02008L0118 — MT — 01.01.2020 — 004.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 009 14.1.2009, p. 12) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 50 |
1 |
27.2.2010 |
||
|
L 353 |
5 |
28.12.2013 |
||
|
L 83 |
42 |
25.3.2019 |
||
Emendata bi:
|
L 112 |
21 |
24.4.2012 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/118/KE
tas-16 ta’ Diċembru 2008
dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem “prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa”):
(a) prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE;
(b) alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-Direttivi 92/83/KEE u 92/84/KEE;
(ċ) tabakk manifatturat kopert mid-Direttivi 95/59/KE, 92/79/KEE u 92/80/KEE.
2. L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.
3. L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi fuq:
(a) prodotti minbarra prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;
(b) il-forniment ta’ servizzi, inklużi dawk relatati ma’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, li ma jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ jew fatturat.
Madankollu, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-impożizzjoni ta’ tali taxxi ma tistax tirriżulta f’formalitajiet konnessi mal-qsim tal-fruntieri.
Artikolu 2
Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’:
(a) il-produzzjoni tagħhom, inkluż, fejn applikabbli, l-estrazzjoni tagħhom, ġewwa t-territorju tal-Komunità;
(b) l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità.
Artikolu 3
1. Il-formalitajiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet doganali tal-Komunità għad-dħul ta’ prodotti fit-territorju doganali tal-Komunità għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-dħul tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-Komunità minn territorju msemmi fl-Artikolu 5(2).
2. Il-formalitajiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet doganali tal-Komunità għall-ħruġ ta’ prodotti mit-territorju doganali tal-Komunità għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ħruġ tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mill-Komunità għal territorju msemmi fl-Artikolu 5(2).
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-Finlandja għandha tkun awtorizzata, għall-movimenti ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa madwar it-territorju tagħha kif definit fl-Artikolu 4(2) u t-territorji msemmija fl-Artikolu 5(2)(c), li tapplika l-istess proċeduri bħal dawk applikati għal tali movimenti fit-territorju tagħha, kif definit fl-Artikolu 4(2).
4. Il-Kapitoli III u IV m’għandhomx japplikaw għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv.
Artikolu 4
Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “magazzinier awtorizzat”, tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa;
(2) “Stat Membru” u “territorju ta’ Stat Membru” tfisser t-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Komunità li għalihom japplika t-Trattat, skont l-Artikolu 299 tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ territorji terzi;
(3) “Komunità” u “territorju tal-Komunità” tfisser it-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (2);
(4) “territorji terzi” tfisser it-territorji msemmija fl-Artikolu 5(2) u (3);
(5) “pajjiż terz” tfisser kull Stat jew territorju li għalih mhux applikabbli t-Trattat;
(6) “proċedura jew arranġament doganali sospensiv” tfisser kwalunkwe waħda mill-proċeduri speċjali kif previsti fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 relatati mas-superviżjoni doganali li għaliha huma soġġetti l-prodotti mhux Komunitarji mad-dħul tagħhom fit-territorju doganali tal-Komunità, il-ħżin temporanju, iż-żoni ħielsa jew l-imħażen ħielsa, kif ukoll kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 84(1)(a) ta’ dak ir-Regolament;
(7) “arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju” tfisser arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;
(8) “importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa” tfisser id-dħul ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fit-territorju tal-Komunità sakemm il-prodotti, mad-dħul tagħhom fil-Komunità, ma jkunux soġġetti għal proċedura jew arranġament doganali sospensiv, kif ukoll ir-rilaxx tagħhom minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv;
(9) “destinatarju reġistrat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet, li tirċievi prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu qegħdin jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor;
(10) “konsenjatur reġistrat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, matul in-negozju tagħha u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet, li tibgħat biss prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu soġġetti għal sospensjoni tad-dazju wara li jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;
(11) “maħżen tat-taxxa” tfisser post fejn prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, ipproċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat matul in-negozju tiegħu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.
Artikolu 5
1. Din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw għat-territorju tal-Komunità.
2. Din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx japplikaw għat-territorji li ġejjin li jiffurmaw parti mit-territorju doganali tal-Komunità:
(a) il-Gżejjer Kanarji;
(b) it-territorji Franċiżi msemmijin fl-Artikoli 349 u 355(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
(ċ) il-Gżejjer Åland;
(d) iċ-Channel Islands.
3. Din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx japplikaw għat-territorji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 299(4) tat-Trattat, u lanqas għat-territorji l-oħra li ġejjin li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Komunità:
(a) il-Gżira ta’ Heligoland;
(b) it-territorju ta’ Büsingen;
(ċ) Ceuta;
(d) Melilla;
(e) Livigno.
▼M3 —————
4. Spanja tista’ tagħti avviż, permezz ta’ dikjarazzjoni, li din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw għall-Gżejjer Kanarji – soġġett għall-miżuri biex jadattaw għad-distanza estrema tagħhom – fir-rigward tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa msemmija fl-Artikolu 1 kollha jew uħud minnhom, mill-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara d-depożitu ta’ tali dikjarazzjoni.
5. ►M2 Franza tista' tagħti notifika, permezz ta' dikjarazzjoni, li din id-Direttiva u d-Direttivi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 japplikaw għat-territorji li hemm referenza għalihom fil-punt (b) tal-paragrafu (2) — suġġett għall-miżuri sabiex jadattaw minħabba d-distanza ultraperiferika tagħhom — fir-rigward ta' xi oġġetti jew l-oġġetti kollha tas-sisa msemmijin fl-Artikolu 1, mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' tali dikjarazzjoni. ◄
6. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx iċaħħdu lill-Greċja milli żżomm l-istatus speċifiku mogħti lill-Muntanja Athos kif garantit mill-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Griega.
Artikolu 6
1. Fid-dawl tal-konvenzjonijiet u t-trattati konklużi ma’ Franza, l-Italja, Ċipru u r-Renju Unit rispettivament, il-Prinċipalità ta’ Monaco, San Marino, iż-Żoni Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta’ Akrotiri u Dhekelia u l-Isle of Man, m’għandhomx jitqiesu, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, bħala pajjiżi terzi.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-movimenti tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li joriġinaw fi jew li jkunu intenzjonati għal:
(a) il-Prinċipalità ta’ Monaco jkunu trattati bħala movimenti li joriġinaw fi jew li jkunu intenzjonati għal Franza;
(b) San Marino jkunu trattati bħala movimenti li joriġinaw fi jew li jkunu intenzjonati għall-Italja;
(ċ) iż-Żoni Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta’ Akrotiri u Dhekelia jkunu trattati bħala movimenti li joriġinaw fi jew li jkunu intenzjonati għal Ċipru;
(d) l-Isle of Man ikunu trattati bħala movimenti li joriġinaw fi jew li jkunu intenzjonati għar-Renju Unit.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-movimenti tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li joriġinaw fi jew li jkunu intenzjonati għal Jungholz u Mittelberg (Kleines Walsertal) ikunu trattati bħala movimenti li joriġinaw fi jew li jkunu intenzjonati għall-Ġermanja.
KAPITOLU II
IMPOŻIZZJONI TAL-ĦLAS, RIMBORŻ, EŻENZJONI
TAQSIMA 1
Il-post u l-ħin tal-impożizzjoni tal-ħlas
Artikolu 7
1. Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.
2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-“rilaxx għall-konsum” għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;
(b) iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju u l-leġislazzjoni nazzjonali;
(ċ) il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;
(d) l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.
3. Il-ħin tar-rilaxx għall-konsum għandu jkun:
(a) fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(1)(a)(ii), il-ħin tar-riċeviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mid-destinatarju reġistrat;
(b) fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(1)(a)(iv), il-ħin tar-riċeviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mid-destinatarju;
(ċ) fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(2), il-ħin tar-riċeviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-post tal-konsenja diretta.
4. Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li tqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, b’riżultat tan-natura inerenti ta’ dawk il-prodotti, ta’ ċirkostanzi mhux previdibbli, jew forza maġġuri, jew b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, m’għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum.
Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-prodotti għandhom ikunu kkunsidrati meqruda totalment jew mitlufa għal kollox meta ma jkunux jistgħu jintużaw bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.
Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kkonċernati għandu jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli, jew, meta ma jkunx possibbli li jiġi determinat fejn seħħ it-telf, fejn ġie żvelat.
5. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet tiegħu stess li taħthom ikun iddeterminat it-telf imsemmi fil-paragrafu 4.
Artikolu 8
1. Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut għandha tkun:
(a) fir-rigward tat-tneħħija ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(a):
(i) il-magazzinier awtorizzat, id-destinatarju reġistrat jew kwalunkwe persuna oħra li tirrilaxxa jew li f’isimha prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu rilaxxati mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u, fil-każ ta’ tneħħija irregolari minn maħżen tat-taxxa, kwalunkwe persuna oħra involuta f’dik it-tneħħija;
(ii) fil-każ ta’ irregolarità matul moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju kif definit fl-Artikolu 10(1), (2) u (4): il-magazzinier awtorizzat, il-konsenjatur reġistrat jew kwalunkwe persuna li ggarantiet il-ħlas tad-dazji tas-sisa skont l-Artikolu 18(1) u (2), jew kull persuna li pparteċipat fit-tneħħija irregolari u li kienet konxja jew li kellha tkun raġonevolment konxja min-natura irregolari tat-tneħħija;
(b) fir-rigward taż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(b): il-persuna li qed iżżomm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jew kull persuna oħra li pparteċipat fiż-żamma tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;
(ċ) fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(c): il-persuna li tipproduċi l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jew, fil-każ ta’ produzzjoni irregolari, kull persuna oħra li pparteċipat fil-produzzjoni tagħhom;
(d) fir-rigward tal-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(d): il-persuna li tiddikjara l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jew li f’isimha ġew iddikjarati meta ġew importati u, fil-każ ta’ importazzjoni irregolari, kull persuna oħra li pparteċipat fl-importazzjoni.
2. Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn wieħed tad-dazju tas-sisa, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum għal dan id-dejn.
Artikolu 9
Il-kondizzjonijiet tal-impożizzjoni tal-ħlas u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha d-dazju jsir dovut fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.
Id-dazju tas-sisa għandu jiġi impost u miġbur u, fejn xieraq, rimborżat jew maħfur skont il-proċedura stabbilita minn kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess proċeduri għall-prodotti nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra.
Artikolu 10
1. Fejn tkun seħħet irregolarità waqt moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li tirriżulta fir-rilaxx għall-konsum tagħhom skont l-Artikolu 7(2)(a), ir-rilaxx għall-konsum ikun seħħ fl-Istat Membru fejn tkun seħħet l-irregolarità.
2. Fejn tkun ġiet skoperta irregolarità waqt moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li tirriżulta fir-rilaxx għall-konsum tagħhom skont l-Artikolu 7(2)(a), u ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat fejn seħħet l-irregolarità, din għandha titqies li tkun seħħet fl-Istat Membru fejn l-irregolarità ġiet skoperta u fil-ħin li din ġiet skoperta.
3. Fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-prodotti ġew rilaxxati għall-konsum jew huma kkunsidrati li ġew rilaxxati għall-konsum għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur.
4. Meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jaslux fid-destinazzjoni tagħhom u ma tkun ġiet skoperta ebda irregolarità matul il-moviment li tirriżulta fir-rilaxx għall-konsum skont l-Artikolu 7(2)(a), għandu jitqies li l-irregolarità saret fl-Istat Membru konsenjatur u fil-ħin li beda l-moviment, sakemm, f’perijodu ta’ erba’ xhur mill-bidu taċ-ċaqliq skont l-Artikolu 20(1), tingħata evidenza li tkun sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur, dwar it-tmiem tal-moviment, skont l-Artikolu 20(2), jew tal-post fejn tkun seħħet l-irregolarità.
Fejn il-persuna li tkun iggarantiet il-ħlas skont l-Artikolu 18 ma kinitx taf jew seta’ ma kinitx taf li l-prodotti ma waslux fid-destinazzjoni taghħom, għandu jingħatalha xahar żmien li jibda jgħodd mill-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur sabiex tippermettilha tipprovdi evidenza dwar it-tmiem tal-moviment skont l-Artikolu 20(2), jew dwar il-post fejn seħħet l-irregolarità.
5. Madankollu, fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4, jekk, qabel ma jiskadi perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha jkun beda l-moviment, skont l-Artikolu 20(1), l-Istat Membru li fih tkun tassew seħħet l-irregolarità jiġi determinat, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.
F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun seħħet l-irregolarità għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun impost il-ħlas tad-dazju tas-sisa, li għandu jwettaq rimborż jew maħfra hekk kif tkun ġiet ipprovduta l-evidenza li nġabar id-dazju tas-sisa fl-Istat Membru l-ieħor.
6. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “irregolarità” għandha tfisser sitwazzjoni li sseħħ waqt il-moviment ta’ prodotti bid-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, għajr dik imsemmija fl-Artikolu 7(4), li minħabba fiha l-moviment jew parti ta’ moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jkunx intemm skont l-Artikolu 20(2).
TAQSIMA 2
Rimborż u maħfra
Artikolu 11
Barra mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 33(6), l-Artikolu 36(5), u l-Artikolu 38(3), kif ukoll dawk previsti fid-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1, id-dazju tas-sisa fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum jistgħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jiġu rimborżati jew maħfura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn dawk il-prodotti ġew rilaxxati għall-konsum fis-sitwazzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri u skont il-kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għall-fini tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.
Tali rimborż jew maħfra ma tistax tirriżulta f’eżenzjonijiet minbarra dawk previsti fl-Artikolu 12 u minn waħda mid-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1.
TAQSIMA 3
Eżenzjonijiet
Artikolu 12
1. Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu eżentati mid-dazju tas-sisa fejn dawn ikunu maħsuba biex jiġu użati:
(a) fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari;
(b) minn organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, u mill-membri ta’ tali organizzazzjonijiet, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu tali organizzazzjonijiet jew minn strumenti ta’ ftehim tal-kwartieri ġenerali;
(ċ) mill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat li huwa parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana minbarra l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mess jew il-kantins tagħhom;
(d) mill-forzi armati tar-Renju Unit stazzjonati f’Ċipru skont it-Trattat tal-Istabbiliment fir-rigward tar-Repubblika ta’ Ċipru datat is-16 ta’ Awwissu 1960, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mess jew il-kantins tagħhom;
(e) għall-konsum taħt ftehim konkluż ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bil-kondizzjoni li tali ftehim ikun permess jew awtorizzat fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud.
2. L-eżenzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni permezz ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa.
Artikolu 13
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1), il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għal għand destinatarju msemmi fl-Artikolu 12(1) għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ eżenzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 43(2), tistabbilixxi l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni.
3. Il-proċedura prevista fl-Artikoli 21 sa 27 m’għandhiex tapplika għall-movimenti ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għall-forzi armati msemmija fl-Artikolu 12(1)(c) jekk huma koperti minn proċedura li hija bbażata direttament fuq it-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-proċedura mniżżla fl-Artikoli 21 sa 27 għandha tintuża għal tali movimenti li jseħħu kompletament fit-territorju tagħhom, jew, permezz ta’ ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati, bejn it-territorji tagħhom.
Artikolu 14
1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-ħlas tad-dazju tas-sisa il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li jiġu ttrasportati fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi għal territorju terz jew għal pajjiż terz li jkunu ser jagħmlu titjira jew vjaġġ bil-baħar.
2. Il-prodotti fornuti abbord inġenju tal-ajru jew vapur matul it-titjira jew il-vjaġġ bil-baħar lejn territorju terz jew pajjiż terz għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħal prodotti fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 jiġu applikati b’tali mod li tiġi evitata kwalunkwe evażjoni, ħrib jew abbuż possibbli.
4. L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Lulju 2008, jiddisponu minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li ma jinsabux f’ajruport jew port jistgħu, sal-1 ta’ Jannar 2017, ikomplu jeskludu d-dazju tas-sisa fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jinbiegħu minn dawn il-ħwienet u li jinġarru fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi li jkunu sejrin f’territorju terz jew f’pajjiż terz.
5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “ħanut ħieles mit-taxxa” tfisser kwalunkwe stabbiliment li jinsab ġewwa ajruport jew port li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari skont il-paragrafu 3;
(b) “vjaġġatur li jkun sejjer f’territorju terz jew f’pajjiż terz” tfisser kwalunkwe passiġġier li jkollu dokument ta’ transport, għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar, li jiddikjara li d-destinazzjoni finali hija ajruport jew port li jinsab f’territorju terz jew f’pajjiż terz.
KAPITOLU III
PRODUZZJONI, PROĊESSAR U ŻAMMA
Artikolu 15
1. Kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli tiegħu dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, soġġett għal din id-Direttiva.
2. Il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx tħallas, għandu jseħħ f’maħżen tat-taxxa.
Artikolu 16
1. Il-ftuħ u t-tħaddim ta’ maħżen tat-taxxa minn magazzinier awtorizzat għandu jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.
Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet huma intitolati li jistabbilixxu għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.
2. Magazzinier awtorizzat għandu jkun meħtieġ li:
(a) jipprovdi, jekk meħtieġ, garanzija li tkopri r-riskju inerenti fil-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;
(b) jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-maħżen tat-taxxa;
(ċ) iżomm, għal kull maħżen tat-taxxa, kontijiet tal-istokk u tal-movimenti tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;
(d) idaħħal fil-maħżen tat-taxxa tiegħu u jdaħħal fil-kontijiet tiegħu hekk kif jintemm il-moviment, il-prodotti kollha bid-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, ħlief fejn japplika l-Artikolu 17(2);
(e) jagħti l-kunsens għal kull monitoraġġ u verifika tal-istokk.
Il-kondizzjonijiet għall-garanzija msemmija fil-punt (a) għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-maħżen tat-taxxa jkun awtorizzat.
KAPITOLU IV
MOVIMENT TA’ PRODOTTI BID-DAZJU TAĦT SOSPENSJONI TAD-DAZJU TAS-SISA
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 17
1. Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jistgħu jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju fit-territorju tal-Komunità, inkluż fejn il-prodotti jittranżitaw permezz ta’ pajjiż terz jew territorju terz:
(a) minn maħżen tat-taxxa għal:
(i) maħżen tat-taxxa ieħor;
(ii) destinatarju reġistrat;
(iii) post fejn il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jħallu t-territorju tal-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1);
(iv) destinatarju msemmi fl-Artikolu 12(1), fejn il-prodotti jintbagħtu minn Stat Membru ieħor;
(b) mill-post tal-importazzjoni għal kwalunkwe destinazzjoni msemmija fil-punt (a), fejn il-prodotti jintbagħtu minn konsenjatur reġistrat.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “post tal-importazzjoni” tfisser il-post fejn il-prodotti jkunu meta dawn jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
2. B’deroga mill-paragrafu 1(a)(i) u (ii) u (b) ta’ dan l-Artikolu, u għajr fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(3), l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, taħt il-kondizzjonijiet li jistabbilixxi, jippermetti li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jiċċirkolaw għal post ta’ konsenja diretta li jinsab fit-territorju tiegħu, fejn dak il-post ikun ġie indikat mill-magazzinier awtorizzat fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jew mid-destinatarju reġistrat.
Dak il-magazzinier awtorizzat jew dak id-destinatarju reġistrat għandhom jibqgħu responsabbli biex jippreżentaw ir-rapport tar-riċeviment imsemmi fl-Artikolu 24(1).
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għall-movimenti tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa b’rata ta’ żero li ma jkunux ġew rilaxxati għall-konsum.
Artikolu 18
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom, għandhom jeħtieġu li r-riskji inerenti fil-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa jkunu koperti minn garanzija pprovduta minn magazzinier awtorizzat jew destinatarju reġistrat.
2. B’deroga għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur, skont il-kondizzjonijiet li huma jistabbilixxu, jistgħu jippermettu li l-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 tiġi pprovduta mit-trasportatur, is-sid tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, id-destinatarju, jew b’mod konġunt minn tnejn jew iżjed minn dawn il-persuni u l-persuni msemmija fil-paragrafu 1.
3. Il-garanzija għandha tkun valida fil-Komunità kollha. Ir-regoli dettaljati tagħha għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
4. L-Istat Membru konsenjatur jista’ jirrinunzja għall-obbligu li tiġi pprovduta l-garanzija għall-movimenti li ġejjin ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju:
(a) il-movimenti li jseħħu kompletament fit-territorju tiegħu;
(b) fejn l-Istati Membri l-oħra kkonċernati jiftiehmu, il-movimenti tal-prodotti tal-enerġija ġewwa l-Komunità bil-baħar jew permezz ta’ pipeline fiss.
Artikolu 19
1. Destinatarju reġistrat la jista’ jżomm u lanqas jibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.
2. Destinatarju reġistrat għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a) qabel ma jintbagħtu l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, jiggarantixxi l-ħlas tad-dazju tas-sisa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni;
(b) fl-aħħar taċ-ċirkolazzjoni, idaħħal fil-kontijiet tiegħu l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li ġew riċevuti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa;
(ċ) jagħti l-kunsens għal kwalunkwe verifika li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li jissodisfaw ruħhom li l-prodotti verament ġew riċevuti.
3. Għal destinatarju reġistrat li jirċievi prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa okkażjonalment biss, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(9) għandha tkun limitata għal kwantità speċifikata ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, għal konsenjatur wieħed u għal perijodu ta’ żmien speċifikat. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-awtorizzazzjoni għal moviment wieħed.
Artikolu 20
1. Il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa għandu jibda, fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 17(1)(a) ta’ din id-Direttiva, meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jitilqu mill-maħżen tat-taxxa minn fejn jintbagħtu u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(b), meta jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
2. Moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa jintemm, fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i), (ii) u (iv) u l-Artikolu 17(1)(b), meta d-destinatarju jkun irċieva l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(iii), meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu ħallew it-territorju tal-Komunità.
TAQSIMA 2
Proċedura li għandha tiġi segwita matul il-moviment ta’ prodotti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa
Artikolu 21
1. Moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandu jitqies li jkun seħħ taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju biss jekk dan ikun seħħ taħt il-kopertura ta’ dokument amministrattiv elettroniku pproċessat skont il-paragrafi 2 u 3.
2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-konsenjatur għandu jissottometti abbozz ta’ dokument amministrattiv elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-prodotti bl-użu ta’ sistema kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE (minn hawn ’il quddiem “is-sistema kompjuterizzata”).
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data fl-abboz tad-dokument amministrattiv elettroniku.
Meta din id-data ma tkunx valida, il-konsenjatur għandu jiġi nfurmat mingħajr dewmien.
Meta din id-data tkun valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jassenjaw kodiċi uniku ta’ referenza amministrattiva u jikkomunikawh lill-konsenjatur.
4. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i), (ii) u (iv), l-Artikolu 17(1)(b) u l-Artikolu 17(2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jgħaddu d-dokument amministrattiv elettroniku minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, li għandhom jgħadduh lid-destinatarju fejn id-destinatarju jkun magazzinier awtorizzat jew destinatarju reġistrat.
Fejn il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu maħsuba għal magazzinier awtorizzat fl-Istat Membru konsenjatur, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jgħaddu d-dokument amministrattiv elettroniku direttament lilu.
5. Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 17(1)(a)(iii) ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jgħaddu d-dokument amministrattiv elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun ippreżentata b’applikazzjoni tal-Artikolu 161(5) tar-Regolament (KE) Nru 2913/92 (minn hawn ‘il quddiem l-“Istat Membru tal-esportazzjoni”), jekk dak l-Istat Membru jkun differenti mill-Istat Membru konsenjatur.
6. Il-konsenjatur għandu jipprovdi lill-persuna li takkumpanja l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa verżjoni stampata tad-dokument amministrattiv elettroniku jew kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor li, b’mod li jista’ jiġi identifikat ċarament, isemmi l-kodiċi uniku ta’ referenza amministrattiva. Għandu jkun possibbli li dan id-dokument jintwera lill-awtoritajiet kompetenti kull darba li jitolbuh matul il-moviment sħiħ taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa.
7. Il-konsenjatur jista’ jikkanċella d-dokument amministrattiv elettroniku jekk il-moviment ma jkunx beda taħt l-Artikolu 20(1).
8. Matul il-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, il-konsenjatur jista’, permezz tas-sistema kompjuterizzata, jemenda d-destinazzjoni u juri destinazzjoni ġdida li għandha tkun waħda mid-destinazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i), (ii) jew (iii) jew, fejn applikabbli, fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 22
1. Fil-każ ta’ movimenti ta’ prodotti ta’ enerġija taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa bil-baħar jew permezz ta’ kanali tal-ilma interni lil destinatarju li ma jkunx magħruf b’mod definit fil-ħin li l-konsenjatur jippreżenta l-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fl-Artikolu 21(2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur jistgħu jawtorizzaw lill-konsenjatur biex f’dak id-dokument iħalli barra d-data dwar id-destinatarju.
2. Hekk kif id-data dwar id-destinatarju ssir magħrufa, u mhux iżjed tard mit-tmiem tal-moviment, il-konsenjatur għandu, waqt li juża l-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(8), jibgħatha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur.
Artikolu 23
L-awtoritàjiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur jistgħu jippermettu lill-kunsenjatur, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru, lill-konsenjatur li jaqsam moviment ta’ prodotti ta’ enerġija taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa f’żewġ movimenti jew aktar, bil-kondizzjoni li:
(1) il-kwantità totali tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma tinbidilx;
(2) il-qsim isir fit-territorju ta’ Stat Membru li jippermetti tali proċedura;
(3) l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jkunu informati dwar il-post fejn isir il-qsim.
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk huma jippermettu lil-movimenti jinqasmu fit-territorju tagħhom u skont liema kondizzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 24
1. Hekk kif jiġu rċevuti l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fi kwalunkwe waħda mid-destinazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i), (ii) jew (iv) jew fl-Artikolu 17(2), id-destinatarju għandu mingħajr dewmien u mhux iżjed tard minn ħamest ijiem xogħol wara t-tmiem tal-moviment, għajr f’każijiet debitament ġustifikati għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti, jissottometti rapport tar-riċeviment tagħhom (minn hawn ’il quddiem ir-“rapport tar-riċeviment”), bl-użu tas-sistema kompjuterizzata.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandhom jiddeterminaw il-proċeduri għall-preżentazzjoni tar-rapport tar-riċeviment tal-prodotti mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 12(1).
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data li tidher fir-rapport tar-riċeviment.
Meta din id-data ma tkunx valida, id-destinatarju għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien.
Meta din id-data tkun valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandhom jikkonfermaw lid-destinatarju r-reġistrazzjoni tar-rapport tar-riċeviment u jgħadduh lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jgħaddu r-rapport tar-riċeviment lill-konsenjatur. Fil-każ li l-post minn fejn jintbagħtu l-prodotti u l-post tad-destinazzjoni jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jgħaddu r-rapport tar-riċeviment direttament lill-konsenjatur.
Artikolu 25
1. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(iii), u, jekk applikabbli, l-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-Direttiva, għandu jsir rapport tal-esportazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-konferma mħejjija mill-uffiċju doganali tal-ħruġ imsemmi fl-Artikolu 793(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju ( 1 ) jew mill-uffiċju fejn jitwettqu l-formalitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva, li jiċċertifika li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu ħallew it-territorju tal-Komunità.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data li tirriżulta mill-konferma msemmija fil-paragrafu 1. Ladarba din id-data tkun verifikata, u meta l-Istat Membru konsenjatur ikun differenti mill-Istat Membru tal-esportazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni għandhom jibagħtu r-rapport tal-esportazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jibagħtu r-rapport tal-esportazzjoni lill-konsenjatur.
Artikolu 26
1. B’deroga mill-Artikolu 21(1), fejn is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fl-Istat Membru konsenjatur, il-konsenjatur jista’ jagħti bidu għal moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospenzjoni ta’ dazji bil-kondizzjoni li:
(a) il-prodotti jkunu akkumpanjati minn dokument f’forma ta’ karta li jkun fih l-istess data bħall-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fl-Artikolu 20(2);
(b) huwa jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur qabel il-bidu tal-moviment.
L-Istat Membru konsenjatur jista’ wkoll jitlob kopja tad-dokument imsemmi fil-punt (a) u, jekk l-indisponibbiltà tkun dovuta għall-konsenjatur, informazzjoni xierqa dwar ir-raġunijiet għal dik l-indisponibbiltà, qabel il-bidu tal-moviment.
2. Meta s-sistema kompjuterizzata terġa’ ssir disponibbli, il-konsenjatur għandu jippreżenta abbozz ta’ dokument amministrattiv elettroniku, f’konformità mal-Artikolu 21(2).
Hekk kif id-data li tidher fid-dokument amministrattiv elettroniku tkun ġiet validata, skont l-Artikolu 21(3), dan id-dokument għandu jissostitwixxi d-dokument f’forma ta’ karta msemmi fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu. L-Artikolu 21(4) u (5), u l-Artikoli 24 u 25 għandhom japplikaw mutatis mutandis.
3. Sal-mument meta d-data li tidher fid-dokument amministrattiv elettroniku kun ġiet validata, il-moviment għandu jitqies li seħħ skont arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji taħt kopertura tad-dokument f’forma ta’ karta msemmi fil-paragrafu 1(a).
4. Kopja tad-dokument f’forma ta’ karta msemmi fil-paragrafu 1(a) għandha tinżamm mill-konsenjatur bħala sostenn tal-kompatibbiltà tar-rekords tiegħu.
5. Meta s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fl-Istat Membru konsenjatur, il-konsenjatur għandu jikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(8) jew fl-Artikolu 23 bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn. Għal dak il-għan, huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur qabel ma tkun saret il-bidla fid-destinazzjoni jew it-taqsim tal-moviment. Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Artikolu 27
1. Meta, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i), (ii) u (iv), fl-Artikolu 17(1)(b) u fl-Artikolu 17(2), ir-rapport tar-riċeviment previst fl-Artikolu 24(1) ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat fit-tmiem ta’ moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-iskadenza prevista f’dak l-Artikolu, jew peress li s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jew peress li, fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(1), il-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 26(2) ma jkunux għadhom twettqu, id-destinatarju għandu jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, dokument f’forma ta’ karta li jkun fih l-istess informazzjoni bħar-rapport tar-riċeviment u li jiċċertifika li l-moviment ikun intemm.
Ħlief fejn ir-rapport tar-riċeviment previst fl-Artikolu 24(1) ikun jista’ jiġi ppreżentat lilhom fi żmien qasir mid-destinatarju permezz tas-sistema kompjuterizzata, jew f’każijiet debitament ġustifikati, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom jibagħtu kopja tad-dokument f’forma ta’ karta msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur, li għandhom jibagħtuha lill-konsenjatur jew iżommuha disponibbli għalih.
Hekk kif is-sistema kompjuterizzata terġa’ ssir disponibbli fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jew il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 26(2) ikunu twettqu, id-destinatarju għandu jippreżenta rapport tar-riċeviment, skont l-Artikolu 24(1). L-Artikolu 24(3) u (4) għandu japplika mutatis mutandis.
2. Meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 17(1)(a)(iii), ir-rapport tal-esportazzjoni previst fl-Artikolu 25(1) ma jkunx jista’ jsir fit-tmiem ta’ moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, jew peress li s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fl-Istat Membru tal-esportazzjoni, jew peress li, fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(1), il-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 26(2) ma jkunux għadhom twettqu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru konsenjatur dokument f’forma ta’ karta li jkun fih l-istess informazzjoni bħar-rapport tal-esportazzjoni u li jiċċertifika li l-moviment ikun intemm, ħlief fejn ir-rapport tal-esportazzjoni previst fl-Artikolu 25(1) ikun jista’ jsir fi żmien qasir permezz tas-sistema kompjuterizzata, jew f’każijiet debitament ġustifikati.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jibagħtu lill-konsenjatur kopja tad-dokument f’forma ta’ karta msemmi fl-ewwel subparagrafu jew iżommuha disponibbli għalih.
Hekk kif is-sistema kompjuterizzata terġa’ ssir disponibbli fl-Istat Membru tal-esportazzjoni jew il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 26(2) ikunu twettqu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni għandhom jibagħtu rapport tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 25(1). L-Artikolu 25(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis.
Artikolu 28
1. Minkejja l-Artikolu 27, ir-rapport tar-riċeviment previst fl-Artikolu 24(1), jew ir-rapport tal-esportazzjoni previst fl-Artikolu 25(1), għandu jikkostitwixxi prova li moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkun intemm, skont l-Artikolu 20(2).
2. B’deroga mill-paragrafu 1, jekk ma jkun hemm l-ebda rapport tal-wasla jew rapport tal-esportazzjoni għal raġunijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 27, prova alternattiva tat-tmiem tal-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa tista’ tiġi pprovduta, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i), (ii) u (iv), l-Artikolu 17(1)(b) u l-Artikolu 17(2), permezz ta’ ċertifikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, ibbażata fuq prova xierqa, li l-oġġetti tas-sisa mibgħuta jkunu waslu fid-destinazzjoni dikjarata tagħhom jew, fil-każ imsemmi fil-punt (iii) tal-Artikolu 16(1)(a), permezz ta’ ċertifikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju doganali tal-ħruġ, li tiċċertifika li l-prodotti tas-sisa jkunu ħallew it-territorju tal-Komunità.
Dokument ippreżentat mid-destinatarju li jkun fih l-istess data bħar-rapport tar-riċeviment jew ir-rapport tal-esportazzjoni għandu jikkostitwixxi prova adegwata għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu.
Meta l-provi adegwati jkunu ġew aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur, dan għandu jtemm il-moviment fis-sistema kompjuterizzata.
Artikolu 29
1. Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 43(2), tadotta miżuri biex tiddetermina:
(a) l-istruttura u l-kontenut tal-messaġġi li għandhom jiġu skambjati għall-finijiet tal-Artikoli 21 sa 25, bejn il-persuni u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati b’moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;
(b) ir-regoli u l-proċeduri relatati mal-iskambji tal-messaġġi msemmija fil-punt (a);
(ċ) l-istruttura tad-dokumenti fil-forma ta’ karta msemmija fl-Artikoli 26 u 27.
2. Kull Stat Membru għandu jiddetermina s-sitwazzjonijiet fejn is-sistema kompjuterizzata tista’ titqies mhux disponibbli u r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’dawn is-sitwazzjonijiet, għall-finijiet ta’ u skont l-Artikoli 26 u 27.
TAQSIMA 3
Proċeduri simplifikati
Artikolu 30
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri simplifikati fir-rigward ta’ movimenti ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju li jseħħu kompletament fit-territorju tagħhom, inkluża l-possibbiltà li ssir rinunzja mir-rekwiżit li dawn il-movimenti jkunu s-suġġett ta’ monitoraġġ elettroniku.
Artikolu 31
Bi ftehim u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati kollha, jistgħu jiġu stabbiliti proċeduri simplifikati għall-finijiet ta’ movimenti frekwenti u regolari ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju li jseħħu bejn it-territorji ta’ żewġ Stati Membri jew iktar.
Din id-dispożizzjoni tinkludi movimenti permezz ta’ pipelines fissi.
KAPITOLU V
MOVIMENTI U TASSAZZJONI TAL-PRODOTTI SOĠĠETTI GĦAD-DAZJU TAS-SISA WARA R-RILAXX GĦALL-KONSUM
TAQSIMA 1
Akkwist minn individwi privati
Artikolu 32
1. Id-dazju tas-sisa fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa akkwistati minn individwu privat għall-użu proprju, u ttrasportati minnu stess minn Stat Membru wieħed għal ieħor, għandu jintalab biss fl-Istat Membru fejn il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu akkwistati.
2. Biex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa msemmija fil-paragrafu 1 ikunux intenzjonati għall-użu proprju ta’ individwu privat, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont b’mod partikolari tal-punti li ġejjin:
(a) l-istatus kummerċjali tad-detentur tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u r-raġunijiet tiegħu għall-pussess tagħhom;
(b) il-post fejn il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu jinsabu jew, jekk ikun il-każ, il-metodu ta’ transport użat;
(ċ) kwalunkwe dokument relatat mal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;
(d) in-natura tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;
(e) il-kwantità tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.
3. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (e) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli ta’ gwida, bħala forma ta’ prova biss. Dawn il-livelli ta’ gwida ma jistgħux ikunu anqas minn:
(a) għall-prodotti tat-tabakk:
— sigaretti: 800 biċċa;
— cigarillos (sigarri li ma jiżnux aktar minn 3 g kull wieħed): 400 biċċa;
— sigarri: 200 biċċa;
— tabakk tat-tipjip: 1,0 kg;
(b) għax-xorb alkoħoliku:
— xorb spirituż: 10 litri;
— prodotti intermedji: 20 litru;
— inbejjed: 90 litru (inkluż mhux aktar minn 60 litru ta’ nbid frizzanti);
— birer: 110 litri.
4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li d-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fl-Istat Membru tal-konsum mal-akkwist ta’ żjut minerali li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor jekk dawk il-prodotti jiġu ttrasportati b’mezzi ta’ trasport atipiċi minn individwu privat jew f’ismu.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, “mezz ta’ trasport atipiku” għandha tfisser it-trasport ta’ karburant minbarra fit-tankijiet tal-vetturi jew f’kontenituri ta’ riżerva adatti kif ukoll it-trasport ta’ prodotti likwidi għat-tisħin minbarra permezz ta’ trakkijiet ċisterna użati għan-nom ta’ negozjanti professjonali.
TAQSIMA 2
Żamma fi Stat Membru ieħor
Artikolu 33
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36(1), jekk prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru jinżammu għal finijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkonsenjati jew użati hemmhekk, huma għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa u d-dazju tas-sisa għandu jintalab f’dak l-Istat Membru l-ieħor.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “iż-żamma għal finijiet kummerċjali” għandha tfisser iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn persuna li mhix individwu privat jew minn individwu privat mhux għal raġunijiet għajr l-użu proprju u ttrasportati minnu, skont l-Artikolu 32.
2. Il-kondizzjonijiet tal-imponibbiltà u r-rati tad-dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha d-dazju jsir imponibbli f’dak l-Istat Membru l-ieħor.
3. Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar imponibbli għandha tkun, skont il-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-persuna li twettaq il-konsenja, jew li żżomm il-prodotti intenzjonati li jiġu kkonsenjati, jew dik li lilha jiġu kkonsenjati l-prodotti fl-Istat Membru l-ieħor.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed jiċċirkolaw fil-Komunità għal finijiet kummerċjali, huma m’għandhomx jitqiesu bħala miżmuma għal dawn il-finijiet sakemm jaslu fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, bil-kondizzjoni li huma jkunu qegħdin jiċċirkolaw taħt kopertura tal-formalitajiet previsti fl-Artikolu 34.
5. Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jinżammu abbord dgħajsa jew inġenju tal-ajru li jagħmel vjaġġi jew titjiriet bejn żewġ Stati Membri iżda li ma jkunux disponibbli għall-bejgħ meta d-dgħajsa jew l-inġenju tal-ajru jkun fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, m’għandhomx jitqiesu li jkunu miżmuma għal finijiet kummerċjali f’dak l-Istat Membru.
6. Id-dazju tas-sisa għandu, fuq talba, jiġi rrimborżat jew maħfur fl-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-rilaxx għall-konsum meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor jsibu li dak id-dazju tas-sisa jkun sar imponibbli u jkun inġabar f’dak l-Istat Membru.
Artikolu 34
1. Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(1), il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom jiċċirkolaw bejn it-territorji tal-Istati Membri differenti taħt il-kopertura ta’ dokument ta’ akkumpanjament li jelenka l-informazzjoni prinċipali mid-dokument imsemmi fl-Artikolu 21(1).
Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 43(2), tadotta miżuri li jistabbilixxu l-forma u l-kontenut tad-dokument ta’ akkumpanjament.
2. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 33(3) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a) qabel ma jiġu kkonsenjati l-prodotti, jippreżentaw dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni u jiggarantixxu l-ħlas tad-dazju tas-sisa;
(b) iħallsu d-dazju tas-sisa tal-Istat Membru tad-destinazzjoni skont il-proċedura stabbilita minn dak l-Istat Membru;
(ċ) jaċċettaw kwalunkwe verifika li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li jiżguraw ruħhom li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu verament ġew riċevuti u li d-dazju tas-sisa imponibbli fuqhom ikun tħallas.
L-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, fis-sitwazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti minnu, jissimplifika jew jikkonċedi deroga mir-rekwiżiti msemmija fil-punt (a). F’dak il-każ, huwa għandu jgħarraf lill-Kummissjoni, li għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 35
1. Meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa diġà rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru jitmexxew għal post tad-destinazzjoni f’dak l-Istat Membru minn fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
(a) dak il-moviment għandu jsir bil-kopertura tad-dokument mehmuż mad-dokument ta’ akkumpanjament imsemmi fl-Artikolu 34(1) u juża itinerarju adatt;
(b) qabel ma jiġu kkonsenjati l-prodotti, il-konsenjatur għandu jagħmel dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-post tat-tluq;
(ċ) id-destinatarju għandu jikkonferma li jkun irċieva l-prodotti skont ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-post tad-destinazzjoni;
(d) il-konsenjatur u d-destinatarju għandhom jaċċettaw kull monitoraġġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom li jiżguraw ruħhom li l-prodotti jkunu ġew riċevuti tabilħaqq.
2. Meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiċċirkolaw ta’ spiss u regolarment skont il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu, bi qbil bejniethom, bil-kondizzjonijiet li jiddeterminaw huma, jissimplifikaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1.
TAQSIMA 3
Bejgħ minn distanza
Artikolu 36
1. Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa diġà rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed, li jinxtraw minn persuna, li ma tkunx il-magazzinier awtorizzat jew destinatarju reġistrat, stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma jwettaqx attività ekonomika indipendenti, u li jiġu kkonsenjati jew ittrasportati lejn Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew f’ismu għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “Stat Membru tad-destinazzjoni” għandha tfisser l-Istat Membru fejn tasal il-konsenja jew tat-trasport.
2. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fl-Istat Membru tad-destinazzjoni fil-mument tal-konsenja tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa. Il-kondizzjonijiet tal-imponibbiltà u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data meta d-dazju jsir imponibbli.
Id-dazju tas-sisa għandu jitħallas skont il-proċedura stabbilita mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.
3. Il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tkun il-bejjiegħ.
Madankollu, l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’ jipprovdi li l-persuna responsabbli għandha tkun rappreżentant fiskali, stabbilit fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u approvat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, jew, f’każijiet fejn il-bejjiegħ ma rrispettax id-dispożizzjoni tal-paragrafu 4(a), id-destinatarju tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.
4. Il-bejjiegħ jew ir-rappreżentant fiskali għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a) qabel jikkonsenja l-oġġetti tas-sisa, jirreġistra l-identità tiegħu u jiggarantixxi l-ħlas tad-dazju tas-sisa fl-uffiċċju kompetenti indikat speċifikament u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru tad-destinazzjoni;
(b) iħallas id-dazju tas-sisa fl-uffiċċju msemmi fil-punt (a) wara l-wasla tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa;
(ċ) iżomm il-kontijiet tal-konsenji tal-prodotti.
L-Istati Membri kkonċernati jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom, jissimplifikaw dawn ir-rekwiżiti fuq il-bażi ta’ strumenti ta’ ftehim bilaterali.
5. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, id-dazju tas-sisa impost fl-ewwel Stat Membru għandu jiġi rrimborżat jew maħfur, fuq talba tal-bejjiegħ, meta l-bejjiegħ jew ir-rappreżentant fiskali tiegħu jkun segwa l-proċeduri previsti fil-paragrafu 4.
6. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li huma koperti b’arranġamenti nazzjonali partikolari ta’ distribuzzjoni.
TAQSIMA 4
Qerda u telf
Artikolu 37
1. Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(1), u fl-Artikolu 36(1), f’każ ta’ qerda totali jew telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa matul it-trasport tagħhom fi Stat Membru li mhux dak fejn ġew rilaxxati għall-konsum, bħala riżultat tan-natura stess tal-prodotti, jew ċirkostanzi mhux prevedibbli, forza maġġuri jew bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, id-dazju tas-sisa m’għandux ikun imponibbli f’dak l-Istat Membru.
Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kkonċernati għandhom jiġu ppruvati għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli jew, meta ma jkunx possibbli li jiġi determinat fejn seħħ it-telf, fejn ġie misjub.
Il-garanzija ppreżentata skont l-Artikolu 34(2)(a) jew l-Artikolu 36(4)(a) għandha tiġi rilaxxata.
2. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet tiegħu stess li taħthom ikun iddeterminat it-telf imsemmi fil-paragrafu 1.
TAQSIMA 5
Irregolaritajiet matul il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa
Artikolu 38
1. Meta titwettaq irregolarità waqt moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 33(1) jew l-Artikolu 36(1), fi Stat Membru li mhux dak fejn ikunu ġew rilaxxati għall-konsum, huma għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa u d-dazju tas-sisa għandu jkun imponibbli fl-Istat Membru fejn tkun twettqet l-irregolarità.
2. Meta tiġi rivelata irregolarità waqt moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 33(1) jew l-Artikolu 36(1) fi Stat Membru li mhux dak fejn ikunu ġew rilaxxati għall-konsum u mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit fejn seħħet l-irregolarità, l-irregolarità għandha titqies li seħħet u d-dazju tas-sisa għandu jkun imponibbli fl-Istat Membru fejn tkun ġiet rilevata l-irregolarità.
Madankollu, jekk qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tliet snin li jgħodd mid-data tal-akkwist tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, jiġi determinat f’liema Stat Membru tkun fil-fatt seħħet l-irregolarità, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.
3. Id-dazju tas-sisa għandu jkun dovut mill-persuna li tkun tat garanzija li ser tħallsu skont l-Artikolu 34(2)(a) jew l-Artikolu 36(4)(a) u minn kwalunkwe persuna li pparteċipat fl-irregolarità.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu ġew rilaxxati għall-konsum għandhom, fuq talba, jagħtu rimborż jew maħfra tad-dazju tas-sisa meta din tkun ġiet imposta fl-Istat Membru fejn twettqet jew ġiet rilevata l-irregolarità. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom jirrilaxxaw il-garanzija ddepożitata skont l-Artikolu 34(2)(a) jew l-Artikolu 36(4)(a).
4. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “irregolarità” tfisser sitwazzjoni li sseħħ waqt moviment tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt l-Artikolu 33(1) jew l-Artikolu 36(1), mhux koperta mill-Artikolu 37 li minħabba fiha moviment, jew parti minn moviment, ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jkunx intemm b’mod regolari.
KAPITOLU VI
MIXXELLANJI
TAQSIMA 1
Marki
Artikolu 39
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkollhom marki fiskali jew marki nazzjonali ta’ identifikazzjoni użati għal finijiet fiskali fil-mument meta l-prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum fit-territorju tagħhom, jew, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 33(1), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 36(1), meta dawn jidħlu fit-territorju tagħhom.
2. Kwalunkwe Stat Membru li jeħtieġ l-użu ta’ marki fiskali jew ta’ marki nazzjonali ta’ identifikazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun meħtieġ li jagħmilhom disponibbli għall-magazzinieri awtorizzati tal-Istati Membri l-oħra. Madankollu, kull Stat membru jista’ jeħtieġ li dawn il-marki jew il-marki fiskali jkunu magħmula disponibbli għal rappreżentant fiskali awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.
3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu sabiex jiżguraw li dan l-Artikolu jiġi implimentat b’mod korrett u biex jevitaw kull tip ta’ evażjoni, ħrib jew abbuż, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amrki fiskali jew il-marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali kif stabbiliti fil-paragrafu 1 ma joħolqux ostakoli għall-moviment ħieles tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.
Meta dawn il-marki jitpoġġew fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, kwalunkwe ammont imħallas jew garantit biex jinkisbu dawn il-marki, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għall-ħruġ tagħhom, għandu jiġi rimborżat, maħfur jew rilaxxat mill-Istat Membru li jkun ħariġhom jekk id-dazju tas-sisa jkun sar imponibbli u nġabar fi Stat Membru ieħor.
L-Istat Membru li ħareġ dawn il-marki jista’ madankollu jirrikjedi li r-rimborż, il-maħfra jew ir-rilaxx tal-ammont imħallas jew garantit ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ provi, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu, li dawn ġew irtirati jew inqerdu.
4. Il-marki fiskali jew il-marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali kif stabbiliti fil-paragrafu 1 għandom ikunu validi fl-Istat Membru li jkun ħariġhom. Madankollu, jista’ jkun hemm rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-marki bejn l-Istati Membri.
TAQSIMA 2
Produtturi żgħar tal-inbid
Artikolu 40
1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-produtturi żgħar tal-inbid mir-rekwiżiti tal-Kapitoli III u IV kif ukoll mill-obbligi l-oħra relatati mal-moviment u l-monitoraġġ. Meta dawn il-produtturi żgħar infushom iwettqu transazzjonijiet intra-Komunitarji, huma għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2001 tal-24 ta’ April 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati tal-applikazzjoni li jikkonċernaw id-dokumenti li jakkumpanjaw il-ġarr ta’ prodotti tal-inbid u r-rekords li għandhom ikunu miżmuma fis-settur tal-inbid ( 2 ).
2. Meta produtturi żgħar tal-inbid ikunu eżentati mir-rekwiżiti skont il-paragrafu 1, id-destinatarju għandu, permezz tad-dokument meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 884/2001 jew b’referenza għalih, jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni bil-konsenji tal-inbid riċevuti.
3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “produtturi żgħar ta l-inbid” għandha tfisser persuni li jipproduċu medja ta’ anqas minn 1 000 ettolitru ta’ nbid fis-sena.
TAQSIMA 3
Imħażen għad-dgħajjes u l-inġenji tal-ajru
Artikolu 41
Sakemm il-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet Komunitarji dwar imħażen għad-dgħajjes u l-inġenji tal-ajru, l-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar l-eżenzjonijiet għal tali imħażen.
TAQSIMA 4
Arranġamenti speċjali
Artikolu 42
L-Istati Membri li kkonkludew Ftehim dwar ir-responsabbiltà għall-kostruzzjoni jew il-manutenzjoni ta’ pont transkonfinali jistgħu jadottaw miżuri ta’ derogazzjoni mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tad-dazju tas-sista fuq il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa użati għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta’ dak il-pont.
Għall-finijiet ta’ dawk il-miżuri, il-pont u s-siti ta’ kostruzzjoni msemmija fil-Ftehim għandhom jitqiesu li huma parti mit-territorju tal-Istat Membru responsabbli mill-kostruzzjoni jew il-manutenzjoni tal-pont skont il-Ftehim.
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.
KAPITOLU VII
KUMITAT DWAR ID-DAZJU TAS-SISA
Artikolu 43
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat imsejjaħ “Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa”.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.
Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit bħala tliet xhur.
Artikolu 44
Il-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa għandu, minbarra l-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 43, jeżamina l-kwistjonijiet li tqajmu mill-president tiegħu, jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru, rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar id-dazju tas-sisa.
KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI
Artikolu 45
1. Sal-1 ta’ April 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tas-sistema kompjuterizzata u, b’mod partikolari, dwar l-obbligi msemmija fl-Artikolu 21(6) u dwar il-proċeduri applikabbli f’każ ta’ indisponibbiltà tas-sistema.
2. Sal-1 ta’ April 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.
3. Ir-rapporti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bbażati b’mod partikolari fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.
Artikolu 46
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri konsenjaturi jistgħu jkomplu jawtorizzaw il-movimenti ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju li nbdew taħt kopertura tal-formalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 15(6) u fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 92/12/KEE.
Dawk il-movimenti, kif ukoll il-proċedura għar-rilaxx tagħhom, għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu kif ukoll għall-Artikolu 15(4) u (5) u l-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/12/KEE. L-Artikolu 15(4) ta’ dik id-Direttiva għandu japplika fir-rigward tal-garanti kollha indikati skont l-Artikolu 18(1) u (2) ta’ din id-Direttiva.
L-Artikoli 21 sa 27 ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal dawk il-movimenti.
2. Il-movimenti ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li nbdew qabel l-1 ta’ April 2010, għandhom jitwettqu u jiġu rilaxxati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12/KEE.
Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawk il-movimenti.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32, l-Istati Membri mhux imsemmija fit-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/79/KEE jistgħu, fir-rigward tas-sigaretti li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju tagħhom mingħajr aktar ħlas ta' dazji tas-sisa, japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014 limitu kwantitattiv ta' mhux inqas minn 300 oġġett fir-rigward ta' sigaretti mdaħħlin minn Stat Membru li japplika, f'konformità mat-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 2(2) ta' dik id-Direttiva, dazji tas-sisa aktar baxxi minn dawk li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha.
L-Istati Membri msemmija fit-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/79/KEE li jimponu dazju tas-sisa ta' mill-anqas EUR 77 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, jistgħu, mill-1 ta' Jannar 2014, japplikaw limitu kwantitattiv ta' mhux inqas minn 300 oġġett fir-rigward ta' sigaretti mdaħħlin fit-territorju tagħhom mingħajr ma jitħallsu aktar dazji tas-sisa minn Stat Membru li japplika dazju tas-sisa aktar baxx f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta' dik id-Direttiva.
L-Istati Membri li japplikaw limitu kwantitattiv f'konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. Huma jistgħu jwettqu l-kontrolli meħtieġa dment li dawn il-kontrolli ma jaffettwawx il-funzjonament korrett tas-suq intern.
Artikolu 47
1. Id-Direttiva 92/12/KEE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ April 2010.
Madankollu, hija għandha tkompli tapplika fil-limiti u għall-finijiet definiti fl-Artikolu 46.
2. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.
Artikolu 48
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ April 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ tali liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi flimkien ma’ tabella li turi l-korrelazzjoni bejnhom u din id-Direttiva.
Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawn il-miżuri għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 49
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 50
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
( 1 ) ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.
( 2 ) ĠU L 128, 10.5.2001, p. 32.