, p. 10)


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 134, 22.5.2023, p.  70 ((UE) 2023/702)

►C2

Rettifika, ĠU L 90292, 13.5.2024, p.  1 (2023/702)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/702

tal-21 ta’ Marzu 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward ta’ deċiżjoni li ser tiġi adottata, u rakkomandazzjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti u unilaterali li ser isiru



Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”)rigward id-Deċiżjoni li ser tiġi adottata u ma’ ċerti Rakkomandazzjonijiet li ser isiru mill-Kumitat Konġunt hija stabbilita fl-abbozz tad-Deċiżjoni u fl-abbozz tar-Rakkomandazzjonijiet mehmuża fl-Anness 1 għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ ċerti Dikjarazzjonijiet Konġunti li ser isiru mill-Unjoni u mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt hija stabbilita fl-abbozz tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża fl-Anness 2 għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ ċerti Dikjarazzjonijiet Unilaterali li ser isiru mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt li huma mehmuża f’forma ta’ abbozz fl-Anness 3 għal din id-Deċiżjoni għandha tkun li tieħu nota ta’ dawn id-Dikjarazzjonijiet. B’rabta mad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt dwar il-mekkaniżmu ta’ kunsens demokratiku fl-Artikolu 18 tal-Protokoll, l-Unjoni għandha wkoll tfakkar dwar il-kompiti tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

▼C1




ANNESS I




ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ … 2023

li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor



TAQSIMA 1

EMENDI GĦALL-PROTOKOLL

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6(2) tal-Protokoll, is-sentenza li ġejja tiddaħħal wara l-ewwel sentenza:

“Dan jinkludi arranġamenti speċifiċi għall-moviment tal-merkanzija fis-suq intern tar-Renju Unit, konsistenti mal-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit f’konformità ma’ dan il-Protokoll, meta l-merkanzija tkun destinata għall-konsum finali jew għall-użu finali fl-Irlanda ta’ Fuq u fejn ikunu fis-seħħ is-salvagwardji meħtieġa biex tiġi protetta l-integrità tas-suq intern u tal-unjoni doganali tal-Unjoni.”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 13 tal-Protokoll, wara l-paragrafu (3), jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3a.  
B’deroga mill-paragrafu 3, u soġġett għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, att tal-Unjoni kopert minn dan il-paragrafu li ġie emendat jew sostitwit b’att speċifiku tal-Unjoni (‘att speċifiku tal-Unjoni’) ma għandux japplika kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni minn ġimagħtejn wara l-jum li fih ir-Renju Unit ikun innotifika lill-Unjoni bil-miktub permezz tal-Kumitat Konġunt li l-proċedura stabbilita fid-dikjarazzjoni unilaterali dwar l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998 magħmula mir-Renju Unit, kif annessa bħala l-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru …/2023 ( 2 ), ġiet segwita. Tali notifika għandha ssir fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att speċifiku tal-Unjoni u għandha tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-valutazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-kondizzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kif ukoll tal-passi proċedurali meħuda fir-Renju Unit qabel in-notifika.

Jekk l-Unjoni tqis li l-ispjegazzjoni tar-Renju Unit mhijiex biżżejjed fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, hija tista’ titlob spjegazzjoni ulterjuri fi żmien ġimagħtejn mid-data tan-notifika u r-Renju Unit għandu jipprovdi dik l-ispjegazzjoni ulterjuri fi żmien ġimagħtejn mid-data tat-talba. F’dak il-każ l-att tal-Unjoni kopert minn dan il-paragrafu ma għandux japplika kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni mit-tielet jum wara l-jum li fih ir-Renju Unit ikun ipprovda dik l-ispjegazzjoni ulterjuri.

Ir-Renju Unit għandu jagħmel in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu biss meta:

(a) 

il-kontenut jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni jvarja b’mod sinifikanti, kompletament jew parzjalment, mill-kontenut jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kif applikabbli qabel ma jiġi emendat jew sostitwit; u

(b) 

l-applikazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni, jew tal-parti rilevanti tiegħu skont il-każ, ikollha impatt sinifikanti speċifiku għall-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet fl-Irlanda ta’ Fuq b’mod li jista’ jippersisti.

Meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) jiġu ssodisfati biss fir-rigward ta’ parti mill-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni, in-notifika għandha ssir biss fir-rigward ta’ dik il-parti, dment li din tal-aħħar tkun separabbli mill-partijiet l-oħra tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni. Jekk din tal-aħħar ma tkunx separabbli, in-notifika għandha ssir fir-rigward tal-iżgħar element separabbli tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni li fih il-parti inkwistjoni.

Meta n-notifika ssir fir-rigward ta’ parti mill-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni, f’konformità mat-tieni sentenza tas-subparagrafu preċedenti, l-att tal-Unjoni ma għandux japplika kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni biss fir-rigward ta’ dik il-parti.

Meta n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tkun saret, il-paragrafu 4 għandu japplika fir-rigward tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni; f’każ li l-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni jiżdied ma’ dan il-Protokoll, dan għandu jsir minflok l-att tal-Unjoni qabel ma jiġi emendat jew sostitwit.

Dan il-paragrafu jkopri l-atti tal-Unjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-intestatura 1 u l-intestaturi 7 sa 47 tal-Anness 2 ta’ dan il-Protokoll, u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tiegħu.”.

Artikolu 3

L-Anness 3 tal-Protokoll għandu jiġi emendat kif ġej:

(1) 

taħt l-intestatura “1. Taxxa fuq il-Valur Miżjud”, wara l-entrata “Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Fir-rigward ta’ merkanzija fornuta u installata fi proprjetà immobbli li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq minn persuni taxxabbli, ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq jista’ japplika rati mnaqqsa, rati aktar baxxi minn 5 % jew eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti.

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 98(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk jista’ japplika rati mnaqqsa tal-VAT għall-provvisti koperti f’aktar minn 24 punt fl-Anness III u jista’ japplika rata mnaqqsa aktar baxxa mill-minimu ta’ 5 % u eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti għall-provvisti koperti f’aktar minn seba’ punti fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE.

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 1, tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-fini tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar ( 3 ), lejn u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, u għalhekk jista’ japplika kwalunkwe skema ta’ eżenzjoni għal persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom, attribwibbli għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, jikkonforma mar-regoli dwar il-limitu tal-fatturat stabbiliti fl-Artikolu 284(1), l-Artikolu 288 u l-Artikolu 288a(1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285. L-ekwivalenti f’lira sterlina tal-limitu tal-fatturat imsemmi fl-Artikolu 284(1) għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata r-rata tal-kambju fil-jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2020/285, kif ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew. Sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet f’din ir-rata tal-kambju maż-żmien, differenza massima ta’ 15 % għandha tkun permessa meta jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-limitu ta’ EUR 85 000 .

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi, stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2006/112/KE, fir-rigward tal-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq, dment li l-merkanzija tkun soġġetta għall-konsum finali fl-Irlanda ta’ Fuq u li t-taxxa fuq il-valur miżjud tkun ġiet imposta fir-Renju Unit.”;

(2) 

taħt l-intestatura “2. Sisa”, wara l-entrata “Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-Artikoli 3(1) u l-Artikoli 9, 13, 18 u 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE u għalhekk jista’ japplika rati tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku dejjem abbażi tal-qawwa alkoħolika u jista’ japplika rati ta’ dazju mnaqqsa għal xarbiet alkoħoliċi ppakkjati f’kontenituri servuti għall-konsum immedjat f’postijiet tal-ospitalità, dment li tali rati ta’ dazju fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma jkunu fl-ebda każ, anki wara xi eżenzjoni applikabbli, taħt ir-rati minimi tad-dazju kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 92/84/KEE, u ma għandhomx japplikaw b’mod inqas favorevoli għal prodotti fornuti mill-Unjoni daqs kif japplikaw għal prodotti domestiċi analogi.

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-Artikoli 4, 9a, 13a, 18a, l-Artikolu 22(1) sa (5) u l-Artikolu 23a tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE u għalhekk jista’ jiddefinixxi produtturi żgħar u jistabbilixxi rati ta’ dazju mnaqqsa għall-alkoħol u x-xorb alkoħoliku prodotti minn produtturi żgħar, dment li tali rati ta’ dazju mnaqqsa fl-ebda każ ma jkunu, anki wara kwalunkwe eżenzjoni applikabbli, inqas mir-rati minimi tad-dazju kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 92/84/KEE, u li l-produzzjoni annwali tal-produtturi ż-żgħar intitolati li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ dazju mnaqqsa fl-ebda każ ma tkun ogħla mil-limiti ta’ produzzjoni stabbiliti fl-ewwel inċiżi tal-Artikoli 4(1), 9a(1), 13a(1), 18a(1) u 22(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE. Il-proċeduri ta’ rikonoxximent reċiproku stabbiliti skont l-Artikoli 4(3), 9a(3), 13a(5), 18a(4), 22(3) u 23a(3) tad-Direttiva 92/83/KEE ma għandhomx japplikaw bejn l-Istati Membri u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”.

Artikolu 4

1.  
Fl-Anness 3 tal-Protokoll, taħt l-intestatura “1. Taxxa fuq il-Valur Miżjud” għandha tiddaħħal kwalunkwe nota għajr in-noti stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni kif ser tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt, dment li tali noti jispeċifikaw il-mod li bih l-atti tal-Unjoni elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness 3 japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Tali noti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq is-suq intern tal-Unjoni fil-forma ta’ riskji ta’ frodi fiskali u lanqas distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni.
2.  
Fl-Anness 3 tal-Protokoll, taħt l-intestatura “2. Sisa” kwalunkwe nota għajr in-noti stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni kif ser jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt għandha tiddaħħal, dment li tali noti jispeċifikaw il-mod li bih l-atti tal-Unjoni elenkati fit-taqsima 2 tal-Anness 3 japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Tali noti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq is-suq intern tal-Unjoni fil-forma ta’ riskji ta’ frodi fiskali u lanqas distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni.

TAQSIMA 2

DETERMINAZZJONI TA’ MERKANZIJA MHUX F’RISKJU U TĦASSIR TAD-DEĊIŻJONI NRU 4/2020

Artikolu 5

Suġġett

Din it-Taqsima tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll fir-rigward ta’:

(a) 

il-kondizzjonijiet biex jitqies li merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni ma tkunx soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali fl-Irlanda ta’ Fuq;

(b) 

il-kriterji biex jitqies li merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi ttrasportata fl-Unjoni.

Artikolu 6

Ipproċessar mhux kummerċjali

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll, l-ipproċessar ta’ merkanzija għandu jitqies bħala mhux kummerċjali, meta:

(a) 

il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward ta’ dik il-merkanzija jew li tali dikjarazzjoni ssir f’isimha (“l-importatur”) kellha fatturat annwali totali ta’ anqas minn GBP 2 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja kompluta tagħha; jew

(b) 

l-ipproċessar isir fl-Irlanda ta’ Fuq u huwa għall-iskop uniku ta’:

(i) 

bejgħ ta’ ikel lil konsumatur aħħari fir-Renju Unit;

(ii) 

kostruzzjoni, fejn il-merkanzija pproċessata tkun ser tifforma parti permanenti minn struttura li tkun mibnija u li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda;

(iii) 

forniment dirett lir-riċevitur tas-servizzi tas-saħħa jew tal-kura fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda;

(iv) 

attivitajiet mhux bi skop ta’ qligħ fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda, fejn ma jkun hemm l-ebda bejgħ sussegwenti tal-merkanzija pproċessata; jew

(v) 

l-użu finali tal-għalf tal-annimali fi stabbilimenti li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda.

Artikolu 7

Kriterji biex jitqies li l-merkanzija ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi ttrasportata fl-Unjoni

1.  

Merkanzija għandha titqies li ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi ttrasportata fl-Unjoni, meta ma titqiesx li hija soġġett għal ipproċessar kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni, u meta:

(a) 

fil-każ ta’ merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn parti oħra tar-Renju Unit permezz ta’ trasport dirett:

(i) 

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni jkun ugwali għal żero; jew

(ii) 

l-importatur ikun ġie awtorizzat f’konformità mal-Artikoli 9 sa 11 ta’ din id-Deċiżjoni biex idaħħal din il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biex tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin fir-Renju Unit jew għall-użu finali tagħha minnhom, inkluż meta din il-merkanzija kienet soġġetta għal ipproċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni qabel tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin jew l-użu finali tagħha minnhom; jew

(iii) 

tintbagħat f’pakkett, u

(aa) 

tkun ta’ natura mhux kummerċjali u tintbagħat minn individwu privat lil individwu privat ieħor residenti fl-Irlanda ta’ Fuq; jew

(bb) 

tintbagħat minn operatur ekonomiku permezz ta’ trasportatur awtorizzat skont l-Artikolu 12 ta’ din id-Deċiżjoni lil individwu privat residenti fl-Irlanda ta’ Fuq u tkun esklussivament għall-użu personali.

(b) 

fil-każ ta’ merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett għajr dak mill-Unjoni jew minn parti oħra tar-Renju Unit:

(i) 

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni jkun daqs jew inqas mid-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit; jew

(ii) 

l-importatur ikun ġie awtorizzat f’konformità mal-Artikoli 9 sa 11 ta’ din id-Deċiżjoni biex idaħħal dik il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biex tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin fl-Irlanda ta’ Fuq jew għall-użu finali tagħha minnhom (inkluż meta dik il-merkanzija tkun ġiet soġġetta għal ipproċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni qabel tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin jew l-użu finali tagħhom), u d-differenza bejn id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni u d-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit tkun inqas minn 3 % tal-valur doganali tal-merkanzija.

2.  
Il-paragrafi 1(a)(ii), 1(a)(iii) u 1(b)(ii) ma għandhomx japplikaw għall-merkanzija soġġetta għal miżuri ta’ difiża tal-kummerċ adottati mill-Unjoni.
3.  

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “pakkett” tfisser pakkett li jkun fih:

(a) 

merkanzija, minbarra oġġett ta’ korrispondenza, b’piż gross totali ta’ mhux aktar minn 31,5 kg; jew

(b) 

oġġett wieħed ta’ merkanzija, għajr oġġett ta’ korrispondenza, b’piż gross totali ta’ mhux aktar minn 100 kg, fir-rigward ta’ tranżazzjoni kummerċjali.

Artikolu 8

Kalkolu tad-dazji applikabbli

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(i) u l-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a) 

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni fuq merkanzija għandu jiġi kkalkulat skont ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni;

(b) 

id-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit fuq merkanzija għandu jiġi kkalkulat skont ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali tar-Renju Unit.

Artikolu 9

Awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7

1.  
Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett għall-bejgħ lill-konsumaturi aħħarin jew għall-użu finali tagħha minnhom għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit.
2.  
L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-attivitajiet kummerċjali tal-applikant, dwar il-merkanzija li tipikament tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll deskrizzjoni tat-tip ta’ rekords, sistemi u kontrolli stabbiliti mill-applikant biex jiġi żgurat li l-merkanzija koperta mill-awtorizzazzjoni tiġi ddikjarata kif suppost għal finijiet doganali u tista’ tiġi pprovduta evidenza bħala appoġġ għall-impenn fl-Artikolu 10(b) ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kummerċjant għandu jżomm l-evidenza, eż. fatturi, għall-aħħar ħames snin u għandu jipprovdiha lill-awtoritajiet kompetenti jekk jitolbuh jagħmel dan. Ir-rekwiżiti tad-data tal-applikazzjoni huma stipulati fid-dettall fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.
3.  

L-awtorizzazzjoni għandha tindika mill-inqas dan li ġej:

(a) 

isem il-persuna li tkun ingħatatilha l-awtorizzazzjoni (“id-detentur tal-awtorizzazzjoni”);

(b) 

in-numru ta’ referenza uniku attribwit mill-awtorità doganali kompetenti għad-deċiżjoni (“numru ta’ referenza tal-awtorizzazzjoni”);

(c) 

l-awtorità li tat l-awtorizzazzjoni;

(d) 

id-data tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni.

4.  
Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni dwar deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ.
5.  
F’każijiet fejn l-awtorità doganali kompetenti tar-Renju Unit tosserva użu ħażin intenzjonat ta’ awtorizzazzjoni jew ksur tal-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-awtorità għandha tissospendi jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni.
6.  
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jitolbu li l-awtorità doganali kompetenti tar-Renju Unit tivverifika awtorizzazzjoni speċifika. L-awtorità doganali kompetenti tar-Renju Unit ser tieħu l-passi xierqa bi tweġiba għal tali talba u ser tipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fi żmien 30 jum.

Artikolu 10

Kondizzjonijiet ġenerali għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni, tista’ tingħata awtorizzazzjoni lill-applikanti li:

(a) 

jissodisfaw il-kriterji ta’ stabbiliment li ġejjin:

(i) 

ikunu stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq jew ikollhom post fiss ta’ negozju fl-Irlanda ta’ Fuq

— 
fejn ikun hemm preżenza permanenti ta’ riżorsi umani u tekniċi; u
— 
li minnu l-merkanzija tinbiegħ, jew tiġi pprovduta għall-użu finali, lill-konsumaturi aħħarin; u
— 
fejn informazzjoni u rekords doganali, kummerċjali u dwar it-trasport ikunu disponibbli jew aċċessibbli fl-Irlanda ta’ Fuq, jew
(ii) 

ikunu stabbiliti f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq u jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

— 
l-operazzjonijiet tagħhom relatati mad-dwana jitwettqu fir-Renju Unit;
— 
ikollhom rappreżentant doganali indirett fl-Irlanda ta’ Fuq;
— 
ir-rekords u l-informazzjoni doganali, kummerċjali u tat-trasport tagħhom ikunu disponibbli jew aċċessibbli fir-Renju Unit għall-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u għar-rappreżentanti tal-Unjoni għall-verifika tal-konformità mal-kondizzjonijiet u mal-impenji mogħtija skont din id-Deċiżjoni; u
(b) 

jintrabtu li jġibu merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biss għall-bejgħ lill-konsumaturi finali jew għall-użu finali tagħha minnhom fir-Renju Unit, inkluż meta din il-merkanzija tkun ġiet soġġetta għal ipproċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni qabel il-bejgħ tagħha lill-konsumaturi aħħarin jew l-użu finali tagħha minnhom fir-Renju Unit; u, fil-każ ta’ bejgħ lill-konsumaturi aħħarin fl-Irlanda ta’ Fuq, jimpenjaw ruħhom li l-bejgħ ser isir minn ħanut fiżiku jew aktar fl-Irlanda ta’ Fuq li minnu jsir il-bejgħ dirett fiżiku lill-konsumaturi aħħarin.

Artikolu 11

Kondizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni tal-importaturi

1.  

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni, awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq għandha tingħata biss lill-applikanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll il-kondizzjonijiet li ġejjin, kif spjegat aktar fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni:

(a) 

l-applikant jiddikjara li ser jiddikjara għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera merkanzija mdaħħla fl-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 7(1)(a)(ii) jew l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni;

(b) 

fi żmien tliet snin qabel l-applikazzjoni, l-applikant ma jista’ jkun wettaq l-ebda ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u r-regoli fiskali u ma jista’ jkollu l-ebda rekord ta’ reati kriminali serji relatati mal-attività ekonomika tiegħu;

(c) 

fir-rigward ta’ merkanzija li trid tiġi ddikjarata bħala mhux f’riskju, l-applikant għandu juri li għandu livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss tal-merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ rekords kummerċjali u, fejn xieraq, rekords tat-trasport, li tippermetti kontrolli xierqa u l-għoti ta’ evidenza bħala sostenn għall-impenn fl-Artikolu 10(b) ta’ din id-Deċiżjoni;

(d) 

l-applikant ikun f’qagħda finanzjarja tajba matul il-perjodu ta’ tliet snin qabel l-applikazzjoni, jew fil-perjodu mill-istabbiliment tiegħu fejn dan ikun inqas minn tliet snin, b’tali mod li l-applikant ikun jista’ jissodisfa l-impenji tiegħu, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata;

(e) 

jenħtieġ li l-applikant ikun kapaċi juri fehim ċar tal-obbligi tiegħu skont din l-awtorizzazzjoni u fir-rigward tal-movimenti ta’ merkanzija taħt l-iskema u kif jikkonforma magħhom.

2.  
L-applikanti għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk il-merkanzija li jġibu fl-Irlanda ta’ Fuq tikkorrispondix għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni.
3.  
L-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw biss jekk l-awtorità doganali tqis li ser tkun tista’ twettaq kontrolli f’konformità mal-arranġamenti operazzjonali rilevanti maqbula mingħajr sforz amministrattiv sproporzjonat, inkluż il-kontroll ta’ kwalunkwe evidenza li l-merkanzija nbiegħet lill-konsumaturi aħħarin jew kienet soġġetta għall-użu finali minnhom.

Artikolu 12

Kondizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni tat-Trasportaturi

1.  

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(iii)(bb) ta’ din id-Deċiżjoni, operatur ekonomiku li jittrasporta l-pakketti, inkluż l-operatur postali deżinjat tar-Renju Unit, jista’ japplika biex ikun trasportatur awtorizzat li jittrasporta pakketti minn parti oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq (“Trasportatur Awtorizzat”) jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ikun irreġistrat bħala operatur ekonomiku;

(b) 

ikun stabbilit fir-Renju Unit u, fil-każ li ma jkunx stabbilit fl-Irlanda ta’ Fuq, ikollu rappreżentant doganali indirett hemmhekk;

(c) 

fi żmien tliet snin qabel l-applikazzjoni ma jridx ikun ikkommetta xi ksur serju jew ksur ripetut ta’ rekwiżit leġiżlattiv jew regolatorju li jkun rilevanti għall-attività ekonomika tiegħu;

(d) 

irid ikollu livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ rekords kummerċjali u, fejn xieraq, tat-trasport, li tippermetti kontrolli xierqa u l-għoti ta’ evidenza bħala sostenn tal-attività ekonomika tiegħu.

2.  
L-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw biss jekk l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit tqis li ser tkun tista’ twettaq kontrolli f’konformità mal-arranġamenti operazzjonali rilevanti miftiehma mingħajr sforz amministrattiv sproporzjonat, inkluż il-kontroll ta’ kwalunkwe evidenza li l-merkanzija ġiet ikkonsenjata lil individwi privati residenti fl-Irlanda ta’ Fuq.

Artikolu 13

Obbligi tat-Trasportaturi Awtorizzati

Trasportatur Awtorizzat għandu:

(a) 

jieħu r-responsabbiltà li jistabbilixxi li l-merkanzija f’kull pakkett hija tat-tip deskritt fl-Artikolu 138, il-punt (l), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446;

(b) 

iżomm proċessi operazzjonali li jippermettulu jiddistingwi bejn operaturi ekonomiċi u individwi privati bħala riċevituri jew speditur ta’ pakketti;

(c) 

ikun jista’ jiddetermina jekk il-merkanzija li jġib fl-Irlanda ta’ Fuq tikkorrispondix għall-kategorija 1 kif stabbilit fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni;

(d) 

iżomm sistemi li jippermettulu jiġbor u jikkondividi d-data msemmija fl-Anness 52-03 għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446;

(e) 

jipprovdi lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit id-data msemmija fl-Artikolu 141(1)(d)(vii) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 f’intervalli regolari u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fih;

(f) 

jirrapporta lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit kwalunkwe attività suspettuża relatata mal-moviment ta’ pakketti msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(iii)(bb) ta’ din id-Deċiżjoni;

(g) 

iwieġeb għal talbiet ad hoc mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għal informazzjoni ulterjuri;

(h) 

jikkonforma ma’ kwalunkwe struzzjoni mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit dwar il-movimenti ta’ pakketti msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(iii)(bb) ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Skambju ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll

1.  

Mingħajr preġudizzji għall-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll, moqri flimkien mar-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), ta’ kull xahar ir-Renju Unit għandu jipprovdi informazzjoni lill-Unjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll kif ukoll ta’ din id-Deċiżjoni. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-volumi u l-valuri, f’forma aggregata u għal kull kunsinna, kif ukoll il-mezzi ta’ trasport, relatati ma’:

(a) 

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha ma kien hemm l-ebda dazju doganali pagabbli f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll;

(b) 

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha d-dazji doganali pagabbli kienu dawk applikabbli fir-Renju Unit f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll; u

(c) 

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha d-dazji doganali pagabbli kienu f’konformità mat-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni.

2.  
Ir-Renju Unit għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-15-il jum tax-xogħol fix-xahar ta’ wara dak li għalih tingħata l-informazzjoni.
3.  
L-informazzjoni għandha tingħata bl-użu ta’ tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data.
4.  
Fuq talba tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fid-Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-inqas darbtejn fis-sena, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jipprovdu informazzjoni f’forma aggregata u għal kull awtorizzazzjoni lil dawn ir-rappreżentanti dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli minn 9 sa 12 ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet aċċettati, irrifjutati u revokati, u l-post tal-istabbiliment tad-detenturi tal-awtorizzazzjoni.

Artikolu 15

Ir-rieżami, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tat-Taqsima 2 ta’ din id-Deċiżjoni

1.  
Il-Kumitat Konġunt għandu jiddiskuti l-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima dment li l-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.
2.  

L-Unjoni tista’ tinnotifika lir-Renju Unit fi ħdan il-Kumitat Konġunt meta r-Renju Unit:

(a) 

b’mod sostnut, jonqos milli jimplimenta l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt; jew

(b) 

sitt xhur wara d-data msemmija fl-Artiklu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni jew fi kwalunkwe mument wara, jonqos milli jiżgura li r-rappreżentanti tal-Unjoni jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) f’format aċċessibbli u li jippermettilhom li jwettqu analiżi tar-riskju, inkluż l-identifikazzjoni ta’ xejriet u tendenzi reċenti u storiċi; jew

(c) 

jiġġestixxi ħażin b’mod gravi l-implimentazzjoni tal-Artikoli minn 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni u l-Anness III tagħha.

L-Unjoni għandha tipprovdi lir-Renju Unit bir-raġunijiet li għalihom tkun għamlet in-notifika. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni. Jekk il-partijiet ma jsibux soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku fi żmien 30 jum tax-xogħol min-notifika, jew f’perjodu itwal deċiż mill-Kumitat Konġunt, l-Artikolu 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii) u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jieqfu japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu.

Fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom immedjatament jidħlu f’konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt u għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni, jew biex jaqblu dwar dispożizzjonijiet alternattivi għall-perjodu tas-sospensjoni.

Jekk is-sitwazzjoni li wasslet għal din in-notifika tkun ġiet rimedjata, l-Unjoni għandha tinnotifika lir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt. F’dak il-każ, id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu għandhom japplikaw mill-ġdid mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu tkun saret it-tieni notifika.

3.  
Ir-Renju Unit jista’ jinnotifika lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt meta l-atti tal-Unjoni li jipprevedu l-faċilitazzjonijiet relatati mal-moviment tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(a)(iii) ta’ din id-Deċiżjoni ma jibqgħux fis-seħħ, kompletament jew parzjalment, b’tali mod li ma jibqgħux jipprevedu l-istess livell ta’ faċilitazzjonijiet.

Ir-Renju Unit għandu jipprovdi lill-Unjoni bir-raġunijiet li għalihom ikun għamel in-notifika. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni. Jekk il-partijiet ma jsibux soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku fi żmien 30 jum tax-xogħol min-notifika, jew f’perjodu itwal deċiż mill-Kumitat Konġunt, l-Artikoli 9, 10, 11 u 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jieqfu japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara t-tmiem ta’ dan il-perjodu u minflok regoli identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikoli minn 5 sa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandhom japplikaw.

Jekk is-sitwazzjoni li wasslet għal din in-notifika tkun ġiet rimedjata, ir-Renju Unit għandu jinnotifika lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt. F’dak il-każ, l-Artikoli 9, 10, 11 u 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mill-ġdid u regoli identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikoli minn 5 sa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandhom jieqfu japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu tkun saret it-tieni notifika.

4.  
Jekk waħda mill-Partijiet tqis li jkun hemm devjazzjoni sinifikanti fit-traffiku kummerċjali, jew frodi jew attivitajiet illegali oħra, din il-Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra fil-Kumitat Konġunt mill-inqas sena wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni, u l-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni. Jekk il-Partijiet ma jsibux soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku, l-Artikolu 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii) u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jieqfu japplikaw minn 24 xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni, dejjem jekk il-Kumitat Konġunt ma jiddeċidix fi żmien 18-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni li jkompli bl-applikazzjoni tagħhom.

F’każ li l-Artikolu 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii), u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni jieqfu japplikaw f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-Kumitat Konġunt għandu jemenda din id-Deċiżjoni l-aktar tard sa 24 xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni biex jagħmel dispożizzjoni alternattiva xierqa applikabbli minn 24 xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni, filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Irlanda ta’ Fuq u li jirrispetta bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq fit-territorju doganali tar-Renju Unit.

F’każ li l-Artikoli 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii) u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni jiġu sospiżi f’konformità mal-paragrafi 2(a) jew 2(b) ta’ dan l-Artikolu, il-perjodi ta’ żmien fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom jiġu estiżi bit-tul ta’ din is-sospensjoni.

Artikolu 16

It-tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020

Din it-Taqsima ta’ din id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020, li hija b’dan imħassra.

TAQSIMA 3

L-ISTABBILIMENT TA’ MEKKANIZMU TA’ KOORDINAZZJONI MSAHHA RELATAT MAL-FUNZJONAMENT TAL-PROTOKOLL FL-OQSMA TAL-VAT U S-SISA

Artikolu 17

Suġġett

1.  
B’dan qed jiġi stabbilit Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni Msaħħa dwar il-VAT u s-sisa fir-rigward tal-merkanzija (“il-Mekkaniżmu”).
2.  
L-għan tal-Mekkaniżmu huwa li jassisti lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq tal-kompitu tiegħu li jirrieżamina l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni elenkati fl-Anness 3 tal-Protokoll, filwaqt li jqis il-pożizzjoni integrali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit, filwaqt li jiżgura l-integrità tas-suq intern tal-Unjoni.

Artikolu 18

Kompiti

Il-mekkaniżmu għandu jassisti lill-Kumitat Konġunt biex:

(a) 

jipprovdi forum għall-koordinazzjoni msaħħa u f’waqtha tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti u għall-konsultazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni futura tar-Renju Unit u tal-Unjoni dwar il-VAT u s-sisa kull meta taffettwa b’mod partikolari l-kummerċ tal-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq minħabba bidliet importanti previsti fil-qafas leġiżlattiv applikabbli jew minħabba diffikultajiet kbar li jistgħu jirriżultaw mis-separazzjoni tat-trattament tal-merkanzija u tas-servizzi fil-qasam tal-VAT;

(b) 

jipprovdi forum biex jiġi vvalutat l-impatt potenzjali u jħejji l-implimentazzjoni bla xkiel tal-leġiżlazzjoni msemmija fil-punt (a) fl-Irlanda ta’ Fuq. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tiffoka, b’mod partikolari, fuq l-evitar ta’ piżijiet amministrattivi żejda u spejjeż bla bżonn għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa;

(c) 

jipprovdi forum biex jiġu diskussi diffikultajiet prattiċi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tar-Renju Unit u tal-Unjoni dwar il-VAT u s-sisa kif applikabbli bis-saħħa tal-Protokoll;

(d) 

jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni elenkati fl-Anness 3 tal-Protokoll, filwaqt li jevita impatt negattiv fuq ir-riskji ta’ frodi fiskali u kwalunkwe distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Tali deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet ma għandhomx jaffettwaw il-livell tal-VAT u tas-sisa imposti fuq il-merkanzija; u

(e) 

jiddiskuti u jadotta kwalunkwe miżura xierqa oħra kif meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.

Artikolu 19

Operat

1.  
Il-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq stabbilit bl-Artikolu 165(1)(c) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Speċjalizzat”) għandhom isejħu laqgħat speċifiċi tal-Kumitat Speċjalizzat biex jiddiskutu l-VAT u s-sisa li jikkonċernaw il-merkanzija kif meħtieġ. Dawn il-laqgħat ser ikunu magħrufin bħala l-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni Msaħħa dwar il-VAT u s-sisa.

Kull wieħed mill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat għandu jaħtar espert ewlieni fil-qasam tal-VAT u s-sisa (“l-esperti ewlenin”).

2.  
Il-laqgħat tal-Mekkaniżmu għandhom jiġu organizzati meta jkun meħtieġ. L-esperti ewlenin jistgħu jiskambjaw fehmiet informali fil-laqgħat tal-Mekkaniżmu u jistgħu jiltaqgħu wkoll b’mod informali. Wara kull laqgħa informali, l-esperti ewlenin għandhom ifasslu l-minuti u jibagħtuhom lill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat u lill-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt stabbilit bl-Artikolu 15 tal-Protokoll (“il-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt”).
3.  
L-esperti ewlenin għandhom jippreżentaw rapport finali lill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat li jiġbor fil-qosor l-eżitu tad-diskussjoni dwar kwistjoni partikolari u jistabbilixxi kwalunkwe azzjoni rakkomandata, inkluż kwalunkwe kwistjoni li dwarha ma setax jintlaħaq qbil.
4.  
L-esperti ewlenin jistgħu jistiednu rappreżentanti ta’ partijiet terzi jew esperti oħra biex jitkellmu dwar kwistjonijiet partikolari. Huma jikkomunikaw l-ismijiet ta’ dawn l-esperti lill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat.

Il-kopresidenti tal-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Mekkaniżmu. Il-kopresidenti tal-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt jistgħu jinfurmaw lill-esperti ewlenin dwar l-atti ppjanati tal-Unjoni u kwistjonijiet oħra relatati mal-VAT u s-sisa li jikkonċernaw il-merkanzija.

5.  
Ir-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u tal-Kumitati Speċjalizzati kif stabbiliti fl-Anness VIII għall-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-Mekkaniżmu, dment li ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 20

Proposti għal deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet relatati ma’ din it-taqsima

Abbażi tar-rapport finali mill-esperti ewlenin imsemmija fl-Artikolu 19(3), il-Kumitat Speċjalizzat jista’ jfassal proposti għal deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet u jirreferihom għall-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt. Dawn il-proposti għandhom jistabbilixxu:

(a) 

il-kwistjonijiet identifikati b’mod konġunt mill-Unjoni u mir-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll; u

(b) 

is-soluzzjonijiet proposti.

Artikolu 21

Rieżami ta’ din it-taqsima

Il-Mekkaniżmu għandu jiġi rieżaminat regolarment u, jekk xieraq, rivedut.

L-ewwel rieżami għandu jseħħ mhux iżjed tard mill-1 ta’ Jannar 2027.

TAQSIMA 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

L-Annessi minn I sa IV għandhom jiffurmaw parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-adozzjoni tagħha.
2.  
It-Taqsimiet 1, 3 u 4 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
3.  
L-Artikoli 9, 11 u 12 ta’ din id-Deċiżjoni u l-Anness III tagħha għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Minn dik id-data, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandhom jieqfu japplikaw. Awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandha tibqa’ valida sad-data li fiha japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikoli 9, 11, 12, 13 u l-Artikolu 15(3), f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 9 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni ser tiġi ttrattata bħala awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020, sakemm jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020.
4.  

Soġġetti għat-tieni subparagrafu, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 15(3), għandhom japplikaw mit-30 ta’ Settembru 2023, dment li d-dikjarazzjonijiet li ġejjin ikunu saru fil-Kumitat Konġunt:

(a) 

dikjarazzjoni mill-Unjoni li tistipula li hija sodisfatta:

(i) 

bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt; u

(ii) 

li r-reġistrazzjonijiet XI EORI eżistenti kollha jinħarġu b’mod korrett; u

(iii) 

li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni; u

(iv) 

li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija li toħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit.

(b) 

dikjarazzjoni mir-Renju Unit li tistipula li l-importaturi kollha li jixtiequ joperaw skont l-Artikoli 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni ngħataw awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 9 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni u l-Anness III tagħha.

Fil-każ li xi waħda mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ma tkunx saret sat-30 ta’ Settembru 2023, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikoli 9, 11, 12, 13 u l-Artikolu 15(3), għandhom japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tkun saret l-aħħar waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet.

5.  

Dment li l-atti tal-Unjoni li jipprevedu l-faċilitazzjonijiet relatati mal-moviment tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(a)(iii) ta’ din id-Deċiżjoni jkunu daħlu fis-seħħ u soġġett għat-tieni subparagrafu, l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 15(3) għandhom japplikaw mit-30 ta’ Settembru 2024, dment li jkunu saru d-dikjarazzjonijiet li ġejjin fil-Kumitat Konġunt:

▼C2

(a) 

dikjarazzjoni mill-Unjoni li tistipula li hija sodisfatta li r-Renju Unit stabbilixxa n-networks, is-sistemi tal-informazzjoni u l-bażijiet tad-data fir-rigward tad-data msemmija fl-Artikolu 141(1)(d)(vii) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, u hija sodisfatta bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’dawn in-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data; u

▼C1

(b) 

dikjarazzjoni mir-Renju Unit li tistipula li t-trasportaturi awtorizzati kollha jistgħu jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 13 ta’ din id-Deċiżjoni.

F’każ li ż-żewġ dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu saru qabel it-30 ta’ Settembru 2024 jew f’każ li xi waħda mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ma tkunx saret sa din id-data, l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 15(3) għandhom japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tkun saret l-aħħar waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet.




ANNESS I

Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit

L-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998

1. Ir-Renju Unit ser jadotta l-proċedura li ġejja biex iħaddem il-mekkaniżmu tal-brejk ta’ emerġenza fl-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor ( 6 ). Dan il-mekkaniżmu japplika fiċ-ċirkostanzi uniċi ta’ din id-Dikjarazzjoni u huwa mingħajr preġudizzju għall-istatus tal-votazzjoni bejn il-komunitajiet kollha u tas-salvagwardji fil-Ftehim tal-1998, li japplikaw biss u esklussivament għal kwistjonijiet deċentralizzati.

a. 

Il-mekkaniżmu jaħdem biss u esklussivament f’każ li wara d-data ta’ din id-dikjarazzjoni, l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq ikun ġie stabbilit mill-ġdid u jsir operattiv, inkluż bl-Ewwel Ministru u viċi tiegħu fil-kariga, u l-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq tkun qed tiltaqa’ f’seduti regolari. Minn hemm ’il quddiem, il-Membri tal-Assemblea Leġiżlattiva (Members of the Legislative Assembly, “MLAs”) li jixtiequ jħaddmu l-mekkaniżmu jridu individwalment u kollettivament ifittxu b’rieda tajba l-operat sħiħ tal-istituzzjonijiet, inkluż permezz tan-nomina ta’ Ministri u l-appoġġ għall-operat normali tal-Assemblea.

b. 

Il-limitu minimu għall-mekkaniżmu jopera fuq l-istess bażi bħall-proċess separat tal-“Petizzjoni dwar Tħassib” (Petition of Concern) tal-Ftehim tal-1998, kif aġġornat fil-Ftehim Deċennju Ġdid, Approċċ Ġdid (New Decade, New Approach Agreement) fl-2020. Dan ifisser li 30 MLAs minn tal-inqas żewġ partiti (u bl-esklużjoni tal-Ispeaker u l-Viċi Speakers) ser ikollhom jinnotifikaw lill-Gvern tar-Renju Unit bix-xewqa tagħhom li jenħtieġ li jiġi applikat il-mekkaniżmu tal-brejk ta’ emerġenza.

c. 

Meta jipprovdu notifika lill-Gvern tar-Renju Unit, l-MLAs ser ikollhom juru, fi spjegazzjoni bil-miktub dettaljata u disponibbli għall-pubbliku:

i. 

li jkunu ssodisfaw l-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fl-Anness B tal-Parti 2 tal-Ftehim Deċennju Ġdid, Approċċ Ġdid, jiġifieri li n-notifika tkun qed issir biss fl-aktar ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala l-aħħar alternattiva, wara li jkun intuża kull mekkaniżmu ieħor disponibbli;

ii. 

li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor ikunu ssodisfati; u

iii. 

li l-MLAs fittxew li minn qabel jiddiskutu b’mod sostantiv mal-Gvern tar-Renju Unit u fl-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq biex jeżaminaw il-possibbiltajiet kollha fir-rigward tal-att tal-Unjoni; li ħadu passi biex jikkonsultaw lin-negozji, lil kummerċjanti oħra u lis-soċjetà ċivika affettwati mill-att rilevanti tal-Unjoni; u li għamlu kull użu raġonevoli mill-proċessi ta’ konsultazzjoni applikabbli pprovduti mill-Unjoni Ewropea għall-atti l-ġodda tal-Unjoni rilevanti għall-Irlanda ta’ Fuq.

2. Jekk jaċċetta li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1(a) u (b) ikunu ġew issodisfati u li l-ispjegazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1(c) hija sodisfaċenti, ir-Renju Unit jinnotifika lill-Unjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor.

3. Ir-Renju Unit, wara notifika mill-MLAs, jimpenja ruħu li jinforma lill-Unjoni mingħajr dewmien.

4. Ir-Renju Unit, wara notifika lill-Unjoni li ġie attivat il-brejk ta’ emerġenza, jimpenja ruħu għal konsultazzjonijiet intensivi fil-Kumitat Konġunt dwar l-att rilevanti tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor.




ANNESS II

Applikazzjoni għal Awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq għall-konsumaturi aħħarin

(imsemmija fl-Artikolu 9)

Informazzjoni dwar l-applikazzjoni

1. Dokumenti ta’ sostenn

Dokumenti ta’ sostenn u informazzjoni mandatorji li għandhom jingħataw mill-applikanti kollha:

Id-dokument ta’ stabbiliment/prova ta’ stabbiliment permanenti tan-negozju

2. Dokumenti ta’ sostenn u informazzjoni oħra li għandhom jingħataw mill-applikant:

Kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn jew informazzjoni li titqies rilevanti għall-verifika tal-konformità tal-applikant mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni.

Agħti informazzjoni dwar it-tip u, jekk applikabbli, in-numru ta’ identifikazzjoni u/jew id-data tal-ħruġ tad-dokument(i) ta’ sostenn mehmuż(a) mal-applikazzjoni. Indika wkoll l-għadd totali ta’ dokumenti mehmuża.

3. Data u firma tal-applikant

L-applikazzjonijiet li jsiru bl-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiġu awtentikati mill-persuna li tippreżenta l-applikazzjoni.

Data li fiha l-applikant ikun iffirma jew awtentika b’mod ieħor l-applikazzjoni.

Dettalji tal-applikant

4. L-applikant

L-applikant huwa l-persuna li tapplika għand l-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni.

Daħħal l-isem u l-indirizz tal-persuna kkonċernata.

5. Numru tal-identifikazzjoni tal-applikant

L-applikant huwa l-persuna li tapplika għand l-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni.

Daħħal in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (in-numru EORI) tal-persuna kkonċernata, kif previst fl-Artikolu 1(18) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 ( 7 ).

6. L-istatus legali tal-applikant

L-istatus legali kif imsemmi fid-dokument ta’ stabbiliment.

7. In-numru/i ta’ identifikazzjoni tal-VAT

Meta jkun assenjat, daħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.

8. L-attivitajiet kummerċjali

Daħħal informazzjoni dwar l-attività kummerċjali tal-applikant. Iddeskrivi fil-qosor l-attività kummerċjali tiegħek u għid x’inhu r-rwol tiegħek fil-katina ta’ provvista (pereż. manifattur ta’ prodotti, importatur, bejjiegħ bl-imnut, eċċ.). Jekk jogħġbok iddeskrivi:

— 
l-użu maħsub tal-merkanzija importata, inkluża deskrizzjoni tat-tip ta’ merkanzija u jekk tiġix ipproċessata b’xi mod;
— 
stima tal-għadd ta’ dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera għall-merkanzija kkonċernata li għandha ssir għal kull sena;
— 
it-tip ta’ rekords, sistemi u kontrolli stabbiliti biex jappoġġjaw l-impenn fl-Artikolu 10(b).

9. Fatturat annwali

Għall-finijiet tal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni, daħħal il-fatturat annwali għas-sena finanzjarja sħiħa l-aktar reċenti. Jekk negozju stabbilit ġdid, ipprovdi tali rekords u informazzjoni kif rilevanti biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-fatturat antiċipat pereż. l-aħħar previżjonijiet tal-fluss tal-flus, tal-karta tal-bilanċ u tal-profitt u t-telf, approvati mid-diretturi/mis-sħab/mill-proprjetarju uniku.

10. Il-persuna ta’ kuntatt responsabbli mill-applikazzjoni

Il-persuna ta’ kuntatt għandha tkun responsabbli biex iżżomm kuntatt mad-dwana rigward l-applikazzjoni.

Daħħal l-isem tal-persuna ta’ kuntatt u kwalunkwe waħda mill-informazzjoni li ġejja: in-numru tat-telefon, l-indirizz elettroniku (preferibbilment ta’ kaxxa postali funzjonali).

11. Il-persuna responsabbli għall-kumpanija applikanti jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tagħha

Għall-finijiet tal-Artikolu 11(1)(b) ta’ din id-Deċiżjoni, daħħal l-isem/ismijiet u d-dettalji sħaħ tal-persuna/i kkonċernata/i skont l-istabbiliment legali/il-forma ġuridika tal-kumpanija applikanti, b’mod partikolari: id-direttur/il-maniġer tal-kumpanija u d-diretturi tal-bord, jekk ikun hemm. Id-dettalji jenħtieġ li jinkludu: l-isem u l-indirizz sħaħ, id-data tat-twelid u n-Numru ta’ Identifikazzjoni Nazzjonali.

Id-dati, iż-żminijiet, il-perjodi u l-postijiet

12. Id-data tal-istabbiliment

F’numri – il-jum, ix-xahar u s-sena ta’ stabbiliment.

13. L-indirizz ta’ stabbiliment/l-indirizz ta’ residenza

L-indirizz sħiħ tal-post fejn il-persuna hija stabbilita/tirrisjedi, inkluż l-identifikatur tal-pajjiż jew it-territorju.

14. Il-post fejn jinżammu r-rekords

Daħħal l-indirizz sħiħ tal-post(ijiet) fejn jinżammu jew fejn ikun maħsub li jinżammu r-rekords tal-applikant. Il-UN/LOCODE jista’ jissostitwixxi l-indirizz, jekk jidentifika b’mod mhux ambigwu l-post ikkonċernat.

15. Il-post(ijiet) tal-ipproċessar jew tal-użu

Indika l-indirizz tal-post(ijiet) fejn se tiġi pproċessata l-merkanzija, fejn applikabbli, u mibjugħa lill-konsumaturi aħħarin.




ANNESS III

Spjegazzjoni tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11

Dan l-Anness huwa spjegazzjoni tal-kondizzjonijiet fl-Artikolu 11 u ma jbiddilx (la jirrestrinġi u lanqas jespandi), dawk il-kondizzjonijiet.

Artikolu 11(1)(b)

1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(b) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies issodisfat jekk:

(a) 

ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tikkonkludi li waħda mill-persuni deskritti fil-punt (b) wettqet, fit-tliet snin ta’ qabel l-applikazzjoni, ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew tar-regoli tat-tassazzjoni b’rabta mal-attività ekonomika tagħha; u

(b) 

l-ebda waħda mill-persuni elenkati hawn taħt ma għandha fil-kondotta reat kriminali serju fir-rigward tal-attività ekonomika tagħha, u fejn applikabbli, l-attività ekonomika tal-applikant:

(i) 

l-applikant,

(ii) 

l-impjegat(i) inkluż kwalunkwe rappreżentant dirett inkarigat mill-amministrazzjoni tal-applikant li għandha x’taqsmu mal-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema,

(iii) 

il-persuna/i responsabbli għall-applikant jew li teżerċita/jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tagħha, u

(iv) 

persuna li taġixxi f’isimha stess u għan-nom tal-applikant fir-rigward tal-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema.

2. Madankollu, il-kriterju jista’ jitqies li ġie ssodisfat meta l-awtorità kompetenti tqis li kwalunkwe ksur ikun ta’ importanza minuri, fir-rigward tal-għadd jew id-daqs tal-operazzjonijiet relatati, u l-awtorità kompetenti ma jkollha l-ebda dubju dwar il-bona fide tal-applikant.

3. Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1(b)(iii), għajr l-applikant, tkun stabbilita jew ikollha r-residenza tagħha barra mir-Renju Unit, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju msemmi abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli għaliha.

4. Meta l-applikant ikun ilu stabbilit għal inqas minn tliet snin, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju fir-rigward tal-applikant abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli għaliha.

Artikolu 11(1)(c)

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(c) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies issodisfat jekk:

5. L-applikant għandu organizzazzjoni amministrattiva u kontrolli interni li jikkorrispondu għat-tip u d-daqs tan-negozju, u li huma adattati għall-ġestjoni tal-fluss tal-merkanzija. L-applikanti jrid ikollhom kontrolli interni li jkunu kapaċi jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji, kif ukoll jipprevjenu u jidentifikaw attivitajiet illegali fl-organizzazzjoni tagħhom.

6. L-applikant jenħtieġ li juri li ż-żamma tar-rekords li tirrigwarda l-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema hija adegwata. Il-proċeduri għall-protezzjoni kontra t-telf ta’ informazzjoni u l-proċeduri ta’ arkivjar fir-rigward taż-żamma ta’ rekords storiċi jenħtieġ li jintwerew inklużi l-valutazzjoni, il-backup u l-protezzjoni tar-rekords għal ħames snin.

7. Il-ġestjoni tar-rekords jenħtieġ li tkun konsistenti mal-prinċipji kontabilistiċi applikati fir-Renju Unit.

8. Ir-rekords dwar il-movimenti tal-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li jew jiġu integrati fis-sistema kontabilistika jew, meta jinżammu separatament, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li tippermetti kontroverifiki bejn ir-rekords relatati max-xiri, mal-bejgħ, mal-kontroll tal-istokk u mal-moviment tal-merkanzija.

9. In-negozjant awtorizzat għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti b’aċċess elettroniku u/jew fiżiku, fuq talba, għar-rekords imsemmija fil-punt 8 f’format xieraq.

10. In-negozjant awtorizzat huwa obbligat jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kull meta jiġu skoperti diffikultajiet ta’ konformità kif ukoll kwalunkwe fattur li jinqala’ wara d-deċiżjoni li jingħata l-istatus ta’ kummerċjant awtorizzat li jista’ jinfluwenza l-kontinwazzjoni jew il-kontenut tiegħu. Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ istruzzjonijiet interni biex jiġi żgurat li l-persunal rilevanti jkun konxju ta’ kif għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar dawn id-diffikultajiet ta’ konformità.

11. Meta negozjanti awtorizzati jkunu qed jimmaniġġjaw merkanzija pprojbita u ristretta, jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ proċeduri xierqa għall-immaniġġjar ta’ din il-merkanzija f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

12. Negozjant awtorizzat jeħtieġ li jkollu evidenza relatata mal-klijenti tiegħu biex jiżgura li jkunu jistgħu jagħmlu valutazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-merkanzija ttrasportata taħt din l-iskema. Irid ikun hemm miżuri fis-seħħ li jiżguraw li kwalunkwe merkanzija trasportata taħt din l-iskema għandha tinbiegħ jew tintuża biss jekk tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. In-negozjant awtorizzat ser ikun obbligat ikollu għarfien kontinwu tal-operazzjonijiet tan-negozju ta’ klijenti ġodda u eżistenti, biżżejjed biex jiżgura konformità mal-kriterji stabbiliti għal negozjant ta’ fiduċja f’din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ xenarji li fihom negozjant awtorizzat li ma jkunx responsabbli għad-destinazzjoni aħħarija tal-merkanzija jista’ jċaqlaq il-merkanzija skont l-iskema:

a. 

dikjarazzjoni bil-miktub u ffirmata mill-klijent li tistipula li l-merkanzija ser tibqa’ fl-Irlanda ta’ Fuq;

b. 

evidenza li l-klijent jagħmel biss bejgħ bl-imnut għall-użu finali jew għall-konsum aħħari fir-Renju Unit minn stabbiliment fiżiku fl-Irlanda ta’ Fuq;

c. 

evidenza li l-klijent ibigħ biss merkanzija li ser tkun għall-użu finali mill-konsumaturi aħħarin fir-Renju Unit u li tiġi kkonsenjata fir-Renju Unit;

d. 

kuntratti kummerċjali u ordnijiet ta’ xiri li juru li l-merkanzija ser tkun għall-użu finali fir-Renju Unit;

e. 

evidenza li l-bejgħ huwa ta’ merkanzija li għandha tiġi installata fir-Renju Unit b’mod permanenti.

Artikolu 11(1)(d)

13. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies li ġie ssodisfat meta l-awtorità kompetenti tivverifika li l-applikant jikkonforma b’mod partikolari ma’ dan li ġej:

a. 

l-applikant ma jkunx soġġett għal proċeduri ta’ falliment;

b. 

matul l-aħħar tliet snin qabel ma titressaq l-applikazzjoni, l-applikant ikun issodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu rigward il-ħlasijiet tad-dazji doganali u tad-dazji, it-taxxi jew l-imposti l-oħra kollha li jinġabru jew li jkunu marbutin mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanzija;

c. 

abbażi tar-rekords u tal-informazzjoni disponibbli għall-aħħar tliet snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, l-applikant juri li għandu kapaċità finanzjarja suffiċjenti biex jissodisfa l-obbligi tiegħu u jissodisfa l-impenji tiegħu fir-rigward tat-tip u tal-volum tal-attività kummerċjali.

14. Jekk l-applikant ikun ilu stabbilit għal inqas minn tliet snin, is-solvenza finanzjarja tiegħu għandha tiġi vverifikata abbażi tar-rekords u tal-informazzjoni li jkunu disponibbli.

Artikolu 11(1)(e)

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(e) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies issodisfat jekk:

15. L-applikant jew il-persuna responsabbli mill-amministrazzjoni tal-applikant li għandhom x’jaqsmu mal-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema jenħtieġ li jkunu jistgħu juru għarfien ċar tal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-kriterji u kif għandhom jikkonformaw magħhom, u jridu juru biżżejjed kompetenza fl-għoti ta’ informazzjoni preċiża lill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ dawn l-obbligi u tal-proċeduri applikabbli.




ANNESS IV

Kategorija 1

Il-merkanzija msemmija bħala “merkanzija tal-kategorija 1” hija dik il-merkanzija soġġetta għal:

1. 

miżuri restrittivi fis-seħħ abbażi tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sa fejn jirrigwardaw il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

2. 

projbizzjonijiet u projbizzjonijiet totali;

3. 

strumenti għad-difiża tal-kummerċ kif stabbilit fit-taqsima 5 tal-Anness 2 tal-Protokoll;

4. 

il-kwoti tariffarji tal-Unjoni meta l-kwota tintalab mill-importatur;

5. 

kwoti tal-Unjoni għajr kwoti tariffarji.

Kategorija 2

Il-merkanzija msemmija bħala “merkanzija tal-kategorija 2” hija dik il-merkanzija soġġetta għal:

1. 

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga

2. 

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE

3. 

Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali

4. 

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart

5. 

Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008

6. 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom

7. 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3254/91 tal-4 ta’ Novembru 1991 li jipprojbixxi l-użu fil-Komunità ta’ nases li jaqbdu s-saqajn u l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ ġlud u merkanzija maħduma ta’ ċerti speċi ta’ annimali slavaġ li joriġinaw minn pajjiżi fejn dawn jinqabdu permezz ta’ nases li jaqbdu s-saqajn jew metodi ta’ nsib li ma jkunux konformi man-normi internazzjonali ta’ nsib b’mod uman

8. 

Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi

9. 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit

10. 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea

11. 

Id-Direttiva tal-Kunsill 83/129/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tirrigwarda l-importazzjoni tal-ġlud ta’ ċerti friegħ tal-foki u ta’ prodotti ġejjin minnhom fl-Istati Membri

12. 

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

13. 

Id-Direttiva 2014/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta’ splussivi ċivili

14. 

Id-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi

15. 

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

16. 

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi

17. 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra

18. 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma

19. 

Kwoti tariffarji tal-Unjoni meta l-kwota ma tintalabx mill-importatur

20. 

L-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali), ħlief meta l-oġġetti jkunu soġġetti wkoll għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, ta’ pjanti għat-tħawwil, ta’ patata taż-żrigħ, ta’ makkinarju u ta’ ċerti vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali domestiċi fl-Irlanda ta’ Fuq kif se jiġi adottat abbażi ta’ [referenza għall-proposta tal-Kummissjoni li għandha tiddaħħal qabel id-data tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt]

21. 

Atti tal-Unjoni elenkati fil-punt 2 tal-Anness 3 tal-Protokoll

22. 

Atti tal-Unjoni elenkati fil-punt 20 tal-Anness 2 tal-Protokoll

23. 

Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi

24. 

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni

25. 

Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali

26. 

Kwalunkwe att tal-Unjoni li japplika għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Protokoll li jipprevedi kwalunkwe pass li jrid jitwettaq minn operatur ekonomiku jew minn awtorità kompetenti sieħba qabel, jew meta, il-merkanzija tidħol fl-Unjoni, għall-fini tal-kontroll tal-merkanzija jew tal-kontroll ta’ formalitajiet oħra. L-Unjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lir-Renju Unit fejn att tal-Unjoni jkun tan-natura msemmija fl-ewwel sentenza.




ABBOZZ

RAKKOMANDAZZJONI NRU …/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’…

dwar is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar



Artikolu 1

Il-Kumitat Konġunt jirrakkomanda lill-Unjoni u lir-Renju Unit dan li ġej:

Fil-kuntest tal-arranġamenti speċifiċi previsti skont l-Artikolu 6(2) tal-Protokoll, jenħtieġ li l-għodod tas-sorveljanza tas-suq u tal-infurzar jintużaw b’mod kollaborattiv għall-monitoraġġ tal-fluss tal-merkanzija u għall-ġestjoni ta’ kwalunkwe riskju li l-merkanzija tista’ tidħol illegalment fl-Unjoni jew fir-Renju Unit.

Il-kooperazzjoni msaħħa bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, u bejn ir-Renju Unit u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn xieraq, jenħtieġ li tirfed dawk l-arranġamenti b’attività effettiva ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar. Dan jenħtieġ li jappoġġa l-monitoraġġ u l-ġestjoni ta’ dawk l-arranġamenti mingħajr il-ħtieġa ta’ verifiki jew kontrolli fil-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.

Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-ħidma mal-operaturi u attività konġunta fejn xieraq, b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet fl-Irlanda ta’ Fuq u fl-Istati Membri rilevanti, biex jiġu indirizzati l-attività illegali u l-kuntrabandu, jiġi żgurat li l-oġġetti ma jitqegħdux fis-suq li ma jissodisfawx l-istandards applikabbli, u jiġi żgurat li l-attività ta’ infurzar u sorveljanza tingħata prijorità abbażi tar-riskju u l-intelligence. L-awtoritajiet ser jiżguraw ukoll l-għarfien tan-negozji u tal-operaturi dwar l-aċċess għas-suq disponibbli għall-merkanzija li tiċċaqlaq bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, meta din il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli, f’konformità mal-Protokoll.

Jenħtieġ li r-Renju Unit u l-Unjoni jaħdmu b’mod kostruttiv permezz tal-istrutturi tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Kumitat Konġunt, biex jappoġġaw il-funzjonament effettiv tal-arranġamenti l-ġodda, fl-interess tan-nies u tan-negozji fl-Irlanda ta’ Fuq.

Artikolu 2

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara d-data li fiha tkun saret.




ABBOZZ

RAKKOMANDAZZJONI NRU …/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’…

dwar l-Artikolu 13(3a) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq



Artikolu 1

Il-Kumitat Konġunt jirrakkomanda lill-Unjoni u lir-Renju Unit dan li ġej:

F’każ li l-bord ta’ arbitraġġ ikun iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 175 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li r-Renju Unit ikun naqas milli jikkonforma mal-Artikolu 13(3a), it-tielet subparagrafu, tal-Protokoll, l-Unjoni u r-Renju Unit jaqblu mhux aktar tard minn 30 jum wara tali notifika li sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-bord ta’ arbitraġġ, u skont il-każ, sa fejn stabbilit fiha, l-att tal-Unjoni japplika kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 13(3a) tal-Protokoll, mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-bord ta’ arbitraġġ lill-Unjoni u lir-Renju Unit.

Artikolu 2

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara d-data li fiha tkun saret.




ANNESS 2




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA Nru .../2023TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ ... 2023

b’riflessjoni tal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru …/2023 tal-Kumitat Konġunt, il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”), kif emendat b’dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, issa jenħtieġ li jkun magħruf bħala l-“Qafas ta’ Windsor”

Għalhekk, kull fejn rilevanti fin-negozjati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Protokoll, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru …/2023, b’mod konsistenti mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, ser jissejjaħ il-“Qafas ta’ Windsor”. Il-Protokoll, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru …/2023, jista’ jissejjaħ ukoll il-“Qafas ta’ Windsor” fil-liġi domestika tal-Unjoni u tar-Renju Unit.




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ ... 2023

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor ( 10 )

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, jirregolaw l-obbligi ta’ kontroll tas-sussidji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni b’mod ġenerali u jiżguraw kondizzjonijiet ekwi bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.

L-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor jeżisti separatament minn dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Qafas ta’ Windsor jirrifletti kemm l-aċċess uniku tal-Irlanda ta’ Fuq għas-suq intern tal-Unjoni kif ukoll il-post integrali tagħha fis-suq intern tar-Renju Unit. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor jenħtieġ li jinftiehem bħala rilevanti biss għall-kummerċ ta’ merkanzija jew fis-suq tal-elettriku (minn hawn ’il quddiem imsejħa merkanzija) bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għall-Qafas ta’ Windsor.

Fis-17 ta’ Diċembru 2020, l-Unjoni għamlet id-dikjarazzjoni unilaterali segwenti fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika: “Meta tapplika l-Artikolu 107 TFUE għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Art. 10(1) tal-Protokoll, il-Kummissjoni Ewropea ser tqis kif xieraq il-post integrali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit. L-Unjoni Ewropea tissottolinja li, fi kwalunkwe każ, effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għal dan il-Protokoll ma jistax ikun sempliċiment ipotetiku, preżunt, jew mingħajr rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq. Għandu jiġi stabbilit għaliex il-miżura jkun jista’ jkollha tali effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, abbażi tal-effetti reali prevedibbli tal-miżura.”.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor tibni fuq id-Dikjarazzjoni Unilaterali tal-Unjoni, li tafferma l-post tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit, u fl-istess ħin tiżgura li s-suq intern tal-Unjoni jkun protett. Hija tikkjarifika l-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor li jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi partikolari li fihom x’aktarx tkun involuta meta jingħataw sussidji fir-Renju Unit, u tista’ tintuża għall-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

Sabiex miżura titqies li għandha rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq u b’hekk ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għall-Qafas ta’ Windsor, din il-miżura jeħtieġ li jkollha effetti reali prevedibbli fuq dak il-kummerċ. Jenħtieġ li l-effetti reali prevedibbli rilevanti jkunu materjali, u mhux biss ipotetiċi jew preżunti.

Għall-miżuri mogħtija lil kwalunkwe benefiċjarju li jinsab fil-Gran Brittanja, il-fatturi rilevanti għall-materjalità jistgħu jinkludu d-daqs tal-impriża, id-daqs tas-sussidju, u l-preżenza fis-suq tal-impriża fis-suq rilevanti fl-Irlanda ta’ Fuq. Filwaqt li s-sempliċi tqegħid ta’ merkanzija fis-suq tal-Irlanda ta’ Fuq mhuwiex biżżejjed, waħdu, biex jirrappreżenta rabta diretta u ġenwina li tinvolvi l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor, il-miżuri li jingħataw lill-benefiċjarji li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq huma aktar probabbli li jkollhom effetti materjali.

Għall-miżuri mogħtija lil kwalunkwe benefiċjarju li jinsab fil-Gran Brittanja li għandhom effett materjali, irid jintwera wkoll li l-benefiċċju ekonomiku tas-sussidju jingħadda kompletament jew parzjalment lil impriża fl-Irlanda ta’ Fuq, jew permezz tal-merkanzija rilevanti mqiegħda fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, pereżempju permezz ta’ bejgħ taħt il-prezz tas-suq, biex ikun hemm rabta diretta u ġenwina li tinvolvi l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit ser jistabbilixxu fil-gwida rispettiva tagħhom iċ-ċirkostanzi li fihom ser japplika l-Artikolu 10 tal-Qafas ta’ Windsor, filwaqt li jipprovdu aktar dettall biex kemm dawk li jagħtu l-miżuri kif ukoll in-negozji madwar ir-Renju Unit ikunu jistgħu joperaw b’aktar ċertezza.




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ ... 2023

dwar l-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor ( 11 )

L-Unjoni u r-Renju Unit jirrikonoxxu li biex notifika skont l-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor issir in bona fide f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 12 ) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), jeħtieġ li din issir skont kull waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit dwar l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998, kif anness mad-Deċiżjoni Nru .../2023 ( 13 ).

F’każ li l-bord ta’ arbitraġġ ikun iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 175 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li r-Renju Unit naqas milli jikkonforma mal-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward ta’ notifika skont l-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor, jenħtieġ li tinkiseb konformità rapida mad-deċiżjoni tal-bord ta’ arbitraġġ, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni Nru .../2023 ( 14 ).




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA Nru .../2023TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ ... 2023

L-Unjoni u r-Renju Unit jixtiequ jiddikjaraw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jagħmlu użu sħiħ mill-istrutturi previsti fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), jiġifieri l-Kumitat Konġunt, il-Kumitati Speċjalizzati u l-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Huma ser jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mill-Qafas ta’ Windsor ( 15 ) b’rispett reċiproku sħiħ u bona fide, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Ir-Renju Unit ifakkar fl-impenn unilaterali tiegħu li jiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Ewwel Ministru tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Viċi tiegħu fid-delegazzjoni tar-Renju Unit għall-Kumitat Konġunt, u f’dak il-kuntest id-determinazzjoni tiegħu li jiżgura li l-applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor jenħtieġ li jkollha impatt minimu kemm jista’ jkun fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet.

L-Unjoni u r-Renju Unit biħsiebhom jorganizzaw laqgħat tal-korpi konġunti rilevanti fuq bażi regolari sabiex irawmu d-djalogu u l-involviment. F’dan il-kuntest, il-Kumitat Speċjalizzat dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor jista’ jipprevedi skambji ta’ fehmiet dwar kwalunkwe leġiżlazzjoni futura tar-Renju Unit rigward oġġetti ta’ rilevanza għall-operat tal-Qafas ta’ Windsor. B’mod partikolari, dan jippermetti lir-Renju Unit u lill-Unjoni jivvalutaw l-impatt potenzjali ta’ din il-leġiżlazzjoni futura fl-Irlanda ta’ Fuq, jantiċipaw u jiddiskutu kwalunkwe diffikultà prattika involuta.

Għal dak l-għan, il-Kumitat Speċjalizzat jista’ jiltaqa’ f’kompożizzjoni speċifika, jiġifieri l-Korp Speċjali dwar il-Merkanzija. Huwa jista’ jitlob, jekk ikun meħtieġ, lill-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt u lil kwalunkwe wieħed mis-sottogruppi rilevanti tiegħu magħmul minn esperti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern tar-Renju Unit biex jeżaminaw u jipprovdu informazzjoni dwar kwistjoni partikolari. Kif xieraq, ir-rappreżentanti min-negozji u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat rilevanti. Il-Kumitat Speċjalizzat jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Kumitat Konġunt kif meħtieġ.

L-Unjoni u r-Renju Unit huma impenjati li jsolvu kwalunkwe kwistjoni fl-operat tal-Qafas ta’ Windsor bl-aħjar mod u bl-aktar mod rapidu possibbli. L-Unjoni u r-Renju Unit ser jużaw il-korpi konġunti biex jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor. Kwistjonijiet bħal dawn jistgħu għalhekk ikunu soġġetti għal djalogu fil-korpi konġunti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fuq talba tal-Partijiet. Dan jippermetti lill-Partijiet jiddiskutu regolarment l-iżviluppi rilevanti ta’ importanza għat-twettiq xieraq tal-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Qafas ta’ Windsor.

L-Unjoni u r-Renju Unit iġeddu l-impenn tagħhom li jagħmlu kull tentattiv, permezz tad-djalogu, biex jaslu għal riżoluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-operat tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għal dan l-għan, l-Unjoni u r-Renju Unit biħsiebhom jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat tal-Kumitat Konġunt, in bona fide, bl-għan li jilħqu soluzzjonijiet maqbula b’mod reċiproku dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.

L-iskambji f’oqfsa bħal dawn huma mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tal-Unjoni u tar-Renju Unit.




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ ... 2023

dwar is-sistema tal-VAT għal merkanzija mhux f’riskju għas-suq intern tal-Unjoni u dwar l-arranġamenti tal-VAT għal rifużjonijiet transfruntiera

L-Unjoni u r-Renju Unit biħsiebhom jeżaminaw il-possibbiltà li jadottaw deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru .../2023 ( 16 ), li tipprevedi r-regoli dwar ir-rati stabbiliti fl-Artikolu 98, moqri flimkien mal-Anness III, tad-Direttiva 2006/112/KE biex ma japplikawx għal ċerta merkanzija, għajr merkanzija fornuta u installata fi proprjetà immobbli li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq minn persuni taxxabbli. Dik id-deċiżjoni tkun relatata biss ma’ tali merkanzija li min-natura tagħha u mill-kondizzjonijiet li taħthom tiġi fornuta tkun soġġetta għall-konsum finali fl-Irlanda ta’ Fuq, u li fir-rigward tagħha n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rati stabbiliti fl-Artikolu 98, moqri flimkien mal-Anness III, tad-Direttiva 2006/112/KE ma jwassalx għal impatt negattiv fuq is-suq intern tal-Unjoni fil-forma ta’ riskji ta’ frodi fiskali u kwalunkwe distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. Jenħtieġ li deċiżjoni bħal din tistabbilixxi lista dettaljata li tkun valida għal ħames snin. L-Unjoni u r-Renju Unit jindikaw ir-rieda tagħhom li jevalwaw u jirrevedu tali lista fuq bażi regolari.

L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom ukoll l-intenzjoni li jevalwaw l-arranġamenti attwali tal-VAT għar-rifużjonijiet transfruntiera skont id-Direttiva 2008/9/KE u d-Direttiva 86/560/KEE u jeżaminaw il-ħtieġa li tiġi adottata, jekk xieraq, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru .../2023, deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li permezz tagħha jiġi stabbilit kwalunkwe aġġustament meħtieġ jew l-arranġamenti ta’ rifużjoni jkunu limitati biss għall-applikazzjoni tad-Direttiva 86/560/KEE. Jenħtieġ li tali evalwazzjoni tqis il-piż amministrattiv fuq il-persuni taxxabbli kif ukoll il-kostijiet amministrattivi fuq l-amministrazzjonijiet tat-taxxa.




ANNESS 3




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI UNILATERALI MIR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ .../2023

dwar is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar

Ir-Renju Unit ifakkar fl-impenn tiegħu li jiżgura sistema robusta ta’ sorveljanza tas-suq u infurzar fil-kuntest tal-arranġamenti uniċi miftiehma mal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Qafas ta’ Windsor ( 17 ) biex jiġi protett il-kummerċ fis-suq intern tar-Renju Unit, u l-post tal-Irlanda ta’ Fuq fit-territorju doganali tar-Renju Unit, filwaqt li tiġi żgurata l-integrità tas-suq intern u l-unjoni doganali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Renju Unit jissottolinja li jrid ikun hemm infurzar robust biex jiġi żgurat li n-negozjanti ma jkunux qed jabbużaw minn dawn l-arranġamenti kummerċjali interni ġodda tar-Renju Unit biex jittrasportaw il-merkanzija fl-Unjoni Ewropea.

Sorveljanza tas-suq

Ir-Renju Unit jirrikonoxxi r-rwol importanti tas-sorveljanza tas-suq, u l-ħidma tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet kompetenti oħra, biex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għalhekk, ir-Renju Unit ser ikompli jiżgura li dawk l-awtoritajiet iwettqu programm ta’ attivitajiet li jixprunaw is-sikurezza u l-konformità, inkluż li jaħdmu man-negozji biex jiżguraw li jkunu konxji tal-obbligi tagħhom, jivvalutaw id-dokumentazzjoni u jivverifikaw il-prodotti fis-suq fejn rilevanti.

Ir-Renju Unit ser ikompli:

— 
jibni l-kapaċità u l-kapaċità fost l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet kompetenti oħra;
— 
itejjeb il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza tal-prodotti;
— 
jiżgura li l-awtoritajiet rilevanti jkollhom is-setgħat meħtieġa biex iwettqu attività ta’ monitoraġġ effettiv fil-kuntest tal-fruntiera internazzjonali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea;
— 
jappoġġa attivitajiet ibbażati fuq ir-riskju u bbażati fuq l-intelligence mill-awtoritajiet rilevanti, inklużi awditi, spezzjonijiet u kontrolli fuq il-post xierqa, biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli;
— 
juża intelligence u ġbir ta’ data robusti biex jiżgura bażi ta’ evidenza dettaljata għall-identifikazzjoni ta’ riskji emerġenti, inkluż ta’ movimenti possibbli fl-Unjoni Ewropea;
— 
juża informazzjoni preċiża u dettaljata biex tinforma d-deċiżjonijiet ta’ politika u ta’ infurzar; u
— 
jikkondividi u jirċievi informazzjoni permezz ta’ kwalunkwe sistema tal-IT rilevanti dwar l-attivitajiet ta’ konformità tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet kompetenti oħra.

Ir-Renju Unit ser ikompli jappoġġa wkoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fi swieq oħra, permezz tal-Uffiċċju Uniku ta’ Kollegament għas-sorveljanza tas-suq.

Infurzar

Infurzar robust mhux ser jinvolvi verifiki jew kontrolli ġodda fil-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda, iżda ser ifisser attività msaħħa mill-awtoritajiet rilevanti tar-Renju Unit, f’konformità mal-aħjar prattika internazzjonali, mal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn xieraq, sabiex jiġu protetti s-suq intern tar-Renju Unit u s-suq intern u l-unjoni doganali tal-Unjoni Ewropea, u jiġu indirizzati b’mod robust l-attività illegali u l-kuntrabandu, inkluż minn gruppi kriminali organizzati.

Fir-rigward tal-merkanzija soġġetta għal regoli sanitarji u fitosanitarji, is-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet ta’ infurzar ser ikomplu jtejbu l-proċeduri speċifiċi stabbiliti fir-regoli applikabbli għad-dħul ta’ din il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ser isaħħaħ l-attività tiegħu ta’ monitoraġġ u infurzar biex jimmaniġġja b’mod effettiv ir-riskji li jirriżultaw mill-merkanzija ttrasportata f’pakketti, filwaqt li jirrikonoxxi d-dipendenza partikolari tal-konsumaturi fuq dawk il-movimenti.

Ir-Renju Unit ser iżomm ukoll ir-reġim b’saħħtu tiegħu ta’ pieni għall-kummerċ illegali u l-attivitajiet ta’ kuntrabandu. Dan ser jinżamm taħt reviżjoni mill-qrib, bil-ħsieb li jiżdiedu l-penali relatati mal-abbuż ta’ dawn ir-regoli l-ġodda billi l-merkanzija tiġi ttrasportata fl-Unjoni Ewropea jekk ikun meħtieġ biex ikun hemm deterrent ulterjuri.

Ir-Renju Unit ser jieħu azzjoni effettiva, dissważiva u proporzjonata fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità potenzjali. Dan ser jinkludi analiżi tar-riskju, azzjoni ta’ konformità bbażata fuq ir-riskju u valutazzjonijiet tar-riskju kontinwi tal-popolazzjonijiet tan-negozjanti, mirfuda minn sanzjonijiet u penali.




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI UNILATERALI MIR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ .../2023

dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija ttrasportata mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit

Ir-Renju Unit jinnota l-post tal-Irlanda ta’ Fuq fit-territorju doganali tar-Renju Unit, il-ħtieġa li jiġi protett il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew ta’ Belfast tal-10 ta’ April 1998 fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, u l-impenn tiegħu għal aċċess bla xkiel għan-negozji tal-Irlanda ta’ Fuq għas-suq kollu tar-Renju Unit.

Fir-rigward tal-merkanzija kollha ttrasportata mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tas-suq intern tar-Renju Unit, ir-Renju Unit jikkonferma li l-proċeduri tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 ser japplikaw biss meta l-merkanzija:

1. 

titqiegħed taħt proċedura elenkata fl-Artikolu 210 ta’ dak ir-Regolament,

2. 

tkun f’ħażna temporanja skont l-Artikolu 144 ta’ dak ir-Regolament,

3. 

tkun soġġetta għal dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li jaqgħu taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-Qafas ta’ Windsor ( 18 ) li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-esportazzjoni tal-merkanzija,

4. 

titqiegħed taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni fl-Unjoni f’konformità mat-Titolu V u t-Titolu VIII ta’ dak ir-Regolament, jew

5. 

ma taqbiżx il-valur ta’ EUR 3 000 u tiġi ppakkjata jew mgħobbija għal vjeġġ għall-esportazzjoni fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) 2015/2447.

Ir-Renju Unit ifakkar fl-impenn tiegħu li jiżgura l-protezzjoni sħiħa skont ir-rekwiżiti u l-impenji internazzjonali li huma rilevanti għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ merkanzija mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni.

Ir-Renju Unit jikkonferma li ser jipprovdi lill-Unjoni informazzjoni sinifikanti fir-rigward ta’ merkanzija soġġetta għal projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li tiġi ttrasportata mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit fir-rigward tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju, l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti kulturali u l-vjeġġi ta’ skart.

Din id-Dikjarazzjoni Unilaterali ser tissostitwixxi d-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-Kumitat Konġunt dwar id-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni tas-17 ta’ Diċembru 2020.




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI UNILATERALI MIR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ .../2023

dwar il-mekkaniżmu ta’ kunsens demokratiku fl-Artikolu 18 tal-Qafas ta’ Windsor ( 19 )

Ir-Renju Unit jinnota li s-soluzzjonijiet konġunti mħabbra f’Windsor huma maħsuba biex jikkostitwixxu sensiela ta’ miżuri prattiċi u sostenibbli biex jiġu indirizzati, b’mod definittiv, in-nuqqasijiet u s-sitwazzjonijiet mhux previsti li tfaċċaw minn meta daħal fis-seħħ il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”).

Ir-Renju Unit jirrikonoxxi l-importanza li jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti jkunu dejjem kapaċi jiksbu l-akbar appoġġ possibbli fil-komunità fl-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mar-responsabbiltà tiegħu li jirrispetta l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew ta’ Belfast tal-10 ta’ April 1998, inklużi l-ftehimiet u l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni sussegwenti tiegħu, fil-partijiet kollha tiegħu – u fir-rigward tar-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu li jirrispetta l-identità, l-ethos u l-aspirazzjonijiet taż-żewġ komunitajiet. Il-mekkaniżmu ta’ kunsens demokratiku fl-Artikolu 18 tal-Qafas ta’ Windsor jipprovdi salvagwardja kontinwa u importanti f’dan ir-rigward, li flimkien magħha r-Renju Unit huwa impenjat li jikkummissjona rieżami indipendenti fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Unilaterali tiegħu dwar il-kunsens ( 20 ). Fi kwalunkwe ċirkostanza bħal din, kemm jekk wara l-ewwel eżerċizzju tal-mekkaniżmu ta’ kunsens demokratiku kif ukoll jekk wara, ir-Renju Unit jimpenja ruħu li jressaq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami quddiem il-Kumitat Konġunt, filwaqt li jirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni ta’ interess relatata ma’ qasam kopert mill-Qafas ta’ Windsor, u li jfittex modi u metodi xierqa biex jipprevjeni problemi li jistgħu jinqalgħu f’oqsma koperti mill-Qafas ta’ Windsor.




ABBOZZ

DIKJARAZZJONI UNILATERALI MIR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ .../2023

dwar it-tisħiħ tal-azzjoni ta’ infurzar għall-merkanzija ttrasportata f’pakketti minn parti oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq

Qabel ma d-dispożizzjonijiet kollha tad-Deċiżjoni Nru .../2023 ( 21 ) isiru applikabbli, ir-Renju Unit huwa impenjat li jaħdem mal-Unjoni biex jipprovdi protezzjoni lis-suq intern tal-Unjoni billi jsaħħaħ l-azzjoni ta’ infurzar li tikkonċerna l-merkanzija ttrasportata f’pakketti minn parti oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq. F’dan il-kuntest, ir-Renju Unit jimpenja ruħu li:

— 
Jaħdem mal-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-pakketti veloċi u l-operaturi postali, biex jagħmel disponibbli għall-Gvern tar-Renju Unit u għar-rappreżentanti tal-Unjoni data kummerċjali dwar il-moviment tal-pakketti, inkluż l-ispeditur, ir-riċevitur u d-deskrizzjoni tal-merkanzija rilevanti. Din id-data tappoġġa l-azzjoni ta’ infurzar u ta’ konformità, filwaqt li tissupplimenta l-attività eżistenti mmexxija mir-riskju u mill-intelligence.
— 
Itejjeb il-kooperazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea, billi jikkollabora dwar ir-riskji tal-infurzar u tal-konformità abbażi tal-arranġamenti operazzjonali miftiehma msemmija fid-Deċiżjoni Nru .../2023.
— 
Ir-Renju Unit ser jaġġorna regolarment lill-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor ( 22 ) dwar il-progress tal-ħidma mwettqa fuq il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq.



( 1 )  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

( 2 ) ĠU: Jekk jogħġbok daħħal it-titolu sħiħ u r-referenza tal-ĠU ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

( 3 )  ĠU L 62, 2.3.2020, p. 1.

( 4 ) Ir-Regolament (KE) 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1).

( 5 ) Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23).

( 6 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru …/2023

( 7 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 28.12.2015, p. 1).

( 8 )  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

( 9 )  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

( 10 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru …/2023.

( 11 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru …/2023.

( 12 )  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

( 13 ) [għandu jiddaħħal it-titolu sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt]

( 14 ) [għandu jiddaħħal it-titolu sħiħ tar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konġunt]

( 15 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru XX/2023.

( 16 ) [daħħal it-titlu sħiħ]

( 17 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru XX/2023.

( 18 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru XX/2023.

( 19 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru XX/2023.

( 20 ) Dikjarazzjoni mill-Gvern tal-Maestà Tagħha tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar l-operazzjoni tad-dispożizzjoni “Kunsens demokratiku fl-Irlanda ta’ Fuq” tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq.

( 21 ) [għandu jiddaħħal it-titolu sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt]

( 22 ) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru …/2023.