02019R1716 — MT — 11.10.2023 — 005.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/1716

tal-14 ta’ Ottubru 2019

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

(ĠU L 262 15.10.2019, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/606 tat-4 ta' Mejju 2020

  L 139I

1

4.5.2020

►M2

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1276 tat-30 ta’ Lulju 2021

  L 277I

12

2.8.2021

►M3

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/22 tal-10 ta’ Jannar 2022

  L 5I

4

10.1.2022

►M4

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1934 tat-13 ta’ Ottubru 2022

  L 268

1

14.10.2022

►M5

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1935 tat-13 ta’ Ottubru 2022

  L 268

5

14.10.2022

►M6

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2125 tad-9 ta’ Ottubru 2023

  L 

1

10.10.2023




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/1716

tal-14 ta’ Ottubru 2019

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa



Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk asserita permezz ta’ proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li jkunu seħħew qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, taħt kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom, u tinkludi b’mod partikolari:

(i) 

pretensjoni għall-adempiment ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta taħt kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom;

(ii) 

pretensjoni għall-estensjoni jew pagament ta’ bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta’ kwalunkwe forma;

(iii) 

pretensjoni għall-kumpens fir-rigward ta’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) 

kontropretensjoni;

(v) 

pretensjoni għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tkun saret jew ingħatat;

(b) 

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta’ kwalunkwe forma u irrispettivament minn xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar kif ukoll jekk tikkonsisti f’obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew partijiet differenti; għal dak l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti jew le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li ssir taħt it-tranżazzjoni jew b’konnessjoni magħha;

(c) 

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fis-siti web elenkati fl-Anness II;

(d) 

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e) 

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi b’kull mod, inklużi, iżda mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(f) 

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew negozjar fir-rigward ta’ fondi bi kwalunkwe mod li jirriżultaw fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-ġestjoni ta’ portafolli;

(g) 

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, inklużi, iżda mhux limitatament għal:

(i) 

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii) 

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

(iii) 

titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti ta’ derivattivi;

(iv) 

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v) 

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji ta’ adempiment jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi) 

ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ; u

(vii) 

dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(h) 

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.  
Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma l-proprjetà, jew fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.
2.  
L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew għall-beneficċju tagħhom.
3.  

L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont l-Artikoli 1(1) u 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720, ġew identifikati mill-Kunsill bħala:

(a) 

responsabbli għal ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa;

(b) 

li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa;

(c) 

assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 3

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b’dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a) 

neċessarji biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness I u l-membri tal-familja dipendenti ta’ tali persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u imposti ta’ servizzi pubbliċi;

(b) 

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c) 

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) 

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom hija tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e) 

ser jitħallsu f’kont, jew jinħarġu minn kont, ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsubin biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma, fi żmien ġimagħtejn, lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ sentenza arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) 

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d) 

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma, fi żmien ġimagħtejn, lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2(1) u dment li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligu li rriżulta, għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adatti, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b) 

il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 2(2).

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma, fi żmien ġimagħtejn, lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.  
B’deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I, jew li tingħata disponibbiltà għal ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija neċessarja għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċinali, oġġetti tal-ikel jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet min-Nikaragwa.
2.  
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw, fi żmien ġimagħtejn, lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 7

1.  
L-Artikolu 2(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar tal-kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I, dment li kwalunkwe tali żieda f’tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar kwalunkwe tali tranżazzjoni mingħajr dewmien.
2.  

L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a) 

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) 

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 jkunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c) 

pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul u pagament ieħor jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 8

1.  

Bla preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) 

ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni dwar kontijiet u ammonti ffriżati f’konformità mal-Artikolu 2, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu tali informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b) 

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f’kull verifika ta’ din l-informazzjoni.

2.  
Kull informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.
3.  
Kull informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

Artikolu 9

Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 hija pprojbita.

Artikolu 10

1.  
L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tingħata disponibbiltà għal fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettqa bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhomx joħolqu responsabbiltà ta’ ebda tip fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, jew ta’ diretturi jew impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.
2.  
L-azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fuqhom jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.  

Ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness;

(b) 

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’, jew f’isem, waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmijin fil-punt (a).

2.  
Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-adempiment tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jitolbu l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.
3.  
Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nonadempiment ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.  

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

(a) 

fir-rigward ta’ fondi ffriżati taħt l-Artikolu 2 u ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt l-Artikoli 3 sa 6;

(b) 

fir-rigward ta’ problemi relatati ma’ ksur u infurzar u ta’ sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.  
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.  
Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissuġġetta lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, huwa għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ.
2.  
Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, biex b’hekk tali persuna, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3.  
Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

Artikolu 14

1.  
L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.
2.  
L-Anness I għandu jinkludi l-informazzjoni disponibbli meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet u l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 15

1.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li jkunu meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 16

1.  

Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a) 

fir-rigward tal-Kunsill, il-preparazzjoni u l-emendar tal-Anness I;

(b) 

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, il-preparazzjoni ta’ emendi għall-Anness I;

(c) 

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i) 

jiddaħħal il-kontenut tal-Anness I fil-lista kkonsolidata, elettronika, tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(ii) 

l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.  
Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti b’rabta ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u ma’ kundanni penali jew miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għall-preparazzjoni tal-Anness I.
3.  
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill u s-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II u r-Rappreżentant Għoli huma nominati bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 17

1.  
L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.
3.  
Fejn dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li b’xi mod ieħor issir komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jridu jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

▼M4

4.  
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

▼B

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) 

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) 

abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c) 

għal kull persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d) 

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) 

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

▼M3

A.   Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2

▼M1



 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Ramón Antonio AVELLÁN MEDAL

Data tat-twelid: 11 ta’ Novembru 1954

Post tat-twelid: Jinotepe, in-Nikaragwa

Numru tal-passaport: A0008696

Maħruġ: 17 ta’ Ottubru 2011

Validu sa: 17 ta’ Ottubru 2021

Ġeneru: raġel

Deputat Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) u eks kap tal-pulizija f’Masaya. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi kkoordina r-repressjoni tad-dimostranti f’Masaya fl-2018.

4.5.2020

2.

Sonia CASTRO GONZÁLEZ

Data tat-twelid: 29 ta’ Settembru 1967

Post tat-twelid: Carazo, in-Nikaragwa

Numru tal-passaport: A00001526

Maħruġ: 19 ta’ Novembru 2019

Validu sa: 19 ta’ Novembru 2028

Numru tal-ID: 0422909670000N

Ġeneru: mara

Konsulent speċjali għall-President tan-Nikaragwa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u eks Ministru għas-Saħħa. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi xekklet l-aċċess għal assistenza medika ta’ emerġenza għall-popolazzjoni ċivili midruba involuta fid-dimostrazzjonijiet u ordnat lill-persunal tal-isptarijiet biex jirrapportaw lid-dimostranti li ttieħdu l-isptar mill-pulizija.

4.5.2020

▼M5

3.

Francisco Javier DÍAZ MADRIZ

Data tat-twelid: 3 ta’ Awwissu 1961

Sess: maskil

Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) mit-23 ta’ Awwissu 2018 u eks Deputat Direttur Ġenerali tal-NNP. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, inkluż billi mexxa l-forzi tal-pulizija biex iwettqu vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u tortura. Fl-2021, huwa wettaq l-investigazzjonijiet biex jistabbilixxi każijiet kontramexxejja tal-oppożizzjoni arrestati qabel l-elezzjonijiet.

4.5.2020

▼M1

4.

Néstor MONCADA LAU

Data tat-twelid: 2 ta’ Marzu 1954

Ġeneru: raġel

Konsulent personali għall-President tan-Nikaragwa dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali. F’din il-kapaċità, huwa kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali u għall-istabbiliment ta’ politiki repressivi mwettqa mill-Istat tan-Nikaragwa kontra persuni li jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet, rappreżentanti tal-oppożizzjoni u ġurnalisti fin-Nikaragwa minn April 2018 ’il quddiem.

4.5.2020

5.

Luís PÉREZ OLIVAS

Data tat-twelid: 8 ta’ Jannar 1956

Ġeneru: raġel

Kummissarju Ġenerali u Uffiċjal Prinċipali għall-Assistenza Legali (DAEJ) fiċ-ċentru penitenzjarju “El Chipote”. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura, l-użu ta’ forza estensiva, it-trattament ħażin tad-detenuti u forom oħra ta’ trattament degradanti.

4.5.2020

6.

Justo PASTOR URBINA

Data tat-twelid: 29 ta’ Jannar 1956

Ġeneru: raġel

Kap tal-Unità tal-Operazzjonijiet Speċjali tal-Pulizija (DOEP). Kien direttament involut fl-implimentazzjoni ta’ politiki repressivi kontra d-dimostranti u l-oppożizzjoni fin-Nikaragwa, b’mod partikolari f’Managua. F’dan il-kuntest, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

4.5.2020

▼M6

7.

Rosario María MURILLO ZAMBRANA

Psewdonimu: Rosario María MURILLO DE ORTEGA

Pożizzjoni(jiet): Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa (mill-2017). Mart il-President Daniel Ortega

Data tat-twelid: 22 ta’ Ġunju 1951

Post tat-twelid: Managua, Nicaragua

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000106 (Nikaragwa)

Viċi President tan-Nikaragwa, First Lady tan-Nikaragwa u mexxejja taż-Żgħażagħ Sandinisti. Skont il-President Daniel Ortega, li jippreżentaha bħala l-“kopresident” de facto tal-pajjiż, Rosario María Murillo Zambrana taqsam nofs is-setgħa miegħu. Hija qdiet rwol strumentali biex tħeġġeġ u tiġġustifika r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet tal-oppożizzjoni mill-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa fl-2018. F’Ġunju 2021, hija heddet pubblikament lill-oppożizzjoni tan-Nikaragwa u skreditat lill-ġurnalisti indipendenti. Dak it-theddid ġie ripetut minn dak iż-żmien ’l hawn. Fi Frar 2023, Daniel Ortega żvela li Rosario María Murillo Zambrana hija l-istigatur ta’ repressjonijiet ġodda, jiġifieri relatati mat-tkeċċija u ċ-ċaħda taċ-ċittadinanza ta’ 222 priġunier politiku.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar tad-demokrazija fin-Nikaragwa.

2.8.2021

8.

Gustavo Eduardo PORRAS CORTÉS

Pożizzjoni(jiet): President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tan-Nikaragwa (minn Jannar 2017)

Data tat-twelid: 11 ta’ Ottubru 1954

Post tat-twelid: Managua, Nicaragua

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

President tal-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa minn Jannar 2017 u membru tad-direzzjoni nazzjonali tal-Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni Sandinista (FSLN) mill-1996.

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala l-President tal-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa, huwa responsabbli għall-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ diversi atti legali repressivi, fosthom liġi dwar l-amnestija li tipprekludi kwalunkwe investigazzjoni tal-awturi ta’ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem fl-2018, liġijiet li jimminaw il-libertà u l-proċess demokratiku fin-Nikaragwa, u liġijiet li jċaħħdu d-drittijiet ċivili tal-popolazzjoni ċivili, inkluż l-Isqof ta’ Matagalpa, Rolando José Álvarez Lagos.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni demokratika, ir-rappreżentanti tal-Knisja kif ukoll għall-imminar serju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

▼M2

9.

Juan Antonio VALLE VALLE

Pożizzjoni(jiet): Mexxej fil-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa

Grad: Ġeneral/Kummissarju Għoli

Data tat-twelid: 4 ta’ Mejju 1963

Post tat-twelid: Matagalpa, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Mexxej fil-grad ta’ kummissarju għoli (it-tieni l-għola grad) tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) u f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-pulizija f’Managua, Juan Antonio Valle Valle huwa responsabbli għal atti ta’ brutalità ripetuta mill-pulizija u użu eċċessiv tal-forza li rriżultaw fl-imwiet ta’ mijiet ta’ ċittadini, għal arresti u detenzjonijiet arbitrarji, għal ksur tal-libertà tal-espressjoni u għall-prevenzjoni ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-gvern.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

2.8.2021

10.

Ana Julia GUIDO OCHOA

Psewdonimu: Ana Julia GUIDO DE ROMERO

Pożizzjoni(jiet): Avukat Ġenerali tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 16 ta’ Frar 1959

Post tat-twelid: Matagalpa, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tagħha bħala Avukat Ġenerali, l-ogħla impjegat taċ-ċivil fl-Uffiċċju tal-Prosekutur, Ana Julia Guido Ochoa, li hija leali lejn ir-reġim ta’ Ortega, hija responsabbli għall-prosekuzzjoni politikament motivata ta’ bosta dimostranti u membri tal-oppożizzjoni politika. Hija ħolqot unità speċjalizzata li fasslet allegazzjonijiet kontra d-dimostranti u ressqet akkużi kontrihom. Barra minn hekk, hija responsabbli għall-iskwalifika mill-kariga pubblika tal-kandidat prinċipali tal-oppożizzjoni għall-elezzjonijiet ġenerali.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

▼M6

11.

Fidel de Jesús DOMÍNGUEZ ÁLVAREZ

Pożizzjoni(jiet): Kap tal-pulizija f’Leon, Kummissarju Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali

Data tat-twelid: 21 ta’ Marzu 1960

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-pulizija f’Leon mit-23 ta’ Awwissu 2018 u wara Kummissarju Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali minn Settembru 2020, Fidel de Jesús Domínguez Alvarez huwa responsabbli għal għadd ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari arresti u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż il-ħtif ta’ membri tal-familja ta’ avversarju politiku, theddid ta’ mewt, l-użu eċċessiv tal-forza u l-ksur tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media. Huwa meqjus bħala wieħed mill-esponenti ewlenin tar-repressjoni kontra l-oppożizzjoni demokratika fir-reġjun ta’ Leon.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

2.8.2021

▼M2

12.

Alba Luz RAMOS VANEGAS

Pożizzjoni(jiet): President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 3 ta’ Ġunju 1949

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A0009864 (in-Nikaragwa)

Fil-pożizzjoni tagħha bħala President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tan-Nikaragwa, hija responsabbli għall-istrumentalizzazzjoni tal-ġudikatura favur l-interessi tar-reġim ta’ Ortega, permezz tal-kriminalizzazzjoni selettiva tal-attivitajiet tal-oppożizzjoni, u b’hekk tipperpetwa x-xejra ta’ ksur tad-drittijiet għal proċess ġust, arresti arbitrarji, u l-iskwalifika ta’ partiti politiċi u kandidati tal-oppożizzjoni.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar serju tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

13.

Juan Carlos ORTEGA MURILLO

Pożizzjoni(jiet): Direttur fil-Canal 8 u Difuso Comunicaciones. Mexxej tal-Moviment Sandinista tal-4 ta’ Mejju, Iben il-President u Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 17 ta’ Ottubru 1982

Nazzjonalità: Nikaragwana

Iben il-President Daniel Ortega u l-First Lady u l-Viċi President Rosario Murillo. Direttur ta’ wieħed mill-istazzjonijiet televiżivi ewlenin ta’ propaganda, Canal 8, u l-mexxej tal-Moviment Sandinista tal-4 ta’ Mejju. Fil-pożizzjoni tiegħu, huwa kkontribwixxa għar-restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media. Huwa hedded pubblikament lin-negozjanti tan-Nikaragwa li jopponu r-reġim ta’ Ortega. Għalhekk huwa responsabbli għall-imminartad-demokrazija u r-ripressjoni tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa. Minħabba li huwa iben il-Viċi President Rosario Murillo, huwa assoċjat ma’ persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-ripressjoni tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa.

2.8.2021

14.

Bayardo ARCE CASTAÑO

Pożizzjoni(jiet): Konsulent Ekonomiku għall-President tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 21 ta’ Marzu 1950

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Konsulent Ekonomiku għall-President Daniel Ortega, Bayardo Arce Castano għandu influwenza sinifikanti fuq il-politiki tar-reġim ta’ Ortega. Huwa għalhekk assoċjat ma’ persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa.

Huwa appoġġa l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni li tipprevjeni lil kandidati tal-oppożizzjoni milli jieħdu sehem fl-elezzjonijiet. Għalhekk huwa responsabbli għal repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

2.8.2021

▼M3

15.

Camila Antonia ORTEGA MURILLO

Pożizzjoni: Bint Daniel Ortega u Rosario Murillo, Konsulent għall-Presidenza, Koordinatur tal-Kummissjoni għal Ekonomija Kreattiva, Direttur tal-istazzjon televiżiv Canal 13

Data tat-twelid: 4.11.1987

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000114 (Nikaragwa)

Numru tal-ID: 001-041187-0001B

Camila Antonia Ortega Murillo, hija involuta mill-qrib f'azzjonijiet li jappoġġaw lill-koppja presidenzjali Daniel Ortega u Rosario Murillo, bħala konsulent għall-Presidenza, assistent personali tal-Viċi President u Koordinatur tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Ekonomija Kreattiva. Hija wkoll id-Direttur tal-pjattaforma Nicaragua Diseña u tal-istazzjon televiżiv Canal 13.

Hija responsabbli għall-użu ta’ Nicaragua Diseña biex tappoġġa l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari frodulenti, li saru fis-7 ta' Novembru 2021, billi ħolqot kontijiet foloz fuq pjattaformi differenti tal-media soċjali.

Bħala d-Direttur ta' Canal 13, hija kkontribwiet għat-tixrid tad-diskors ta' mibegħda tar-reġim ta’ Ortega kontra l-oppożizzjoni ċivika, filwaqt li llimitat il-pluralità editorjali u ppersegwitat ġurnalisti u mezzi tal-media indipendenti fin-Nikaragwa, biex b'hekk eliminat il-libertà tal-espressjoni u l-kompetizzjoni elettorali reali. Hija kellha rwol ċentrali fit-trażżin tal-pluraliżmu politiku u d-diżartikolazzjoni definittiva tad-demokrazija tan-Nikaragwa.

Hija għalhekk assoċjata ma' persuni responsabbli għall-imminar tad-demokrazija u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u hija qed tappoġġa tali repressjoni u ksur.

10.1.2022

16.

Laureano Facundo ORTEGA MURILLO

Iben Daniel Ortega u Rosario Murillo, Konsulent għall-Presidenza

Data tat-twelid: 20.11.1982

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000684 (Nikaragwa)

Numru tal-ID: 001-201182-0046M

Laureano Facundo Ortega Murillo huwa involut mill-qrib f'azzjonijiet li jappoġġaw lill-koppja presidenzjali Daniel Ortega u Rosario Murillo, bħala konsulent għall-Presidenza. Huwa ġġustifika u appoġġa l-priġunerija arbitrarja u illegali ta' mexxejja tal-oppożizzjoni politika u prekandidati presidenzjali tan-Nikaragwa, mexxejja studenteski u rurali jew ġurnalisti indipendenti, li kollha kemm huma rrefera għalihom bħala “terroristi”. Billi kkontribwixxa għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni elettorali reali, huwa kellu rwol ċentrali fit-trażżin tal-pluraliżmu politiku u d-diżartikolazzjoni definittiva tad-demokrazija tan-Nikaragwa.

Huwa aġixxa bħala konsulent ekonomiku għal missieru Daniel Ortega u r-reġim ta’ Ortega permezz tal-aġenzija governattiva ProNicaragua. Barra minn hekk, huwa responsabbli għall-operat ta' BanCorp – entità li l-għan ewlieni tagħha huwa li tassisti, tisponsorja u tappoġġa finanzjarjament l-attivitajiet repressivi ta' ommu, il-Viċi President Rosario Murillo.

Huwa għalhekk assoċjat ma' persuni responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u huwa qed jappoġġa tali repressjoni u ksur.

10.1.2022

▼M6

17.

Brenda Isabel ROCHA CHACÓN

Pożizzjoni(jiet): President tal-Kunsill Elettorali Suprem

Data tat-twelid: 10.2.1967

Post tat-twelid: Bonanza, Nicaragua

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Brenda Isabel Rocha Chacón ilha minn Mejju 2021 President tal-Kunsill Elettorali Suprem (Supreme Electoral Council-SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2021 u l-elezzjonijiet lokali tas-6 ta’ Novembru 2022 li, minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom, ta’ oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajfu l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet f’kondizzjonijiet mhux demokratiċi.

Għalhekk hija responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

18.

Cairo Melvin AMADOR ARRIETA

Pożizzjoni(jiet): Viċi-President tal-Kunsill Elettorali Suprem

Data tat-twelid: 1952

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Cairo Melvin Amador Arrieta ilu minn Mejju 2021 il-Viċi-President tal-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2021 u l-elezzjonijiet lokali tas-6 ta’ Novembru 2022, li minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom, ta’ oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajfu l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għall-elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet f’kondizzjonijiet mhux demokratiċi.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

19.

Lumberto Ignacio CAMPBELL HOOKER

Pożizzjoni(jiet): Membru tal-Kunsill Elettorali Suprem, aġent President tal-Kunsill Elettorali Suprem fl-2018

Data tat-twelid: 3.12.1949

Post tat-twelid: Raas, Nicaragua

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00001109 (Nikaragwa)

Numru tal-karta tal-identità: 6010302490003J

Lumberto Ignacio Campbell Hooker ilu mill-2014 membru tal-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) – korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2021 u l-elezzjonijiet lokali tas-6 ta’ Novembru 2022, li minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom, ta’ oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajfu l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet f’kondizzjonijiet mhux demokratiċi. Il-mandat tiegħu bħala membru tas-SEC ġie mġedded mill-Assemblea Ġenerali f’Mejju 2021.

Huwa tkellem mal-media matul l-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2021 u l-elezzjonijiet lokali tas-6 ta’ Novembru 2022, u ġġustifika u faħħar l-organizzazzjoni tagħhom.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

▼M3

20.

Nahima Janett DÍAZ FLORES

Direttur tal-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta, bint id-Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa Francisco Javier Díaz Madriz

Data tat-twelid: 28.6.1989

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Nahima Janett Díaz Flores hija d-Direttur tal-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta (Nicaraguan Institute of Telecommunications and Posts-TELCOR), l-entità regolatorja għat-telekomunikazzjoni u s-servizzi tal-posta. TELCOR intuża mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex isikket lill-media indipendenti, inkluż tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet mill-2018.Matul il-kampanja tal-elezzjonijiet ġenerali tal-2021, TELCOR kien qed jimplimenta kampanji ta' diżinformazzjoni fuq skala kbira. Bħala l-istituzzjoni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-“liġi dwar iċ-ċibersigurtà”, TELCOR kien qed imexxi u jopera azzjonijiet ta' sorveljanza fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

Fil-pożizzjoni tagħha, Nahima Díaz Flores aġixxiet bħala sostenitur tar-reġim ta’ Ortega, u kienet mexxiet u operat azzjonijiet ta' diżinformazzjoni u sorveljanza permezz ta' TELCOR fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. Hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għad-dgħajfien tad-demokrazija fin-Nikaragwa.

10.1.2022

21.

Luis Ángel MONTENEGRO ESPINOZA

Supretendent tas-Suprintendenza tal-Banek u Istituzzjonijiet Finanzjarji oħra tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 1.1.1949

Post tat-twelid: Esteli, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Indirizz: Planes De Puntaldia Casa #16, Managua, Nicaragua

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-ID: 1610101490000S

Luis Ángel Montenegro Espinoza huwa s-Supretendent tas-Suprintendenza tal-Banek u Istituzzjonijiet Finanzjarji oħra tan-Nikaragwa (Superintendency of Banks and other Financial Institutions - (SIBOIF). F’ dik il-pożizzjoni huwa responsabbli għall-persekuzzjoni tal-atturi finanzjarji li rreżistew il-politiki tar-reġim ta' Ortega, kif ukoll għall-infurzar tal-kontroll tar-reġim fuq is-settur finanzjarju.

Hu nħatar għal dik il-pożizzjoni direttament minn Daniel Ortega, bħala premju għal-lealtà tiegħu. Fir-rwol preċedenti tiegħu bħala Kontrollur Ġenerali tar-Repubblika huwa żgura li l-attivitajiet finanzjarji korrotti ta' Ortega ma jiġux awditjati u kkontribwixxa bl-istess mod għall-kontroll tar-reġim min-naħa ta' Ortega.

Huwa għalhekk responsabbli għall-imminar tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa kif ukoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

10.1.2022

B.   Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2



 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa

La Policía Nacional Nicaragüense

Kwartieri ġenerali: Managua, in-Nikaragwa

Data tal-istabbiliment: 22.08.1979

Sit web: http://www.policia.gob.ni/

Il-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa hija responsabbli għat-trattament degradanti, inkluż tortura fiżika u psikoloġika, ta’dawk li opponew ir-reġim ta' Ortega. Hija responsabbli għall-priġunerija illegali ta' prekandidati presidenzjali, mexxejja tas-soċjetà ċivili, mexxejja studenteski u rurali jew ġurnalisti indipendenti mingħajr ebda garanzija legali u demokratika.

Il-Pulizija Nazzjonali kienet strumentali biex Daniel Ortega jevita li jiffaċċa kwalunkwe oppożizzjoni demokratika reali matul l-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021. Qabel dawk l-elezzjonijiet, il-Pulizija Nazzjonali wettqet sorveljanza u persekuzzjoni kontinwi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, dħul illegali fid-djar residenzjali, u arresti arbitrarji ta' membri tal-oppożizzjoni, u heddet b'mod sistematiku impjegati pubbliċi.

Fl-2018, il-Pulizija Nazzjonali kienet involuta fil-qtil ta' dimostranti paċifiċi madwar in-Nikaragwa.

Il-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

2.

Kunsill Elettorali Suprem

Consejo Supremo Electoral

Indirizz: Pista Juan Pablo II, Managua 14005, Nicaragua

Sit web: https://www.cse.gob.ni/

Email: info@cse.gob.ni

Il-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) huwa l-korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta' Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ta' oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet f'kondizzjonijiet mhux demokratiċi.

Is-SEC huwa għaldaqstant responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, kif ukoll għall-imminar serju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022

▼M6

3.

L-Istitut tan-Nikaragwa għat-Telekomunikazzjoni u s-Servizzi tal-Posta

Indirizz: Avenida Bolívar, Esquina diagonal al edifico de la Cancillería, Aptdo 2664, Managua, 10000, Nicaragua

Data tar-reġistrazzjoni: 12.6.1982

Sit web: https://www.telcor.gob.ni

In-Nicaraguan Institute of Telecommunications and Postal Services (TELCOR) huwa l-entità regolatorja għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u dawk postali. Dan intuża mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex isikket lill-media indipendenti, inkluż tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet mill-2018 ’l hawn, matul ir-repressjoni tal-2018 u wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-2021. Matul il-kampanja tal-elezzjonijiet ġenerali, TELCOR kien qed jimplimenta kampanja ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira. Bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-“liġi dwar iċ-ċibersigurtà”, TELCOR kien qed imexxi u jopera azzjonijiet ta’ sorveljanza fir-rigward tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika. Barra minn hekk, TELCOR kompla l-kampanja tiegħu ta’ kontroll strett tal-media, billi għalaq l-istazzjonijiet tar-radju qrib l-oppożizzjoni demokratika.

TELCOR huwa għaldaqstant responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

10.1.2022

▼M4




ANNESS II

Siti web għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy-areas/peace-and-security/sanctions/belgian-authorities-in-charge-implementation-restrictive-measures-eu

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

IĊ-ĊEKJA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

L-ESTONJA

https://vm.ee/sanktsioonid-ekspordi-ja-relvastuskontroll/rahvusvahelised-sanktsioonid

L-IRLANDA

https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

L-ITALJA

https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/

ĊIPRU

https://mfa.gov.cy/themes/

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

MALTA

https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

IL-PORTUGALL

https://portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

https://um.fi/pakotteet

L-IŻVEZJA

https://www.regeringen.se/sanktioner

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Directorate-General for Financial Stability, Financial Services and Capital Markets Union (DG FISMA)

Rue de Spa 2

B-1049 Brussels, Belgium

Email: relex-sanctions@ec.europa.eu.