02021R1057 — MT — 30.06.2021 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2021/1057 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Ġunju 2021

li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013

(ĠU L 231 30.6.2021, p. 21)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 421, 26.11.2021, p.  75 (2021/1057)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2021/1057 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Ġunju 2021

li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013



WERREJ

Parti I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Artikolu 3

Objettivi ġenerali tal-ESF+ u metodi tal-implimentazzjoni

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi tal-ESF+

Artikolu 5

Baġit

Artikolu 6

Ugwaljanza bejn il-ġeneri, opportunitajiet indaqs u nondiskriminazzjoni

Parti II

Implimentazzjoni taħt ġestjoni kondiviża

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet komuni dwar il-programmazzjoni

Artikolu 7

Konsistenza u konċentrazzjoni tematika

Artikolu 8

Rispett tal-Karta

Artikolu 9

Sħubija

Artikolu 10

Appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn

Artikolu 11

Appoġġ għall-impjiegi taż-żgħażagħ

Artikolu 12

Appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi

Kapitolu II

Appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

Artikolu 13

Kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 14

Azzjonijiet soċjali innovattivi

Artikolu 15

Kooperazzjoni tranżnazzjonali

Artikolu 16

Eliġibbiltà

Artikolu 17

Indikaturi u rappurtar

Kapitolu III

Appoġġ tal-FSE+ li jindirizza d-deprivazzjoni materjali

Artikolu 18

Kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 19

Prinċipji

Artikolu 20

Il-kontenut tal-prijorità

Artikolu 21

Eliġibbiltà tal-operazzjonijiet

Artikolu 22

Eliġibbiltà tan-nefqa

Artikolu 23

Indikaturi u rappurtar

Artikolu 24

Awditu

Parti III

Implimentazzjoni taħt ġestjoni diretta u indiretta

Kapitolu I

Objettivi operazzjonali

Artikolu 25

Objettivi operazzjonali

Kapitolu II

Eliġibbiltà

Artikolu 26

Azzjonijiet eliġibbli

Artikolu 27

Entitajiet eliġibbli

Artikolu 28

Prinċipji orizzontali

Artikolu 29

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi

Kapitolu III

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 30

Forom ta’ tal-Unjoni u metodi tal-implimentazzjoni

Artikolu 31

Programm ta’ ħidma

Artikolu 32

Monitoraġġ u rappurtar

Artikolu 33

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Artikolu 34

Evalwazzjoni

Artikolu 35

Awditi

Artikolu 36

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

Parti IV

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 37

Eżerċizzju tad-delega

Artikolu 38

Proċedura ta’ Kumitat għall-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

Artikolu 39

Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 163 TFUE

Artikolu 40

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

Artikolu 41

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-fergħa tal-EaSI

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

ANNESS I

Indikaturi komuni għal appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

ANNESS II

Indikaturi komuni għall-azzjonijiet tal-FSE+ li jimmiraw l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn fi ħdan l-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l), f’konformità mal-Artikolu 7(5), l-ewwel subparagrafu

ANNESS III

Indikaturi komuni għall-appoġġ tal-FSE+ biex tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali

ANNESS IV

Indikaturi għall-fergħa tal-EaSI



PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), li jikkonsisti f’żewġ fergħat: fergħa taħt ġestjoni kondiviża (il-“fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża”) u l-fergħa tal-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (il-“fergħa tal-EaSI”).

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-FSE+, il-baġit tiegħu għall-perijodu 2021 sal-2027, il-metodi tal-implimentazzjoni, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan il-finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“tagħlim tul il-ħajja” tfisser tagħlim fil-forom kollha tiegħu, jiġifieri, tagħlim formali, mhux formali u informali li jseħħ fl-istadji kollha tal-ħajja u li jirriżulta f’titjib jew aġġornament fl-għarfien, fil-ħiliet, fil-kompetenzi u fl-attitudnijiet jew il-parteċipazzjoni fis-soċjetà f’perspettiva personali, ċivika, kulturali, soċjali jew relatata mal-impjieg, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza u gwida, inkluż l-edukazzjoni bikrija u l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni għall-adulti, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u ambjenti oħra ta’ tagħlim barra l-edukazzjoni u t-taħriġ formali u tipikament jippromwovi l-kooperazzjoni transsettorjali u perkorsi ta’ tagħlim flessibbli;

(2) 

“nazzjonal ta’ pajjiż terz” tfisser persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni inkluż persuni apolidi u persuni b’ nazzjonalità mhux iddeterminata;

(3) 

“assistenza materjali bażika” tfisser oġġetti li jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuna għal ħajja dinjituża, bħal ħwejjeġ, prodotti tal-iġjene, inkluż prodotti tal-iġjene tan-nisa, u materjal tal-iskola;

(4) 

“grupp żvantaġġat” tfisser grupp ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż persuni li qed iġarrbu jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar, esklużjoni soċjali jew diskriminazzjoni fid-diversi dimensjonijiet tagħha;

(5) 

“kompetenzi ewlenin” tfisser l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġ kull individwu, f’kwalunkwe stadju ta’ ħajtu, għas-sodisfazzjoni u l-iżvilupp personali tagħhom, għal impjieg, għall-inklużjoni soċjali u għal ċittadinanza attiva jiġifieri l-litteriżmu; multilingwi; il-matematika, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-arti u l-inġinerija; il-ħiliet diġitali; ħiliet medjatiċi; personali, ħiliet soċjali u fit-tagħlim dwar kif wieħed jitgħallem; ħiliet ta’ ċittadinanza attiva; intraprenditorija; il-kuxjenza u l-espressjoni kulturali u interkulturali; u l-ħsieb kritiku;

(6) 

“persuni l-aktar fil-bżonn” tfisser persuni fiżiċi, kemm jekk individwi, familji, unitajiet domestiċi jew gruppi ta’ persuni bħal dawn, inkluż tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u persuni mingħajr dar, li l-bżonn tagħhom għall-assistenza ġie stabbilit skont il-kriterji oġġettivi li huma stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati rilevanti filwaqt li jiġu evitati konflitti ta’ interess, u li jistgħu jinkludu elementi li jippermettu li jiġu mmirati persuni l-aktar fil-bżonn f’ċerti żoni ġeografiċi;

(7) 

“riċevituri aħħarin” tfisser il-persuni l-aktar fil-bżonn li jirċievu l-appoġġ kif stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (m);

(8) 

“innovazzjonijiet soċjali” tfisser attività li hija soċjali kemm fir-rigward tal-finijiet tagħha kif ukoll tal-mezzi tagħha u b’mod partikolari attività li għandha x’taqsam mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ ideat ġodda li jikkonċernaw prodotti, servizzi, prattiki u mudelli li fl-istess ħin tissodisfa l-ħtiġijiet soċjali u toħloq relazzjonijiet jew kollaborazzjonijiet soċjali ġodda bejn organizzazzjonijiet pubbliċi, tas-soċjetà ċivili jew privati, biex b’hekk jagħmlu l-ġid fis-soċjetà u jixprunaw il-kapaċità tagħha li taġixxi;

(9) 

“miżura ta’ akkumpanjament” tfisser attività mogħtija flimkien mad-distribuzzjoni tal-ikel u/jew ta’ assistenza materjali bażika bil-għan li tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali u li tikkontribwixxi biex jinqered il-faqar, pereżempju r-referimenti lil jew l-għoti ta’ servizzi soċjali u tas-saħħa, inkluż appoġġ psikoloġiku, jew l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti dwar is-servizzi pubbliċi jew pariri dwar il-ġestjoni tal-baġit tal-familja;

(10) 

“esperimentazzjonijiet soċjali” tfisser intervent politiku li għandhom l-għan li jagħtu rispons innovattiv għall-ħtiġijiet soċjali, implimentati fuq skala żgħira u f’kundizzjonijiet li jippermettu li l-impatt tagħha jitkejjel, qabel ma jiġu implimentati f’kuntesti oħra inkluż dawk ġeografiċi u settorjali, jew implimentata fuq skala akbar, jekk ir-riżultati juru li huma pożittivi;

(11) 

“sħubijiet transkonfinali” tfisser struttura ta’ kooperazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali jew is-soċjetà ċivili li tinsab f’tal-inqas żewġ Stati Membri;

(12) 

“mikrointrapriża” tfisser intrapriża b’anqas minn 10 impjegati u b’fatturat annwali jew b’karta bilanċjali inqas minn EUR 2 000 000 ;

(13) 

“intrapriża soċjali” tfisser impriża, irrispettivament mill-forma legali tagħha, inkluż intrapriżi tal-ekonomija soċjali, jew persuna fiżika li:

(a) 

f’konformità mal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha, l-istatuti tagħha jew ma kwalunkwe dokument legali ieħor li jistgħu jwasslu għal responsabbiltà skont ir-regoli tal-Istat Membru fejn intrapriża soċjali tkun stabbilita, ikollha l-kisba ta’ impatti soċjali li jistgħu jitkejlu u pożittivi, li jistgħu jinkludu impatti ambjentali, bħala l-objettiv soċjali primarju tagħha minflok il-ġenerazzjoni ta’ qligħ għal finijiet oħrajn, u li tipprovdi servizzi jew oġġetti li jiġġeneraw redditu soċjali, jew tuża metodi tal-produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkorporaw objettivi soċjali;

(b) 

l-ewwel nett tinvesti l-qligħ tagħha biex tilħaq l-objettiv soċjali primarju tagħha, u jkollha proċeduri u regoli predefiniti li jiżguraw li d-distribuzzjoni tal-profitti ma tipperikolax l-objettiv soċjali primarju;

(c) 

tkun ġestita b’mod intraprenditorjali, parteċipattiv, responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari bl-involviment tal-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati li l-attivitajiet kummerċjali tagħha jkollhom impatt fuqhom;

(14) 

“valur ta’ referenza” tfisser valur li jintuża biex jiġu stabbiliti miri għal indikaturi komuni tar-riżultat u għal indikaturi tar-riżultat speċifiċi għall-programm, u bbażat fuq interventi simili eżistenti jew preċedenti;

(15) 

“spejjeż għax-xiri tal-ikel u/jew assistenza materjali bażika” tfisser l-ispejjeż effettivi li huma marbuta max-xiri tal-ikel u/jew assistenza materjali bażika mill-benefiċjarju u li mhumiex limitati għall-prezz tal-ikel u/jew tal-assistenza materjali bażika;

(16) 

“mikrofinanzjament” tinkludi garanziji, mikrokreditu, ekwità u kważi ekwità, akkoppjati ma’ servizzi tal-żvilupp kummerċjali ta’ akkumpanjament bħal dawk ipprovduti fil-forma ta’ konsulenza individwali, taħriġ u mentoraġġ, estiżi għal persuni u mikrointrapriżi li jesperjenzaw diffikultajiet biex jaċċessaw il-kreditu għall-finijiet ta’ attivitajiet professjonali u li jiġġeneraw dħul;

(17) 

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni, inkluż fi ħdan faċilità ta’ taħlit kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (6), tar-Regolament Finanzjarju, li jikkombinaw forom ta’ appoġġ mhux rimborżabbli jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni flimkien ma’ forom ta’ appoġġ rimborżabbli mingħand istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet oħra tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll mingħand istituzzjonijiet tal-finanzjament kummerċjali u investituri;

(18) 

“entità ġuridika” tfisser persuna fiżika jew persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali, li għandha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma għandhiex personalità ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 197(2), il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju;

(19) 

“indikaturi komuni tar-riżultat immedjat” tfisser indikatur komuni tar-riżultati li jaqbad l-effetti fi żmien erba’ ġimgħat mill-jum li fih il-parteċipant ikun telaq mill-operazzjoni;

(20) 

“indikaturi komuni tar-riżultat aktar fit-tul” tfisser indikatur komuni tar-riżultati li jaqbad l-effetti wara sitt xhur mill-jum li fih il-parteċipant ikun telaq mill-operazzjoni.

2.  
Id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandhom japplikaw ukoll għall-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża.

Artikolu 3

Objettivi ġenerali tal-ESF+ u metodi ta’ implimentazzjoni

1.  
L-FSE+ għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jiksbu livelli għoljin ta’ impjiegi, protezzjoni soċjali ġusta u forza tax-xogħol reżiljenti u ta’ kompetenza li tkun lesta għad-dinja futura tax-xogħol, kif ukoll soċjetajiet inklużivi u koeżivi li jkollhom l-għan li jeqirdu l-faqar u li jwettqu l-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
2.  
L-FSE+ għandu jappoġġa, jikkumplementa u jżid il-valur tal-politiki tal-Istati Membri biex jiżgura opportunitajiet indaqs, aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ta’ kwalità, protezzjoni u inklużjoni soċjali, li b’mod partikolari jiffokaw fuq edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u inklużivi, tagħlim tul il-ħajja, investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ u aċċess għas-servizzi bażiċi.
3.  

Il-FSE+ għandu jiġi implimentat:

(a) 

taħt ġestjoni kondiviża, għal dik il-parti tal-assistenza li tikkorrispondi mal-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) (“il-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża”); u

(b) 

taħt ġestjoni diretta u indiretta għal dik il-parti mill-assistenza li tikkorrispondi għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 25 (il-“fergħa tal-EaSI”).

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi tal-ESF+

1.  

L-FSE+ għandu jappoġġa dawn l-objettivi speċifiċi li ġejjin fl-oqsma ta’ politika dwar l-impjiegi u l-mobilità tal-forza tax-xogħol, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, inkluż il-kontribut għall-qerda tal-faqar, u b’hekk jikkontribwixxi wkoll għall-objettiv ta’ politika “Ewropa aktar soċjali u inklużiva li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” msemmi fl-Artikolu 5, il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/1060:

(a) 

jitjieb l-aċċess għall-impjiegi u l-miżuri ta’ attivazzjoni għall-persuni kollha li qed ifittxu impjieg, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, speċjalment permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-persuni qiegħda fit-tul u gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, u għall-persuni inattivi, u kif ukoll permezz tal-promozzjoni tal-impjiegi indipendenti u l-ekonomija soċjali;

(b) 

jiġu modernizzati l-istituzzjonijiet u s-servizzi tas-suq tax-xogħol biex jiġu vvalutati u antiċipati l-ħtiġijiet fil-ħiliet u jkunu żgurati assistenza u appoġġ fil-ħin u personalizzati għal tqabbil, tranżizzjonijiet u mobilità fis-suq tax-xogħol;

(c) 

tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali, u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata inkluż permezz tal-aċċess bi prezzijiet aċċessibbli għall-indukrar tat-tfal, u l-kura għal persuni dipendenti;

(d) 

jiġi promoss l-adattament tal-ħaddiema, l-intrapriżi u l-intraprendituri għall-bidla, it-tixjiħ attiv u b’saħħtu u ambjent tax-xogħol b’saħħtu u adattat sew li jindirizza r-riskji għas-saħħa;

(e) 

titjieb il-kwalità, l-inklużività, l-effettività u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ inkluż permezz tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, biex tiġi appoġġata l-akkwiżizzjoni ta’ kompetenzi ewlenin inkluż ħiliet intraprenditorjali u diġitali, u billi tiġi promossa l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ taħriġ doppju u apprendistati;

(f) 

jiġu promossi l-aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u inklużivi, u t-tlestija tagħhom, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, mill-edukazzjoni u l-indukrar bikri tul l-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali u vokazzjonali sal-livell terzjarju, kif ukoll l-edukazzjoni u t-tagħlim għall-adulti, inkluż li tiġi ffaċilitata l-mobilità tat-tagħlim għal kulħadd u l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità;

(g) 

jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari opportunitajiet flessibbli ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għal kulħadd filwaqt li jitqiesu l-ħiliet intraprenditorjali u diġitali, jiġu antiċipati aħjar it-tibdil u l-ħtiġijiet il-ġodda fil-ħiliet abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet tal-karrieri u tiġi promossa l-mobilità professjonali;

(h) 

titrawwem l-inklużjoni attiva ħalli jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva, u tittejjeb l-impjegabbiltà, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati;

(i) 

titħeġġeġ l-integrazzjoni soċjoekonomika tan-nazzjonali ta’ pajjiż terz, inklużi l-migranti;

(j) 

titħeġġeġ l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ komunitajiet marġinalizzati, bħall-persuni Rom;

(k) 

jitjieb l-aċċess ugwali u fil-ħin għal servizzi ta’ kwalità, sostenibbli u bi prezzijiet aċċessibbli, inkluż servizzi li jippromwovu l-aċċess għall-akkomodazzjoni u kura ċċentrata fuq il-persuna inkluż il-kura tas-saħħa; jiġu modernizzati s-sistemi ta’ ħarsien soċjali, inkluż li jiġi promoss l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, b’enfasi partikolari fuq it-tfal u l-gruppi żvantaġġati; jitjiebu l-aċċessibbiltà, anki għall-persuni b’diżabbiltà, l-effettività u r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u s-servizzi tal-kura fit-tul;

(l) 

tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali tal-persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, inkluż il-persuni l-aktar fil-bżonn u t-tfal;

(m) 

tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali permezz ta’ ikel u/jew assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn, inkluż it-tfal, u jiġu pprovduti miżuri ta’ akkumpanjament li jappoġġaw l-inklużjoni soċjali tagħhom.

2.  

Bl-azzjonijiet implimentati taħt il-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-FSE+ għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi ta’ politika l-oħra msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/1060, b’mod partikolari l-objettivi marbuta ma’:

(a) 

Ewropa aktar intelliġenti permezz tal-iżvilupp ta’ ħiliet għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, ħiliet għal teknoloġiji abilitanti essenzjali, tranżizzjoni industrijali, kooperazzjoni settorjali b’rabta mal-ħiliet u l-intraprenditorja, it-taħriġ tar-riċerkaturi, l-attivitajiet ta’ networking u sħubiji bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali u edukattiv, ċentri tar-riċerka u t-teknoloġija, u intrapriżi u gruppi, u appoġġ għall-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u medji u l-ekonomija soċjali;

(b) 

Ewropa aktar ekoloġika, b’sistemi aħjar tal-edukazzjoni u t-taħriġ neċessarji għall-adattament tal-ħiliet u l-kwalifiki, it-titjib tal-ħiliet għal kulħadd, inkluż tal-forza tax-xogħol, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’setturi relatati mal-ambjent, il-klima, l-enerġija, l-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija.

3.  

Fejn strettament neċessarju bħala miżura temporanja biex tirrispondi għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux tas-soltu kif imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2021/1060, u limitata għal perijodu ta’ 18-il xahar, l-FSE+ jista’ jappoġġa:

(a) 

il-finanzjament ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar mingħajr ir-rekwiżit li dawn jiġu kkombinati ma’ miżuri attivi;

(b) 

l-aċċess għall-kura tas-saħħa inkluż għal persuni li mhumiex f’vulnerabbiltà soċjoekonomika immedjata.

4.  
Fejn, fuq talba ppreżentata mill-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 huma ssodisfati, hija għandha tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tispeċifika l-perijodu li matulu l-appoġġ addizzjonali temporanju mill-FSE+ huwa awtorizzat.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tivvaluta jekk l-appoġġ addizzjonali temporanju mill-FSE+ huwiex biżżejjed biex jiffaċilita l-użu ta’ appoġġ mill-ESF+ b’reazzjoni għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux tas-soltu. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel proposti għal emendi għal dan ir-Regolament, inkluż dwar ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika stabbiliti fl-Artikolu 7, ħlief ir-rekwiżit ta’ konċentrazzjoni tematika kif speċifikat fl-Artikolu 7(5) u (6).

Artikolu 5

Baġit

1.  
Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-FSE+ għall-perijodu 2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR 87 995 063 417 , bi prezzijiet tal-2018.
2.  
Il-parti tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża biex tikkontribwixxi għall-investiment għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Istati Membri u r-reġjuni kif imsemmi fl-Artikolu 5(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandha tkun EUR 87 319 331 844 bi prezzijiet tal-2018, li minnhom EUR 175 000 000 għandhom jiġu allokati għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali sabiex jiġi aċċellerat it-trasferiment, u biex jiġi ffaċilitat it-titjib ta’ soluzzjonijiet innovattivi kif imsemmi fl-Artikolu 25, il-punt (i) ta’ dan ir-Regolament u EUR 472 980 447 , fi prezzijiet tal-2018, bħala finanzjament addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi identifikati fl-Artikolu 349 TFUE u r-reġjuni tal-livell 2 tan-NUTS li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 6 dwar dispożizzjonijiet speċjali għall-Objettiv Nru 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvizzera anness għall-Att ta’ Adeżjoni tal-1994.
3.  
Il-parti tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-fergħa tal-EaSI għall-perijodu 2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR 675 731 573 bi prezzijiet tal-2018.
4.  
L-ammont imsemmi fil-paragrafu 3 jista’ jintuża wkoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-fergħa tal-EaSI, bħal pereżempju attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu u ta’ evalwazzjoni inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi.

Artikolu 6

Ugwaljanza bejn il-ġeneri, opportunitajiet indaqs u nondiskriminazzjoni

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jappoġġaw azzjonijiet immirati speċifiċi biex jippromwovu l-prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/1060 u l-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament li jaqgħu taħt wieħed mill-objettivi tal-FSE+. Dawk l-azzjonijiet jistgħu jinkludu azzjonijiet li jiżguraw l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà, inkluż f’termini tat-teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, u jippromwovu t-tranżizzjoni minn kura residenzjali jew istituzzjonali għal kura f’familja u kura bbażata fil-komunità.

Permezz tal-FSE+, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jimmiraw li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-impjiegi kif ukoll għall-konċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, il-ġlieda kontra l-femminizzazzjoni tal-faqar u d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ.



PARTI II

IMPLIMENTAZZJONI TAĦT ĠESTJONI KONDIVIŻA



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet komuni dwar il-programmazzjoni

Artikolu 7

Konsistenza u konċentrazzjoni tematika

1.  
L-Istati Membri għandhom jipprogrammaw ir-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża billi jipprijoritizzaw interventi li jindirizzaw l-isfidi identifikati fis-Semestru Ewropew, inkluż fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi adottati f’konformità mal-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) TFUE, u jqisu l-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali rilevanti għall-objettivi tal-FSE+, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għanijieti stabbiliti fl-Artikolu 174 TFUE.

L-Istati Membri u, fejn xieraq, il-Kummissjoni, għandhom irawmu sinerġiji u jiżguraw koordinazzjoni, kumplimentarjetà u koerenza bejn l-FSE+ u fondi, programmi u strumenti oħra tal-Unjoni, kemm fil-fażi tal-ippjanar kif ukoll waqt l-implimentazzjoni. L-Istati Membri u, fejn xieraq, il-Kummissjoni, għandhom jottimizzaw il-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni biex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u tkun żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni, biex iwettqu azzjonijiet ta’ appoġġ koerenti u ssimplifikati.

2.  
L-Istati Membri għandhom jallokaw ammont xieraq tar-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża biex jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi adottati f’konformità mal-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) TFUE u fis-Semestru Ewropew li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi speċifiċi tal-FSE+ stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.
3.  
L-Istati Membri għandhom jallokaw ammont xieraq tar-riżorsi tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal permezz ta’ azzjonijiet immirati u riformi strutturali biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal skont l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punti (v) u (vii) sa (x) tal-Artikolu 4(1), il-punti (f) u (h) sa (l).

L-Istati Membri li għall-perijodu bejn l-2017 u l-2019 kellhom rata medja ogħla mill-medja tal-Unjoni ta’ tfal taħt it-18-il sena f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali abbażi tad-data tal-Eurostat, għandhom jallokaw mill-inqas 5 % tar-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża biex jappoġġaw azzjonijiet immirati u riformi strutturali biex jindirizzaw il-faqar fost it-tfal kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

4.  
L-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 25 % tar-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża għall-objettivi speċifiċi fil-qasam tal-politika tal-inklużjoni soċjali stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (h) sa (l), inkluż il-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ nazzjonali ta’ pajjiż terz.
5.  
L-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 3 % tar-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża biex jappoġġaw il-persuni l-iktar fil-bżonn skont l-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (m), jew, f’każijiet ġustifikati kif xieraq, skont jew l-objettiv speċifiku stabbilit fl--Artikolu 4(1), il-punt (l), jew dawk iż-żewġ objettivi speċifiċi.

Ir-riżorsi ma għandhomx jitqiesu għall-verifika tal-konformità mal-allokazzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4.

6.  
L-Istati Membri għandhom jallokaw ammont xieraq tar-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża għal azzjonijiet immirati u riformi strutturali li jappoġġaw l-impjiegi taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari l-apprendistati, u t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, il-perkorsi tar-riintegrazzjoni fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ, u l-edukazzjoni kumpensatorja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ skemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

L-Istati Membri li għall-perijodu bejn l-2017 u l-2019 kellhom rata medja ogħla mill-medja tal-Unjoni ta’ żgħażagħ ta’ età bejn il-15 u d-29 sena li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni, jew taħriġ , abbażi tad-data tal-Eurostat, għandhom jallokaw mill-inqas 12.5 % tar-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża għas-snin 2021 sa 2027 biex jappoġġaw riformi strutturali u azzjonijiet immirati u riformi strutturali kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu għandhom jallokaw mill-inqas 12.5 % tar-riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża fil-programmi tagħhom għall-azzjonijiet immirati u r-riformi strutturali kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu. Din l-allokazzjoni għandha titqies, meta jkun applikabbli, fil-verifika tal-konformità mal-persentaġġ minimu fil-livell nazzjonali stabbilit fit-tieni subparagrafu.

Meta jimplimentaw l-azzjonijiet immirati u r-riformi strutturali kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità liż-żgħażagħ inattivi u qiegħda fit-tul u jistabbilixxu miżuri mmirati ta’ kuntatt.

7.  
Il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-allokazzjoni addizzjonali speċifika li jirċievu r-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni tal-livell 2 tan-NUTS li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 6.
8.  
Il-paragrafi 1 sa 6 ma għandhomx japplikaw għall-assistenza teknika.

Artikolu 8

Rispett tal-Karta

1.  
L-operazzjonijiet kollha għandhom jintgħażlu u jiġu implimentati filwaaqt li tiġi rrispettata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060..
2.  
F’konformità mal-Artikolu 69(7) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-eżami effettiv tal-ilmenti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ġenerali għaċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati li jindirizzaw ilmenti lill-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-ksur tal-Karta.
3.  
Fejn il-Kummissjoni ssib li kien hemm ksur tal-Karta, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-gravità tal-ksur fid-determinazzjoni tal-miżuri korrettivi li għandhom jiġu applikati f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060.

Artikolu 9

Sħubija

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw parteċipazzjoni sinifikanti tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-twettiq tal-politiki tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali appoġġati mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża.
2.  
L-Istati Membri għandhom jallokaw ammont xieraq ta’ riżorsi tagħhom tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża f’kull programm tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż fil-forma ta’ taħriġ, miżuri ta’ networking, u tisħiħ tad-djalogu soċjali, u għal attivitajiet imwettqa b’mod konġunt mis-sħab soċjali.

Fejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ikun identifikat minn rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż rilevanti adottata f’konformità mal-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) TFUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jalloka ammont xieraq ta’ mill-inqas 0,25 % tar-riżorsi tiegħu tal-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża għal dak il-għan.

Artikolu 10

Appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn

Ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 7(45) taħt l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (l) u (m), għandhom jiġu pprogrammati taħt prijorità jew programm apposta. Ir-rata ta’ kofinanzjament għal dik il-prijorità jew programm għandha tkun 90 %.

Artikolu 11

Appoġġ għall-impjiegi taż-żgħażagħ

L-appoġġ skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 7(6) għandu jiġi pprogrammat taħt prijorità jew programm apposta u għandu jinkludi tal-anqas appoġġ li jikkontribwixxi lill-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), u jista’ jinkludi appoġġ li jikkontribwixxi lill-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (f) u (l).

Artikolu 12

Appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti

L-azzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti u fis-Semestru Ewropew imsemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom jiġu pprogrammati fl-ambitu ta’ kwalunkwe objettivi speċifiċi stabbilitifl-Artikolu 4(1) biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u taħt prijorità waħda jew aktar, li tista’ tkun prijorità ta’ diversi fondi.



KAPITOLU II

Appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

Artikolu 13

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika għall-appoġġ mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża li tikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (l) (appoġġ ġenerali mill-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża).

Artikolu 14

Azzjonijiet soċjali innovattivi

1.  
L-Istati Membri għandhom jappoġġaw azzjonijiet ta’ innovazzjoni soċjali u esperimentazzjoni soċjali, inklużi azzjonijiet b’komponent soċjokulturali, jew isaħħu approċċi minn isfel ‘il fuq ibbażati fuq sħubijiet li jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, l-intrapriżi soċjali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili.
2.  
L-Istati Membri jistgħu jappoġġaw it-titjib ta’ approċċi innovattivi ttestjati fuq skala żgħira u żviluppati taħt il-fergħa tal-EaSI u programmi oħra tal-Unjoni.
3.  
Azzjonijiet u approċċi innovattivi jistgħu jiġu pprogrammati taħt xi wieħed mill-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punti (i) sa (x) tal-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (l).
4.  
L-Istati Membri għandhom jiddedikaw mill-inqas prijorità waħda għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 jew 2, jew tat-tnejn. Ir-rata ta’ kofinanzjament massima għal tali prijoritajiet tista’ tiġi miżjuda għall-95 % għall-allokazzjoni ta’ massimu ta’ 5 % mir-riżorsi nazzjonali taħt il-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża.
5.  
L-Istati Membri għandhom jidentifikaw, fil-programmi tagħhom jew fi stadju aktar tard matul l-implimentazzjoni, l-oqsma għall-innovazzjoni soċjali u l-esperimentazzjoni soċjali li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-innovazzjoni soċjali, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ għat-tagħlim reċiproku, l-istabbiliment ta’ networks, u t-tixrid u l-promozzjoni ta’ prassi u metodoloġiji tajbin.

Artikolu 15

Kooperazzjoni tranżnazzjonali

L-Istati Membri jistgħu jappoġġaw azzjonijiet għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali taħt xi wieħed mill-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (l).

Artikolu 16

Eliġibbiltà

1.  

Minbarra l-ispejjeż mhux eliġibbli msemmija fl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-ispejjeż li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża:

(a) 

ix-xiri ta’ art u proprjetà immobbli u kif ukoll infrastruttura; u

(b) 

ix-xiri ta’ għamara, tagħmir u vetturi għajr meta tali xiri jkun neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv tal-operazzjoni, jew dawk l-oġġetti jiġu deprezzati għalkollox matul l-operazzjoni, jew ix-xiri ta’ dawk l-oġġetti jkun l-aktar alternattiva ekonomika.

2.  
Il-kontribuzzjonijiet in natura fil-forma ta’ għotjiet jew salarji żborżati minn parti terza għall-benefiċċju tal-parteċipanti f’operazzjoni jistgħu jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża dment li dawn il-kontribuzzjonijiet in natura jiġġarrbu skont ir-regoli nazzjonali, inkluż ir-regoli tal-kontabbiltà, u ma jaqbżux l-ispiża mġarrba mill-parti terza.
3.  
L-allokazzjoni addizzjonali speċifika li rċevew ir-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni tal-livell 2 tan-NUTS li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 6 għandha tintuża biex tappoġġa l-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1).
4.  
L-ispejjeż diretti tal-persunal għandhom ikunu eliġibbli għal kontribuzzjoni minn appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża jekk ikunu skont il-prattika normali ta’ remunerazzjoni tal-benefiċjarju għall-kategorija ta’ funzjoni kkonċernata jew skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ftehimiet kollettivi jew statistika uffiċjali.

Artikolu 17

Indikaturi u rappurtar

1.  
Il-programmi li jibbenefikaw minn appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża għandhom jużaw indikaturi komuni tal-output u tar-riżultat, kif stabbiliti fl-Anness I biex jiġi monitorat il-progress fl-implimentazzjoni. Il-programmi jistgħu jużaw ukoll indikaturi speċifiċi għall-programmi.
2.  
Meta Stat Membru jalloka r-riżorsi tiegħu għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l), biex jgħin lill-persuni l-aktar fil-bżonn, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(5), għandhom japplikaw l-indikaturi komuni stabbiliti fl-Anness II.
3.  
Il-linja bażi għall-indikaturi komuni tal-output u dawk speċifiċi għal kull programm għandha tiġi ffissata bħala żero. Meta rilevanti għan-natura tal-operazzjonijiet appoġġati, it-tappi kwantifikati kumulattivi u l-valuri ta’ mira ta’ dawk l-indikaturi għandhom jiġu ffissati f’numri assoluti. Il-valuri rrappurtati tal-indikaturi tal-output għandhom jiġu espressi f’numri assoluti.
4.  
Il-valur ta’ referenza tal-indikaturi komuni tal-output u ta’ dawk speċifiċi għal kull programm li għalihom ġie stabbilit valur ta’ mira għall-2029, għandu jiġi ffissat skont l-aħħar data disponibbli jew sorsi rilevanti oħra tal-informazzjoni. Il-miri tal-indikaturi komuni tar-riżultat għandhom jiġu ffissati f’numri assoluti jew bħala persentaġġ. L-indikaturi tar-riżultat speċifiċi għal kull programm u l-miri relatati jistgħu jiġu espressi f’termini kwantitattivi jew kwalitattivi. Il-valuri rrappurtati tal-indikaturi komuni tar-riżultat għandhom jiġu espressi f’numri assoluti.
5.  
Id-data dwar l-indikaturi għall-parteċipanti għandha tintbagħat biss meta tkun disponibbli d-data kollha mitluba skont il-punt 1.1 tal-Anness I relatata ma’ dak il-parteċipant.
6.  
Meta d-data tkun disponibbli fir-reġistri jew f’sorsi ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u korpi oħra fdati bil-ġbir tad-data neċessarja għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ appoġġ ġenerali mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża, jiksbu din id-data minn dawk ir-reġistri tad-data jew minn sorsi ekwivalenti, f’konformità mal-Artikolu 6(1), il-punti (c) u (e), tar-Regolament (UE) 2016/679.
7.  

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 37 biex temenda l-indikaturi fl-Annessi I u II meta jitqies neċessarju, biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi. Tali emendi għandhom ikunu proporzjonati b’kont meħud tal-piż amministrattiv li jġarrbu l-Istati Membri u l-benefiċjarji. Atti delegati f’konformità ma’ dan il-paragrafu ma għandhomx jibdlu l-metodoloġija għall-ġbir ta’ data kif stabbilita fl-Annessi I u II.



KAPITOLU III

Appoġġ tal-FSE+ li jindirizza d-deprivazzjoni materjali

Artikolu 18

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika għall-appoġġ tal-FSE+ li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (m).

Artikolu 19

Prinċipji

1.  
L-appoġġ tal-FSE+ li jindirizza d-deprivazzjoni materjali għandu jintuża biss biex jappoġġa t-tqassim tal-ikel u l-prodotti konformi mal-liġi tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur.
2.  
L-Istati Membri u l-benefiċjarji għandhom jagħżlu l-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika skont kriterji oġġettivi relatati mal-ħtiġijiet tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Il-kriterji tal-għażla għall-ikel, u meta xieraq għall-oġġetti, għandhom iqisu wkoll aspetti relatati mal-klima u ambjentali, b’mod partikolari ħalli jonqos il-ħela tal-ikel u l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Meta xieraq, l-għażla tat-tip ta’ ikel li jrid jitqassam għandha ssir wara li jitqies il-kontribut tagħhom għal dieta bilanċjata tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

L-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika jistgħu jingħataw direttament lill-persuni l-aktar fil-bżonn jew indirettament, pereżempju, permezz ta’ vawċers jew kards, f’forma elettronika jew f’forma oħra, dment li dawn jistgħu jissarrfu f’ikel u/jew assistenza materjali bażika. L-appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn għandu jkun addizzjonali għal kwalunkwe benefiċċju soċjali li jista’ jingħata lir-riċevituri aħħarin mis-sistemi soċjali nazzjonali jew skont il-liġi nazzjonali.

L-ikel mogħti lill-persuni l-aktar fil-bżonn jista’ jinkiseb mill-użu, l-ipproċessar jew il-bejgħ tal-prodotti li jkun sar disponiment minnhom skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), dment li din tkun l-aktar alternattiva favorevoli mil-lat ekonomiku u ma ddewwimx bla bżonn it-twassil tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

Kull ammont derivat minn din it-tranżazzjoni għandu jintuża għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn, b’żieda mal-ammonti diġà disponibbli għall-programm.

3.  
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-appoġġ tal-FSE+ li jindirizza d-deprivazzjoni materjali tkun tirrispetta d-dinjità u tevita l-istigmatizzazzjoni tal-persuni l-aktar fil-bżonn.
4.  
L-Istati Membri għandhom jikkumplementaw it-tqassim ta’ ikel u/jew assistenza materjali bażika permezz ta’ miżuri ta’ akkumpanjament oħra bħal referimenti lejn is-servizzi kompetenti, skont l-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (m), jew bil-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn skont l-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l).

Artikolu 20

Kontenut tal-prijorità

1.  

Prijorità b’rabta mal-appoġġ li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (m), għandha tistabbilixxi:

(a) 

it-tip ta’ appoġġ;

(b) 

il-gruppi ewlenin fil-mira; u

(c) 

deskrizzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali jew reġjonali.

2.  
F’każ ta’ programmi limitati għal appoġġ kif imsemmi fil-paragrafu 1 u l-assistenza teknika relatata, il-prijorità għandha tinkludi wkoll il-kriterji għall-għażla tal-operazzjonijiet.

Artikolu 21

Eliġibbiltà ta’ operazzjonijiet

1.  
L-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika mogħtija lill-persuni l-aktar fil-bżonn jistgħu jinxtraw mill-benefiċjarju jew f’ismu, jew isiru disponibbli bla ħlas għall-benefiċjarju.
2.  
L-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika għandhom jitqassmu bla ħlas lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

Artikolu 22

Eliġibbiltà tan-nefqa

1.  

L-ispejjeż eliġibbli għall-appoġġ tal-FSE+ li jindirizza d-deprivazzjoni materjali għandhom ikunu:

(a) 

l-ispiża għax-xiri tal-ikel u/jew assistenza materjali bażika, inkluż l-ispejjeż relatati mal-ġarr tal-ikel u/jew assistenza materjali bażika lill-benefiċjarji li jwasslu l-ikel jew l-assistenza materjali bażika lir-riċevituri aħħarin;

(b) 

meta l-ġarr tal-ikel u/jew assistenza materjali bażika lill-benefiċjarji li jqassmuhom lir-riċevituri aħħarin ma jkunx kopert bil-punt (a), l-ispejjeż imġarrba mill-korp tal-akkwisti relatati mal-ġarr tal-ikel u/jew assistenza materjali bażika lejn l-imħażen jew għand il-benefiċjarji u l-ispejjeż tal-ħażna b’rata fissa ta’ 1 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a) jew, f’każijiet ġustifikati kif xieraq, l-ispejjeż effettivament imġarrba u mħallsa;

(c) 

l-ispejjeż amministrattivi, tal-ġarr, tal-ħażna u tat-tħejjija li jġarrbu l-benefiċjarji involuti fit-tqassim tal-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn b’rata fissa ta’ 7 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a); jew 7 % tal-ispejjeż tal-valur tal-ikel li jkun sar disponiment minnhom f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(d) 

l-ispejjeż għall-ġbir, il-ġarr, il-ħażna u t-tqassim ta’ donazzjonijiet tal-ikel u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni direttament relatati; u

(e) 

l-ispejjeż tal-miżuri ta’ akkumpanjament imwettqa mill-benefiċjarji jew f’isimhom u ddikjarati mill-benefiċjarji li jwasslu l-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn b’rata fissa ta’ 7 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a).

2.  
L-ispejjeż għat-tħejjija tal-iskemi ta’ vawċers jew kards f’forma elettronika jew f’forma oħra, u l-ispejjeż tal-operat korrispondenti huma eliġibbli taħt l-assistenza teknika dment li dawn jitħallsu mill-awtorità ta’ ġestjoni jew korp pubbliku ieħor li mhux benefiċjarju li jqassam il-vawċers jew kards lir-riċevituri aħħarin (jew dment li mhumiex koperti mill-ispejjeż stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punt (c).
3.  
It-tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), minħabba nuqqas ta’ konformità mal-liġi applikabbli mill-korp responsabbli għax-xiri tal-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika, ma għandux iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli stabbiliti f’dak il-paragrafu, il-punti (c) u (e).
4.  

L-ispejjeż li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli:

(a) 

l-imgħax fuq id-dejn;

(b) 

ix-xiri ta’ infrastruttura; u

(c) 

l-ispejjeż ta’ oġġetti użati (second-hand).

Artikolu 23

Indikaturi u rappurtar

1.  
Il-prijoritajiet li jindirizzaw id-deprivazzjoni materjali għandhom jużaw indikaturi komuni tal-output u tar-riżultat, kif stabbilit fl-Anness III biex isegwu l-progress fl-implimentazzjoni. Dawk il-prijoritajiet jistgħu jużaw ukoll indikaturi speċifiċi għall-programmi.
2.  
Għandhom jiġu stabbiliti l-valuri ta’ referenza tal-indikaturi komuni tar-riżultat u għal dawk speċifiċi għal kull programm.
3.  
L-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jirrapportaw darbtejn lill-Kummissjoni r-riżultati ta’ stħarriġ strutturat tar-riċevituri aħħarin dwar l-appoġġ mill-FSE+ u li jiffoka wkoll fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom u n-natura tad-deprivazzjoni materjali tagħhom, imwettaq tul is-sena preċedenti. Dan l-istħarriġ għandu jkun ibbażat fuq il-mudell li għandha tistabbilixxi l-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. L-ewwel tali rappurtar għandu jsir sat-30 ta’ Ġunju 2025 u t-tieni sat-30 ta’ Ġunju 2028.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-mudell li għandu jintuża għall-istħarriġ strutturat dwar ir-riċevituri aħħarin skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 38(2) biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
5.  
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 37 biex temenda l-indikaturi fl-Anness III meta tqis li hu neċessarju biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi. Tali emendi għandhom ikunu proporzjonati b’kont meħud tal-piż amministrattiv imġarrab mill-Istati Membri u l-benefiċjarji. Atti delegati f’konformità ma’ dan il-paragrafu ma għandhomx jibdlu l-metodoloġija għall-ġbir ta’ data kif stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 24

Awditjar

L-awditjar tal-operazzjonijiet jista’ jkopri l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tagħhom u l-livelli kollha tal-katina tad-distribuzzjoni, għajr biss għall-kontroll tar-riċevituri aħħarija, dment li valutazzjoni tar-riskju ma tistabbilixxix riskju speċifiku ta’ irregolarità jew frodi.



PARTI III

IMPLIMENTAZZJONI TAĦT ĠESTJONI DIRETTA U INDIRETTA



KAPITOLU I

Objettivi operazzjonali

Artikolu 25

Objettivi operazzjonali

Il-fergħa tal-EaSI għandu jkollha l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a) 

tiżviluppa għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja ħalli jkun żgurat li l-politiki intiżi biex jilħqu l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ikunu bbażati fuq evidenza soda u jkunu rilevanti għall-ħtiġijiet, l-isfidi u l-kundizzjonijiet lokali;

(b) 

tiffaċilita skambju effettiv u inklużiv tal-informazzjoni, tagħlim reċiproku, evalwazzjonijiet bejn il-pari u djalogu fuq il-politiki fl-oqsma ta’ politika fstabbiliti fl-Artikolu 4(1) biex jgħinu fit-tfassil ta’ miżuri ta’ politika xierqa;

(c) 

tappoġġa l-esperimentazzjoni soċjali fl-oqsma ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u tibni l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli nazzjonali u lokali biex iħejju, ifasslu u jimplimentaw, jittrasferixxu jew itejbu l-innovazzjonijiet ta’ politika soċjali ttestjati, b’mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir tal-proġetti żviluppati mill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi;

(d) 

tiffaċilita l-mobbiltà ġeografika volontarja tal-ħaddiema u żżid l-opportunitajiet ta’ xogħol permezz tal-iżvilupp u l-għoti ta’ servizzi speċifiċi ta’ appoġġ lil dawk li jħaddmu u lill-persuni li qed ifittxu impjieg ħalli jiġu żviluppati swieq tax-xogħol Ewropej integrati, li jvarjaw mit-tħejjija ta’ qabel ir-reklutaġġ sal-għajnuna għal wara l-kollokament f’impjieg sabiex jimtlew postijiet battala f’ċerti setturi, professjonijiet, pajjiżi, reġjuni tal-fruntiera jew għal gruppi partikolari, bħal pereżempju persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli;

(e) 

tagħti appoġġ għall-iżvilupp tal-ekosistema tas-suq madwar il-provvista ta’ mikrofinanzjament għall-mikrointrapriżi fil-fażijiet tal-bidu u tal-iżvilupp tagħhom, b’mod partikolari dawk maħluqa minn jew iħaddmu persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli;

(f) 

tiżviluppa networking fil-livell tal-UE u d-djalogu mal-partijiet konċernati rilevanti u bejniethom fl-oqsma ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u tagħti kontribut biex tissawwar il-kapaċità istituzzjonali tal-partijiet ikkonċernati involuti, inkluż is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-istituzzjonijiet pubbliċi tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni tas-saħħa, is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet tal-mikrofinanzjament u l-istituzzjonijiet li jipprovdu finanzjament lill-intrapriżi soċjali u lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali;

(g) 

issostni l-iżvilupp ta’ intrapriżi soċjali u l-formazzjoni ta’ suq tal-investiment soċjali, filwaqt li tiffaċilita l-interazzjonijiet pubbliċi u privati u l-parteċipazzjoni tal-fondazzjonijiet u tal-atturi filantropiċi f’dak is-suq;

(h) 

tipprovdi gwida għall-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

(i) 

tappoġġa l-kooperazzjoni tranżnazzjonali sabiex tħaffef it-trasferiment ta’ soluzzjonijiet innovattivi u tiffaċilita t-titjib tagħhom, b’mod partikolari għall-oqsma ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 4(1); u

(j) 

tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ standards soċjali u tax-xogħol internazzjonali rilevanti fil-kuntest tal-isfruttar għaqli tal-globalizzazzjoni u d-dimensjoni esterna tal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 4(1).



KAPITOLU II

Eliġibbiltà

Artikolu 26

Azzjonijiet eliġibbli

1.  
Għall-finanzjament għandhom ikunu eliġibbli biss azzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi msemmija fl-Artikoli 3(1) u (2), u l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 25.
2.  

Il-fergħa tal-EaSI tista’ tappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin:

(a) 

attivitajiet analitiċi, inkluż b’rabta ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari:

(i) 

stħarriġiet, studji, data statistika, metodoloġiji, klassifikazzjonijiet, mikrosimulazzjonijiet, indikaturi u appoġġ għal osservatorji u punti ta’ riferiment fil-livell Ewropew;

(ii) 

esperimentazzjoni soċjali li tevalwa l-innovazzjonijiet soċjali;

(iii) 

monitoraġġ u valutazzjoni tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b) 

l-implimentazzjoni tal-politiki, b’mod partikolari:

(i) 

sħubijiet transkonfinali, b’mod partikolari bejn servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab sociali u s-soċjetà ċivili, u servizzi ta’ appoġġ f’reġjuni transkonfinali;

(ii) 

skema ta’ mobbiltà mmirata għax-xogħol fil-livell tal-Unjoni u mifruxa mal-Unjoni kollha biex jimtlew il-postijiet battala meta jkunu ġew identifikati nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol;

(iii) 

appoġġ għall-mikrofinanzjament ta’ istituzzjonijiet u istituzzjonijiet li jipprovdu finanzjament lil intrapriżi soċjali, inkluż b’operazzjonijiet ta’ taħlit bħall-kondiviżjoni tar-riskji asimmetrika jew it-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, kif ukoll appoġġ għall-iżvilupp ta’ infrastruttura soċjali u tal-ħiliet;

(iv) 

appoġġ għall-kooperazzjoni u s-sħubiji tranżnazzjonali għal trasferiment u titjib tas-soluzzjonijiet innovattivi;

(c) 

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari:

(i) 

tan-networks fil-livell tal-UE relatati mal-oqsma ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 4(1);

(ii) 

tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali li jipprovdu gwida, informazzjoni u assistenza relatati mal-implimentazzjoni tal-fergħa tal-EaSI;

(iii) 

tal-amministrazzjonijiet, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u s-servizzi tal-impjiegi responsabbli biex jippromwovu l-mobbiltà tal-ħaddiema, tal-istituzzjonijiet tal-mikrofinanzjament u l-istituzzjonijiet li jipprovdu finanzjament lill-intrapriżi soċjali u lil atturi oħra tal-investiment soċjali, kif ukoll networking, fi Stati Membri jew pajjiżi terzi associati mal-fergħa tal-EaSI skont l-Artikolu 29;

(iv) 

tal-partijiet ikkonċernati, inkluż is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bil-ħsieb tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali;

(d) 

attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni, b’mod partikolari:

(i) 

tagħlim reċiproku permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajba, approċċi innovattivi, riżultati ta’ attivitajiet analitiċi, evalwazzjonijiet bejn il-pari, u t-tqegħid ta’ punti ta’ riferiment;

(ii) 

gwidi, rapporti, materjal informattiv u rappurtar fil-media ta’ inizjattivi relatati mal-oqsma ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 4(1);

(iii) 

sistemi tal-informazzjoni li jqassmu evidenza relatata mal-oqsma ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 4(1);

(iv) 

avvenimenti tal-Presidenza tal-Kunsill u konferenzi, seminars u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill.

Artikolu 27

Entitajiet eliġibbli

1.  

Soġġett għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju, l-entitajiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli:

(a) 

entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi jew it-territorji li ġejjin:

(i) 

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

(ii) 

pajjiż terz li huwa assoċjat mal-fergħa tal-EaSI skont l-Artikolu 29;

(iii) 

pajjiż terz elenkat fil-programm ta’ ħidma soġġett għall-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b) 

kwalunkwe entità ġuridika stabbilita skont il-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

2.  
L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-fergħa tal-EaSI skont l-Artikolu 29 għandhom ikunu eliġibbli b’mod eċċezzjonali biex jieħdu sehem fejn neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ta’ azzjoni partikolari.
3.  
L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-fergħa tal-EaSI skont l-Artikolu 29 għandhom fil-prinċipju jerfgħu l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tagħhom.

Artikolu 28

Prinċipji orizzontali

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru jiġu kkunsidrati u promossi matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet appoġġati mill-fergħa tal-EaSI.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa biex tipprevjeni kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet appoġġati mill-fergħa tal-EaSI. B’mod partikolari, għandha titqies l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni kollha tal-fergħa tal-EaSI.

Artikolu 29

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi

Il-fergħa tal-EaSI għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin permezz ta’ ftehim mal-Unjoni:

(a) 

membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b) 

pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c) 

pajjiżi terzi oħrajn, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz f’fergħa tal-EaSI, dment li dan il-ftehim:

(i) 

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii) 

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali jew fergħat tal-programmi, u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom;

(iii) 

ma jagħtix setgħat ta’ deċiżjoni lill-pajjiż terz fuq il-fergħa tal-EaSI;

(iv) 

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex tkun żgurata ġestjoni finanzjarja soda u jiġu protetti l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, l-ewwel paragrafu, il-punt (c)(ii), għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.



KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 30

Forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u metodi ta’ implimentazzjoni

1.  
Il-fergħa tal-EaSI tista’ tipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari għotjiet, premjijiet, akkwist u pagamenti volontarji lil organizzazzjonijiet internazzjonali li l-Unjoni hi membru tagħhom jew tieħu sehem fil-ħidma tagħhom.
2.  
Il-fergħa tal-EaSI għandha tiġi implimentata direttament kif previst fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament mal-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) ta’ dak ir-Regolament.

Meta jagħti għotjiet, il-kumitat ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 150 tar-Regolament Finanzjarju jista’ jkun kompost minn esperti esterni.

3.  
Operazzjonijiet ta’ taħlit taħt il-fergħa tal-EaSI għandhom jiġu implimentati skont ir-Regolament (UE) 2021/523 u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 31

Programm ta’ ħidma

1.  
Il-fergħa tal-EaSI għandha tiġi implimentata abbażi ta’ programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-kontenut ta’ dawk il-programmi ta’ ħidma għandu jiġi stabbilit f’konformità mal-objettivi operazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament u mal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tiġbor għarfien espert dwar it-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma billi tikkonsulta mal-grupp ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 39(8).
3.  
Il-Kummissjoni għandha trawwem sinerġiji u tiżgura koordinazzjoni effettiva bejn l-FSE+ u strumenti rilevanti oħra tal-Unjoni kif ukoll bejn il-fergħat tal-FSE+.

Artikolu 32

Monitoraġġ u rappurtar

L-indikaturi biex jirrappurtaw dwar il-progress tal-fergħa tal-EaSI lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u l-objettivi operazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 25 jinsabu stabbiliti fl-Anness IV.

Is-sistema tar-rappurtar tal-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-fergħa tal-EaSI jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu.

Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rappurtar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-UE u, fejn rilevanti, fuq l-Istati Membri.

Artikolu 33

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-fergħa tal-EaSI permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 34

Evalwazzjoni

1.  
L-evalwazzjonijiet għandhom isiru fil-ħin biex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
2.  
Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-fergħa tal-EaSI, abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti disponibbli dwar l-implimentazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-prestazzjoni tal-programm, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Finanzjarju, u b’mod partikolari l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-Unjoni, inkluż vis-à-vis il-prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament, u tkejjel, fuq bażi kwalitattiva u kwantitattiva, il-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-għanijiet tal-fergħa tal-EaSI.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni ġġenerata mill-arranġamenti ta’ monitoraġġ u l-indikaturi stabbiliti skont l-Artikolu 32, bil-ħsieb li jsir kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-prijoritajiet ta’ politika u finanzjament.

3.  
Sal-31 ta’ Diċembru 2031, fi tmiem il-perijodu tal-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-fergħa tal-EaSI.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u dawk finali flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 35

Awditi

L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew entitajiet, inkluż minn oħrajn minbarra dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija globali skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 36

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.  
Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom billi jipprovdu informazzjoni koerenti, effettiva u proporzjonata mmirata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.
2.  
Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-fergħa tal-EaSI, għal azzjonijiet meħuda skont il-fergħa tal-EaSI u għar-riżultati miksuba.

Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-fergħa tal-EaSI għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet msemmija fl-Artikoli 3(1) u (2), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 25.



PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 37

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(7) u fl-Artikolu 23(5) għal perijodu ta’ żmien indeterminat mill-1 ta’ Lulju 2021.
3.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 17(7) u fl-Artikolu 23(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandu jibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat li jkun ġie adottat skont l-Artikolu 17(7) jew l-Artikolu 23(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 38

Proċedura ta’ kumitat għall-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 115(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 39

Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 163 TFUE

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 163 TFUE (il-“Kumitat tal-FSE+”).
2.  
Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed tal-gvern, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u supplent wieħed għal kull membru għal perijodu massimu ta’ seba’ snin. Fl-assenza ta’ xi membru, is-supplent għandu jkun intitolat awtomatikament li jieħu sehem fil-proċedimenti.
3.  
Il-Kumitat tal-FSE+ għandu jinkludi rappreżentant wieħed minn kull organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fil-livell tal-Unjoni.
4.  
Il-Kumitat tal-FSE+, inklużi l-gruppi ta’ ħidma tiegħu msemmija fil-paragrafu 7, jista’ jistieden rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati mingħajr vot biex jattendu l-laqgħat tiegħu. Dan jista’ jinkludi rappreżentanti tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.
5.  
Il-Kumitat tal-FSE+ għandu jiġi kkonsultat dwar l-użu ppjanat tal-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2021/1060 fil-każ ta’ appoġġ mill-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża, kif ukoll dwar kwistjonijiet oħra li jħallu impatt fuq l-implimentazzjoni ta’ strateġiji fil-livell tal-Unjoni li huma rilevanti għall-FSE+;
6.  

Il-Kumitat tal-FSE+ jista’ jagħti opinjoni dwar:

(a) 

mistoqsijiet relatati mal-kontribuzzjoni tal-FSE+ għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u prijoritajiet relatati mas-Semestru Ewropew (programmi nazzjonali ta’ riforma);

(b) 

kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-Regolament (UE) 2021/1060 rilevanti għall-FSE+;

(c) 

mistoqsijiet relatati mal-FSE+ riferuti lilu mill-Kummissjoni għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 5.

L-opinjonijiet tal-Kumitat tal-FSE+ għandhom jiġu adottati b’maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa b’mod validu, u għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għall-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-miktub lill-Kumitat tal-FSE+ dwar kif tkun qieset l-opinjonijiet tiegħu.

7.  
Il-Kumitat tal-FSE+ għandu jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma għal kull fergħa tal-FSE+.
8.  
Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-grupp ta’ ħidma li jittratta l-fergħa tal-EaSI dwar il-programm ta’ ħidma. Għandha tinforma lil dak il-grupp ta’ ħidma dwar kif tkun qieset ir-riżultati ta’ dik il-konsultazzjoni. Dak il-grupp ta’ ħidma għandu jiżgura li ssir konsultazzjoni tal-programm ta’ ħidma mal-partijiet ikkonċernati, inkluż mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Artikolu 40

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-fergħa tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża

Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013, ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 jew kwalunkwe att adottat taħt dawk ir-Regolamenti għandhom jibqgħu japplikaw għal programmi u operazzjonijiet appoġġati minn dawk ir-Regolamenti matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 2014 sal-2020.

Artikolu 41

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-fergħa tal-EaSI

1.  
Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. Kwalunkwe referenza għar-Regolament (UE) Nru 1296/2013 għandha tiġi interpretata bħala referenza għal dan ir-Regolament.
2.  
Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-fergħa tal-EaSI jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva neċessarji biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn l-FSE+ u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013.
3.  
Jekk neċessarju, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni wara l-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 5(4), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta’ Diċembru 2027.
4.  
Il-ħlasijiet lura minn strumenti finanzjarji stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 għandhom jiġu investiti fl-istrumenti finanzjarji tat-“tieqa ta’ politika dwar l-investiment soċjali u l-ħiliet” imsemmija fl-Artikolu 8(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/523.
5.  
F’konformità mal-Artikolu 193(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, fil-każijiet debitament ġustifikati speċifikati fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament u għal perijodu limitat, l-attivitajiet appoġġati skont dan ir-Regolament u l-ispejjeż sottostanti jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk ikunu ġew implimentati u mġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 fir-rigward tal-fergħa tal-EaSI.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

INDIKATURI KOMUNI GĦAL APPOĠĠ ĠENERALI MILL-FERGĦA TAL-FSE+ TAĦT ĠESTJONI KONDIVIŻA

Id-data personali għandha tinqasam skont il-ġeneru (nisa, irġiel, persuni mhux binarji ( 2 )).

Jekk xi riżultati ma jkunux possibbli, id-data għal dawk ir-riżultati ma għandhiex tinġabar jew tiġi rrappurtata.

Fejn xieraq, indikaturi komuni tal-output jistgħu jiġu rrappurtati abbażi tal-grupp fil-mira tal-operazzjoni.

1. 

Indikaturi komuni tal-output relatati mal-operazzjonijiet immirati lejn il-persuni

1.1. 

L-indikaturi komuni tal-output għall-parteċipanti huma:

— 
persuni qiegħda, inkluż dawk qiegħda fit-tul ( *1 ),
— 
persuni qiegħda fit-tul (*1) ,
— 
persuni inattivi (*1) ,
— 
impjegati, inkluż dawk b’impjieg indipendenti (*1) ,
— 
għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena (*1) ,
— 
għadd ta’ żgħażagħ bejn it-18 u d-29 sena (*1) ,
— 
għadd ta’ parteċipanti ta’ 55 sena jew aktar (*1) ,
— 
persuni b’edukazzjoni sekondarja baxxa jew inqas (ISCED 0-2) (*1) ,
— 
persuni b’edukazzjoni sekondarja għolja (ISCED 3) jew edukazzjoni postsekondarja (ISCED 4) (*1) ,
— 
persuni b’edukazzjoni terzjarja (ISCED 5 sa 8) (*1) ,
— 
għadd totali ta’ parteċipanti ( 3 ).

L-indikaturi elenkati taħt dan il-punt ma japplikawx għall-appoġġ tal-FSE + li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l), ħlief l-indikaturi li ġejjin: “Għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena”, “żgħażagħ ta’ bejn it-18 u d-29-il sena”, “l-għadd ta’ parteċipanti ta’ 55 sena u aktar” u “l-għadd totali ta’ parteċipanti”.

Fejn id-data tinġabar minn reġistri jew minn sorsi ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu jużaw definizzjonijiet nazzjonali.

1.2. 

Indikaturi komuni oħra tal-output għall-parteċipanti huma

— 
persuni b’diżabbiltà ( *2 ),
— 
nazzjonali ta’ pajjiż terz (*1) ,
— 
persuni bi sfond barrani (*1) ,
— 
minoranzi (inkluż il-komunitajiet marġinalizzati bħall-persuni Roma) (*2) ,
— 
persuni mingħajr dar jew milquta mill-esklużjoni tal-akkomodazzjoni (*1) ,
— 
parteċipanti minn żoni rurali (*1)  ( 4 ).

Il-ġbir tad-data huwa neċessarju biss fejn applikabbli u rilevanti.

Il-valuri tal-indikaturi elenkati taħt il-punt 1.2 jistgħu jiġu ddeterminati abbażi ta’ stimi infurmati pprovduti mill-benefiċjarju.

Għall-indikaturi elenkati taħt il-punt 1.2 l-Istati Membri jistgħu japplikaw definizzjonijiet nazzjonali, ħlief għall-indikaturi li ġejjin: “ċittadini ta’ pajjiżi terzi” u “parteċipanti minn żoni rurali”.

2. 

L-indikaturi komuni tal-output għall-entitajiet

L-indikaturi komuni tal-output għall-entitajiet huma:

— 
l-għadd ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi jew servizzi pubbliċi appoġġati fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali,
— 
l-għadd ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju appoġġati (inkluż intrapriżi kooperattivi u intrapriżi soċjali).

Fejn id-data tinġabar mir-reġistri jew minn sorsi ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu jużaw definizzjonijiet nazzjonali.

3. 

L-indikaturi komuni tar-riżultat immedjat għall-parteċipanti huma

L-indikaturi komuni tar-riżultat immedjat għall-parteċipanti huma:

— 
parteċipanti li jfittxu impjieg meta jitilqu (*1) ,
— 
parteċipanti li qed jirċievu edukazzjoni jew taħriġ meta jitilqu (*1) ,
— 
parteċipanti li jiksbu kwalifika meta jitilqu (*1) ,
— 
parteċipanti b’impjieg, inkluż dawk b’impjieg indipendenti, meta jitilqu (*1) .

L-indikaturi elenkati taħt dan il-punt ma japplikawx għall-appoġġ tal-FSE + li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l).

Fejn id-data tinġabar minn reġistri jew minn sorsi ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu jużaw definizzjonijiet nazzjonali.

4. 

Indikaturi komuni tar-riżultat aktar fit-tul għall-parteċipanti

Indikaturi komuni tar-riżultat aktar fit-tul għall-parteċipanti huma:

— 
parteċipanti b’impjieg, inkluż impjieg indipendenti, fi żmien sitt xhur wara li jitilqu (*1) ,
— 
parteċipanti b’sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol imtejba fi żmien sitt xhur wara li jitilqu (*1) .

L-indikaturi elenkati taħt dan il-punt ma japplikawx għall-appoġġ tal-FSE + li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l).

Fejn id-data tinġabar minn reġistri jew minn sorsi ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu jużaw definizzjonijiet nazzjonali.

Indikaturi komuni tar-riżultat aktar fit-tul għall-parteċipanti għandhom jiġu rrappurtati sal-31 ta’ Jannar 2026 skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060 u fir-rapport finali dwar il-prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 43 ta’ dak ir-Regolament.

Bħala rekwiżit minimu, l-indikaturi komuni aktar fit-tul għall-parteċipanti għandhom ikunu bbażati fuq kampjun rappreżentattiv ta’ parteċipanti fl-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (k). Il-validità interna tal-kampjun għandha tiġi żgurata b’tali mod li d-data tkun tista’ tiġi ġeneralizzata fil-livell tal-objettiv speċifiku.




ANNESS II

INDIKATURI KOMUNI GĦALL-AZZJONIJIET TAL-FSE+ LI JIMMIRAW L-INKLUŻJONI SOĊJALI TAL-PERSUNI L-AKTAR FIL-BŻONN FI ĦDAN L-OBJETTIV SPEĊIFIKU STABBILIT FL-ARTIKOLU 4(1), IL-PUNT (L), F’KONFORMITÀ MAL-EWWEL SUBPARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 7(5)

Id-data personali għandha tinqasam skont il-ġeneru (nisa, irġiel, persuni mhux binarji ( 5 )).

1. 

Indikaturi komuni tal-output relatati mal-operazzjonijiet immirati lejn il-persuni

1.1. 

Indikaturi komuni tal-output għall-parteċipanti huma:

— 
għadd totali ta’ parteċipanti,
— 
għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena ( *3 ),
— 
għadd ta’ żgħażagħ bejn it-18 u d-29 sena (*3) ,
— 
għadd ta’ parteċipanti ta’ 65 sena jew aktar (*3) .

Il-valuri tal-indikaturi elenkati taħt il-punt 1.1 jistgħu jiġu ddeterminati abbażi ta’ stimi infurmati pprovduti mill-benefiċjarju.

1.2. 

Indikaturi komuni oħra tal-output huma:

— 
parteċipanti b’diżabbiltà ( *4 ),
— 
nazzjonali ta’ pajjiż terz (*3) ,
— 
għadd ta’ parteċipanti finali bi sfond barrani (*3) , minoranzi (inkluż komunitajiet marġinalizzati bħall-persuni Roma) (*4) ,
— 
persuni mingħajr dar jew milquta mill-esklużjoni tal-akkomodazzjoni (*3) .

Il-ġbir ta’ data huwa neċessarju biss meta jkun applikabbli u rilevanti.

Il-valuri tal-indikaturi elenkati taħt il-punt 1.2 jistgħu jiġu ddeterminati abbażi ta’ stimi infurmati pprovduti mill-benefiċjarji.




ANNESS III

INDIKATURI KOMUNI GĦALL-APPOĠĠ TAL-FSE+ BIEX TIĠI INDIRIZZATA L-PRIVAZZJONI MATERJALI

1. 

Indikaturi tal-output

1.1. 

Il-valur monetarju totali tal-ikel u l-oġġetti mqassma

1.1.1. 

il-valur totali tal-għajnuna alimentari ( 6 );

1.1.1.1. 

il-valur monetarju totali tal-ikel għall-persuni mingħajr dar;

1.1.1.2. 

il-valur monetarju totali tal-ikel għal gruppi oħra fil-mira.

1.1.2. 

il-valur tal-oġġetti mqassma ( 7 );

1.1.2.1. 

il-valur monetarju totali tal-oġġetti għat-tfal;

1.1.2.2. 

il-valur monetarju totali tal-oġġetti għall-persuni mingħajr dar;

1.1.2.3. 

il-valur monetarju totali tal-oġġetti għal gruppi oħra fil-mira.

1.2. 

Il-kwantità totali ta’ għajnuna alimentari mqassma (f’tunnellati) ( 8 ):

1.2.1. 

is-sehem tal-ikel li għalih tħallsu biss it-trasport, it-tqassim u l-ħżin mill-programm (f’%);

▼C1

1.2.2. 

il-proporzjon tal-ikel kofinanzjat mill-FSE+ fil-volum totali tal-ikel imqassam mill-benefiċjarji (f’%).

▼B

Il-valuri tal-indikaturi elenkati taħt il-punti 1.2.1 u 1.2.2 għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ stimi infurmati pprovduti mill-benefiċjarju.

2. 

Indikaturi komuni tar-riżultat

2.1. 

Għadd ta’ riċevituri finali li jirċievu għajnuna alimentari

— 
għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena,
— 
għadd ta’ żgħażagħ bejn it-18 u d-29 sena,
— 
għadd ta’ nisa,
— 
għadd ta’ riċevituri finali ta’ 65 sena jew aktar,
— 
għadd ta’ riċevituri finali b’diżabbiltà ( *5 ),
— 
għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi (*5) ,
— 
għadd ta’ riċevituri finali bi sfond barrani u minoranzi (inkluż il-komunitajiet marġinalizzati bħall-persuni Roma) (*5) ,
— 
għadd ta’ persuni mingħajr dar jew milquta minn esklużjoni tal-akkomodazzjoni (*5) .
2.2. 

Għadd ta’ riċevituri finali li jirċievu għajnuna materjali

— 
għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena,
— 
għadd ta’ żgħażagħ bejn it-18 u d-29 sena,
— 
għadd ta’ nisa,
— 
għadd ta’ riċevituri finali ta’ 65 sena jew aktar,
— 
għadd ta’ riċevituri finali b’diżabbiltà (*5) ,
— 
għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi (*5) ,
— 
għadd ta’ riċevituri finali bi sfond barrani u minoranzi (inkluż il-komunitajiet marġinalizzati bħall-persuni Roma) (*5) ,
— 
għadd ta’ persuni mingħajr dar jew milquta minn esklużjoni tal-akkomodazzjoni (*5) .
2.3. 

Għadd ta’ riċevituri finali li jibbenefikaw minn vawċers jew kards

— 
għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena,
— 
għadd ta’ żgħażagħ bejn it-18 u d-29 sena,
— 
għadd ta’ persuni ta’ 65 sena jew aktar,
— 
għadd ta’ nisa,
— 
għadd ta’ riċevituri finali b’diżabbiltà (*5) ,
— 
għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi (*5) ,
— 
għadd ta’ riċevituri finali bi sfond barrani u l-minoranzi (inkluż il-komunitajiet marġinalizzati bħall-persuni Roma) (*5) ,
— 
għadd ta’ persuni mingħajr dar jew milquta minn esklużjoni tal-akkomodazzjoni (*5) .

Il-valuri tal-indikaturi elenkati taħt il-punt 2 għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ stimi infurmati pprovduti mill-benefiċjarji.




ANNESS IV

INDIKATURI GĦALL-FERGĦA TAL-EaSI

Indikaturi għall-fergħa tal-EaSI

— 
għadd ta’ attivitajiet analitiċi,
— 
għadd ta’ attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni u ta’ tagħlim reċiproku,
— 
għadd ta’ esperimentazzjonijiet soċjali,
— 
għadd ta’ attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet u networking,
— 
għadd ta’ kollokamenti ta’ impjieg taħt l-iskemi ta’ mobilità mmirati.

Data għall-indikatur “għadd ta’ kollokamenti ta’ impjieg taħt l-iskemi ta’ mobbiltà mmirati” għandha tinġabar biss kull sentejn.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

( 2 ) Skont il-liġi nazzjonali.

( *1 ) Id-data rrappurtata hija data personali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

( 3 ) Dan l-indikatur għandu jiġi kkalkulat awtomatikament abbażi tal-indikaturi komuni tal-output relatati mal-istatus tal-impjieg, ħlief għall-appoġġ tal-FSE + li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l), f’liema każ għandu jiġi rrappurtat l-għadd totali ta’ parteċipanti.

( *2 ) Id-data rrappurtata tinkludi kategorija speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679.

( 4 ) Dan l-indikatur ma japplikax għall-appoġġ tal-FSE+ li jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(1), il-punt (l).

( 5 ) Skont il-liġi nazzjonali.

( *3 ) Id-data rrappurtata hija data personali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

( *4 ) Id-data rrappurtata tinkludi kategorija speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679.

( 6 ) Dawn l-indikaturi ma japplikawx għall-assistenza alimentari pprovduta indirettament permezz ta’ vawċers jew kards.

( 7 ) Dawn l-indikaturi ma japplikawx għall-oġġetti pprovduti indirettament permezz ta’ vawċers jew kards.

( 8 ) Dawn l-indikaturi ma japplikawx għall-assistenza alimentari pprovduta indirettament permezz ta’ vawċers jew kards elettroniċi.

( *5 ) Definizzjonijiet nazzjonali jistgħu jintużaw.