02020R2014 — MT — 01.01.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2014

tal-21 ta’ Awwissu 2020

li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għall-perjodu 2021-2023

(ĠU L 415 10.12.2020, p. 10)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2062 tat-23 ta’ Awwissu 2021

  L 421

4

26.11.2021




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2014

tal-21 ta’ Awwissu 2020

li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għall-perjodu 2021-2023



Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art

Fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-diviżjonijiet 2a, 3a u s-subżona 4 tal-ICES), l-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għas-sajd demersali u għas-sajd pelaġiku li huma soġġetti għal limiti tal-qbid f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2021-2023.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“Apparat ta’ selettività tan-netgrid” tfisser apparat ta’ selettività li jikkonsisti f’sezzjoni magħmula minn erba’ pannelli mdaħħla f’xibka tat-tkarkir b’żewġ pannelli b’xibka inklinata ta’ malja maqrut b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 200 mm, li twassal għal toqba minn fejn jaħrab il-ħut fil-parti ta’ fuq tax-xibka tat-tkarkir.

(2) 

“Pannell Fjamming” tfisser l-aħħar sezzjoni tal-malja tax-xibka tat-tkarkir bi travu, li tidjieq għax-xejn u li:

— 
il-parti ta’ wara tagħha tkun imqabbda direttament mal-manka;
— 
is-sezzjonijiet ta’ fuq u ta’ taħt tax-xbieki jkunu magħmula minn malji b’daqs mill-inqas 120 mm meta jitkejlu bejn għoqda u oħra;
— 
it-tul imġebbed ikun mill-inqas 3 m.
(3) 

“Pannell tar-rilaxx tal-bentos” tfisser pannell ta’ xbieki b’malja akbar jew b’malja kwadra mwaħħla fil-pannell ta’ isfel ta’ xibka tat-tkarkir, ġeneralment xibka tat-tkarkir bi travu biex jinħareġ kwalunkwe materjal bentiku jew frak ta’ qiegħ il-baħar qabel ma jgħaddi fil-manka;

(4) 

“SepNep” tfisser xibka tat-tkarkir bid-diriġenti li:

— 
ikollha daqs tal-malja f’firxa minn 80 sa 99 mm +≥ 100 mm;
— 
tkun armata b’ħafna mankijiet b’daqsijiet tal-malja li jvarjaw minn tal-inqas 80 mm sa 120 mm, li jkunu mqabbdin ma’ biċċa waħda ta’ estensjoni, u l-manka ta’ fuq nett ikollha daqs tal-malja ta’ mill-inqas 120 mm u tkun armata b’pannell li jissepara li jkollu daqs massimu tal-malja ta’ 105 mm; u
— 
barra minn hekk, tista’ tkun immuntata bi gradilja selettiva fakultattiva bi spazju ta’ mill-inqas 17 mm bejn il-vireg, sakemm tkun mibnija b’mod li tippermetti li jaħarbu l-iskampi ż-żgħar.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet tas-sopravivenza għall-iskampu

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES) għall-qabdiet tal-iskampu (Nephrops norvegicus) li ġejjin:

(a) 

qabdiet bin-nases (FPO ( 1 ));

(b) 

qabdiet bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TBN) immuntati b’:

(i) 

manka ta’ 80 mm jew akbar; jew

(ii) 

manka b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 70 mm, mgħammra bi gradilja selettiva tal-ispeċijiet bi spazju massimu ta’ 35 mm bejn il-vireg.

2.  
Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles sħiħ, minnufih u fiż-żona fejn ikun inqabad.

Artikolu 4

Eżenzjoni tas-sopravivenza għal-lingwata komuni

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal-lingwata komuni (Solea solea) inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni li tinqabad bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (OTB) b’daqs tal-malja bil-manka ta’ 80 sa 99 mm fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 4c tal-ICES, sa sitt mili nawtiċi mill-kosta, iżda barra miż-żoni tat-tkabbir tal-ħut identifikati.
2.  
L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għall-bastimenti b’tul massimu ta’ 10 m u b’saħħa tal-magna massima ta’ 221 kW, li jkunu qed jistadu f’ilmijiet b’fond ta’ 30 m jew inqas u li jkollhom ħin tal-irmunkar ta’ mhux aktar minn disgħin minuta.
3.  
Meta tiġi skartata l-lingwata komuni li tinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, din għandha tinħeles minnufih.

Artikolu 5

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal limiti ta’ qbid li jinqabdu fin-nases u x-xbieki fyke

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-ispeċijiet kollha soġġetti għal-limiti tal-qbid li jinqabdu bin-nases u bix-xbieki fyke (FPO, FYK) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES.
2.  
Meta jiġi skartat il-ħut li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih u taħt wiċċ l-ilma.

Artikolu 6

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-qabdiet u l-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja’

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a u fis-subżona 4 tal-ICES għal:

(a) 

il-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) li jinqabad bi xbieki (GNS, GTR, GTN, GEN);

(b) 

il-barbun tat-tbajja’ li jinqabad bit-tartaruni Daniżi;

(c) 

il-barbun tat-tbajja’ li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, PTB):

(i) 

b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 120 mm waqt is-sajd għall-pixxiċatt jew għall-ħut tond fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a u s-subżona 4 tal-ICES.

▼M1

(ii) 

b’daqs tal-malja ta’ 90–119 mm mgħammra b’pannell Seltra b’pannell ta’ fuq b’daqs tal-malja ta’ 140 mm (malja kwadra), b’daqs tal-malja ta’ 270 mm (malja maqrut), b’daqs tal-malja ta’ 300 mm (malja kwadra), jew fis-subdiviżjoni Kattegat, malja kwadra ta’ mill-inqas 120 mm fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru kull sena li jimmiraw għall-pixxiċatt jew għall-ħut tond fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES;

▼B

(iii) 

b’daqs tal-malja ta’ 80 sa 119 mm fis-sajd li jimmira għall-pixxiċatt jew għall-ħut tond fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES.

2.  
Meta jiġi skartat il-barbun tat-tbajja’ fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 7

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-barbun tat-tbajja’ iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 2a tal-ICES u tas-subżona 4 tal-ICES u għall-qabdiet tal-barbun tat-tbajja’ li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni li jsiru bi xbieki tat-tkarkir bi travu (BT2) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 119 mm, jekk il-barbun tat-tbajja’ jinqabad:

(a) 

(a) bi rkaptu armat b’ħabel flip-up jew b’pannell tar-rilaxx bentiku (BRP) minn bastimenti b’magna li għandha potenza akbar minn 221 kW; jew

(b) 

mill-bastimenti tal-Istati Membri li jimplimentaw il-pjan direzzjonali għas-Sajd Iddokumentat bis-Sħiħ,

2.  
L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għall-pixxiċatt li jinqabad bit-tagħmir tax-xbieki tat-tkarkir bi travu (BT2) minn bastimenti b’qawwa tal-magna ta’ mhux aktar minn 221 kW jew b’tul totali inqas minn 24 m, li huma mibnija fuq ħut fiż-żona ta’ tnax-il mil, jekk id-dewmien medju tax-xibka tat-tkarkir ikun anqas minn disgħin minuta.
3.  
Kull sena, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju, li tappoġġja l-eżenzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
4.  
Meta jiġi skartat il-barbun tat-tbajja’ li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dan għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 8

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-barbun imperjali

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES għall-qabdiet tal-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) li jsiru bi xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b’manka ta’ 80 mm jew akbar.
2.  
L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. Kull sena, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju, li tappoġġja l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
3.  
Meta jiġi skartat il-barbun imperjali li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 9

Eżenzjoni tas-sopravivenza għar-rebekkini u r-raj

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għar-rebekkini u r-raj li jinqabdu bi rkaptu tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES).
2.  
Kull sena, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju, b’mod partikolari għar-raja kukù, li tappoġġja l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
3.  
Meta jiġu skartati r-rebekkini u r-raj li jinqabdu fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinħelsu minnufih.

Artikolu 10

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-qabdiet ta’ kavalli u aringi fis-sajd bit-tartarun tal-borża

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza msemmija fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-kavalli u l-aringi li jinqabdu fis-sajd bit-tartarun tal-borża fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES), jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

il-qabda tinħeles qabel ma jingħalaq ċertu persentaġġ (stabbilit fil-paragrafi 2 u 3 hawn taħt) tat-tartarun tal-borża (“il-punt tal-irkupru”),

(b) 

l-irkaptu tas-sajd bit-tartarun tal-borża jkun mgħammar b’baga li tidher li turi b’mod ċar il-limitu għall-punt tal-irkupru,

(c) 

il-bastiment u l-irkaptu tas-sajd bit-tartarun tal-borża jkunu mgħammra b’sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u dokumentazzjoni li tiddokumenta meta, fejn u sa liema punt ikun inġibed it-tartarun tal-borża għall-operazzjonijiet tas-sajd kollha.

2.  
Il-punt tal-irkupru fis-sajd għall-kavalli għandu jkun meta t-tartarun tal-borża jkun 80 % magħluq u fis-sajd għall-aringi għandu jkun meta t-tartarun tal-borża jkun 90 % magħluq.
3.  
Jekk il-ġliba ħut imdawra tkun tikkonsisti f’taħlita taż-żewġ speċijiet, il-punt tal-irkupru għandu jkun meta t-tartarun tal-borża jkun 80 % magħluq.
4.  
Hu pprojbit li l-qabdiet tal-kavalli u tal-aringi jinħelsu wara l-punt tal-irkupru.
5.  
Għandu jittieħed kampjun tal-ġliba ħut imdawra qabel tinħeles, biex jiġu stmati l-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, il-kompożizzjoni tad-daqs tal-ħut u l-kwantità tal-ħut.
6.  
L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw evidenza, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tiġġustifika l-ħtieġa li titkompla din l-eżenzjoni.

Artikolu 11

Eżenzjonijiet de minimis għas-sajd pelaġiku u għas-sajd demersali

B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(4)(c) ta’ dak ir-Regolament:

(1) 

fis-sajd għal-lingwata komuni minn bastimenti li jużaw il-pariti u l-għeżula (GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES):

kwantità ta’ lingwata komuni inqas jew iżjed mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi;

(2) 

fis-sajd għal-lingwata komuni minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 119 mm, armati b’pannell Fjamming, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ lingwata komuni inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi;

(3) 

fis-sajd għall-iskampu minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TBN) b’daqs tal-malja ta’ 70 mm jew akbar, mgħammra bi gradilja selettiva għall-ispeċijiet bi spazju massimu ta’ 35 mm bejn il-vireg fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES:

kwantità kkombinata ta’ lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, pollakkju iswed u merluzz inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 4 % tal-qabdiet annwali totali ta’ skampu, lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu u gamblu tat-Tramuntana, bakkaljaw, pollakkju iswed u merluzz;

(4) 

fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB u OTT) b’daqs tal-malja ta’ 35 mm jew iktar, armati bi gradilja selettiva tal-ispeċijiet bi spazju massimu ta’ 19 mm bejn il-vireg, bil-ħruġ mhux ibblukkat għall-ħut, fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES:

kwantità kkombinata ta’ lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, barbun tat-tbajja’, pollakkju iswed, aringi, merluzz tan-Norveġja, arġentina silus u stokkafixx inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, meta teżisti, sa 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ skampu, lingwata komuni, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, pollakkju iswed, barbun tat-tbajja’, gamblu tat-Tramuntana, merluzz, merluzz tan-Norveġja, arġentina silus, aringi u stokkafixx;

(5) 

fis-sajd b’bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TBN, PTB) b’daqs tal-malja ta’ 90-119 mm, mgħammra b’pannell Seltra b’pannell ta’ fuq b’daqs tal-malja ta’ 140 mm (malja kwadra), b’daqs tal-malja ta’ 270 mm (malja maqrut) jew b’daqs tal-malja ta’ 300 mm (malja kwadra), jew xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, TBN, PTB) b’daqs tal-malja ta’ 120 mm jew akbar, fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES:

kwantità ta’ merlangu inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 2 % tal-qabdiet annwali totali ta’ skampu, bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda, merlangu, pollakkju iswed, lingwata komuni, barbun tat-tbajja’ u merluzz;

(6) 

fis-sajd għall-iskampu b’bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 80-99 mm, mgħammra b’SepNep, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ barbun tat-tbajja’ inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ pollakkju iswed, barbun tat-tbajja’, merluzz tal-linja sewda, merlangu, bakkaljaw, gamblu tat-Tramuntana, lingwata komuni u skampu;

(7) 

fis-sajd għall-gamblu tar-ramel minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES:

kwantità tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal limiti ta’ qbid, sa 6 % fl-2021 u fl-2022 u sa 5 % fl-2023 tal-qabdiet annwali totali tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal limiti tal-qbid magħmula f’dak is-sajd;

(8) 

fis-sajd demersali minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b’daqs tal-malja ta’ 120 mm jew akbar li jaqbdu l-ħaxixet il-mikinsa fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ ħaxixet il-mikinsa inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ ħaxixet il-mikinsa f’dak is-sajd;

(9) 

fis-sajd demersali mħallat minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni (OTB, OTT, SDN, SSC) b’daqs tal-malja ta’ 70-99 mm (TR2) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 4c tal-ICES:

kwantità kkombinata ta’ merlangu u bakkaljaw inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ merlangu u bakkaljaw; l-ammont massimu ta’ bakkaljaw li jista’ jiġi skartat għandu jkun limitat għal 2 % ta’ dawk il-qabdiet annwali totali;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2021. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2021, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2021;

(10) 

fis-sajd demersali mħallat minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni (OTB, OTT, SDN, SSC) b’daqs tal-malja ta’ 70-99 mm (TR2) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES:

kwantità ta’ merlangu inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 4 % tal-qabdiet annwali totali ta’ merlangu;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022;

▼M1

(11) 

fis-sajd demersali mħallat minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b’daqs tal-malja ta’ 80–119 mm fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ merlangu inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 2 % tal-qabdiet annwali totali ta’ barbun tat-tbajja’ u lingwata;

▼B

(12) 

fis-sajd pelaġiku mwettaq minn bastimenti tat-tkarkir pelaġiċi b’tul kumplessiv sa 25 m, bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM/PTM), u li jimmiraw għal kavalli, sawrell u aringi fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ 54 grad tat-Tramuntana;

kwantità kkombinata ta’ kavalli, sawrell, aringi u merlangu, sa 1 % tal-qabdiet annwali totali ta’ kavalli, sawrell, aringi u merlangu;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022;

(13) 

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir (OTB, OTM, OTT, PTB, PTM, SDN, SPR, SSC, TB, TBN) b’daqs tal-malja ta’ aktar minn 80 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES u fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana li jsir bl-użu ta’ rkaptu immuntat bi gradilja selettiva li jkollha spazju massimu ta’ 19 mm bejn il-vireg jew b’apparat ekwivalenti tas-selettività u b’apparat għaż-żamma tal-ħut b’daqs tal-malja ta’ aktar minn 35 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES u ta’ aktar minn 32 mm fis-subżona 4 tal-ICES:

kwantità kkombinata ta’ laċċa kaħla, ċiċċirella, merluzz tan-Norveġja u stokkafixx, sa 1 % tal-qabdiet annwali totali magħmula fis-sajd demersali mħallat u fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022;

(14) 

fis-sajd demersali għall-merluzz minn bastimenti li jużaw il-konzijiet (LLS) fis-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ ħaxixet il-mikinsa (Molva molva) inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ ħaxixet il-mikinsa f’dak is-sajd demersali;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022;

(15) 

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 99 mm (TR2) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES:

kwantità ta’ sawrell (Trachurus spp.), sa 6 % tal-qabdiet annwali totali ta’ sawrell f’dak it-tip ta’ sajd;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022;

(16) 

fis-sajd demersali mħallat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB) b’daqs tal-malja ta’ bejn 80 u 99 mm (TR2) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES:

kwantità ta’ kavalli (Scomber scombrus), sa 6 % tal-qabdiet annwali totali ta’ kavalli f’dak it-tip ta’ sajd;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022;

(17) 

fis-sajd industrijali b’bastiment tat-tkarkir pelaġiku li jimmira għall-istokkafixx fiż-subżona 4 tal-ICES u l-ipproċessar ta’ dik l-ispeċi abbord biex tinkiseb bażi ta’ surimi:

kwantità ta’ stokkafixx (Micromesistius poutassou), sa 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ stokkafixx;

l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tkun applikabbli b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022.

Artikolu 12

Tħassir u dispożizzjonijiet tranżitorji

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2021 jew sakemm isir applikabbli att delegat, li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241, skont liema jiġi l-ewwel.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli minn 1 sa 11 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Il-kodiċijiet tal-irkapti li ntużaw f’dan ir-Regolament huma stabbiliti fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Għall-bastimenti li l-LOA tagħhom ikun inqas minn 10 m, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f’dan ir-Regolament huma stabbiliti fil-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.