02022R0423 — MT — 25.06.2024 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/423 tal-14 ta’ Marzu 2022 (ĠU L 087 15.3.2022, p. 9) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1570 tal-4 ta’ Ġunju 2024 |
L 1570 |
1 |
5.6.2024 |
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/423
tal-14 ta’ Marzu 2022
li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Artikolu 1
Speċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema tal-IT deċentralizzata
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u r-rekwiżiti l-oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2020/1784 għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
ANNESS
Speċifikazzjonijiet tekniċi, miżuri u rekwiżiti oħrajn tas-sistema deċentralizzata tal-IT imsemmija fl-artikolu 1
1. Introduzzjoni
Is-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 hija sistema bbażata fuq e-CODEX għall-iskambju ta’ dokumenti u data relatati man-notifika ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri f’konformità ma’ dak ir-Regolament. Il-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati tas-sistema tal-IT deċentralizzata għandhom ikunu rregolati mill-qafas legali stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/850.
L-Istati Membri li mhumiex marbuta bir-Regolament (UE) 2020/1784 iżda li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament skont ftehim internazzjonali bejn dak l-Istat Membru u l-Unjoni dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali għandhom jitħallew jipparteċipaw fis-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.
Sa fejn tali Stati Membri mhumiex marbuta bir-Regolament (UE) 2022/850, huma għandhom jimplimentaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-kontenut tal-Artikoli 8, 9, l-Artikolu 11(3), (4), u (6), l-Artikoli 12, 14, l-Artikolu 15(1) u (3), u l-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament, sabiex is-salvagwardji meħtieġa għat-tħaddim xieraq tas-sistema tal-IT deċentralizzata jkunu fis-seħħ. Ladarba l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kummissjoni f’konformità mal-ftehim internazzjonali applikabbli dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji li jkun implimenta dawk id-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali tiegħu, dan għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal Stati Membri oħra esklużivament għall-finijiet tal-operat tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784.
2. Definizzjonijiet
2.1. “HyperText Transport Protocol Secure” jew “HTTPS” tfisser komunikazzjoni kriptata u kanali ta’ konnessjoni sikuri;
2.2. “Portal” tfisser is-soluzzjoni tal-Implimentazzjoni ta’ Referenza jew is-soluzzjoni Back-end Nazzjonali konnessa mas-sistema tal-IT deċentralizzata;
2.3. “Nonripudju tal-oriġini” tfisser il-miżuri li jipprovdu l-prova tal-integrità u l-prova tal-oriġini tad-data permezz ta’ metodi bħalma huma ċ-ċertifikazzjoni diġitali, l-infrastruttura tal-kjavi pubblika u l-firem diġitali;
2.4. “Nonripudju tal-wasla” tfisser il-miżuri li jipprovdu l-prova tal-wasla tad-data għand ir-riċevitur intiż tad-data lill-oriġinatur permezz ta’ metodi bħalma huma ċ-ċertifikazzjoni diġitali, l-infrastruttura tal-kjavi pubblika u l-firem diġitali;
2.5. “SOAP” tfisser, f’konformità mal-istandards tal-Konsorzju tal-World Wide Web, speċifikazzjoni ta’ protokoll ta’ messaġġi għall-iskambju ta’ informazzjoni strutturata fl-implimentazzjoni ta’ servizzi tal-web f’networks tal-kompjuter;
2.6. “Servizz web” tfisser sistema ta’ software ddiżinjata biex tkun tiflaħ interazzjoni interoperabbli bejn magna u oħra fuq network; huwa jkollu interfaċċa deskritta f’format li jista’ jiġi pproċessat minn magna;
2.7. “skambju ta’ data” tfisser l-iskambju ta’ messaġġi u dokumenti permezz tas-sistema tal-IT deċentralizzata.
3. Metodi ta’ komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi
Is-sistema ta’ skambju tal-SoD għandha tuża metodi ta’ komunikazzjoni bbażati fuq is-servizzi, bħal Servizzi web jew Infrastrutturi ta’ Servizzi Diġitali riutilizzabbli oħrajn, għall-fini ta’ skambju ta’ messaġġi u dokumenti.
B’mod speċifiku, se tuża l-infrastruttura e-CODEX, li hija magħmula minn żewġ komponenti ewlenin, il-Konnettur u l-Gateway.
Il-Konnettur huwa responsabbli biex jittratta l-komunikazzjoni mas-soluzzjoni ta’ Implementazzjoni ta’ Referenza jew l-implimentazzjonijiet nazzjonali. Huwa jista’ jipproċessa l-iskambju tal-messaġġi bil-Gateway fiż-żewġ direzzjonijiet, jirrintraċċa l-messaġġi u jirrikonoxxihom bl-użu ta’ standards bħal evidenzi tal-ETSI-REM, jivvalida l-firem tad-dokumenti tan-negozju, joħloq token li jżomm l-eżitu tal-validazzjoni fil-format PDF u XML u joħloq kontenitur bl-użu ta’ standards bħal ASIC-S fejn il-kontenut tan-negozju ta’ messaġġ ikun ippakkjat u ffirmat.
Il-Gateway hija responsabbli għall-iskambju ta’ messaġġi u hija indifferenti għall-kontenut tal-messaġġ. Hija tista’ tibgħat messaġġi lill-Konnettur u tirċievi messaġġi mingħandu, tivvalida l-informazzjoni tal-intestatura, tidentifika l-modalità tal-ipproċessar korretta, tiffirma u tikkripta messaġġi u tittrasferixxi messaġġi lil Gateways oħrajn.
4. Protokolli ta’ komunikazzjoni
Is-sistema ta’ skambju tal-SoD għandha tuża protokolli tal-Internet siguri, bħall-HTTPS għall-komunikazzjoni tal-portal u tal-komponenti tas-sistema tal-IT deċentralizzata u l-protokolli ta’ komunikazzjoni standard, bħal SOAP, għat-trażmissjoni ta’ data u metadata strutturata.
B’mod speċifiku, l-e-CODEX jipprovdi sigurtà tal-informazzjoni b’saħħitha billi jieħu vantaġġ mill-awtentikazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u l-protokoll kriptografiku b’diversi strati.
5. L-istandards tas-sigurtà
Għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni permezz tas-sistema ta’ skambju tal-SoD, il-miżuri tekniċi li jiżguraw l-istandards ta’ sigurtà minimi tat-teknoloġija tal-informazzjoni għandhom jinkludu:
miżuri għall-iżgurar tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, inkluż billi jintużaw kanali sikuri (HTTPS);
miżuri għall-iżgurar tal-integrità tad-data waqt li tkun qed tiġi skambjata;
miżuri għall-iżgurar ta’ nonripudju tal-oriġini tal-mittent tal-informazzjoni fi ħdan is-sistema ta’ skambju tal-SoD u n-nonripudju tal-wasla tal-informazzjoni;
miżuri għall-iżgurar ta’ lloggjar ta’ avvenimenti ta’ sigurtà f’konformità ma’ rakkomandazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti għal standards tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni;
miżuri għall-iżgurar tal-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ kull utent irreġistrat u miżuri għall-verifika tal-identità tas-sistemi konnessi mas-sistema ta’ skambju tal-SoD;
is-sistema ta’ skambju tal-SoD se tiġi żviluppata f’konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku.
6. Id-disponibbiltà tas-servizzi
6.1. Iż-żmien li fih jingħata servizz għandu jkun 24 siegħa, 7 ijiem fil-ġimgħa, b’rata ta’ disponibbiltà teknika tas-sistema ta’ mill-inqas 98 % eskluża l-manutenzjoni skedata.
6.2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta’ manutenzjoni kif ġej:
5 ijiem tax-xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sa 4 sigħat;
10 ijiem tax-xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sa 12-il siegħa;
30 jum tax-xogħol bil-quddiem għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni, li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sa sitt ijiem fis-sena.
6.3. Kemm ikun possibbli, matul il-jiem tax-xogħol, l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni għandhom ikunu ppjanati bejn it-20:00 u s-7:00 CET.
6.4. Meta l-Istati Membri jkollhom ħinijiet tas-servizz fissi għal kull ġimgħa, dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-ħin u l-ġurnata tal-ġimgħa meta jkunu ppjanati dawn il-ħinijiet tas-servizz. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fil-punt 6.2, jekk is-sistemi tal-Istati Membri ma jibqgħux disponibbli matul dawn il-ħinijiet fissi, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jinnotifikawx lill-Kummissjoni f’kull okkażjoni.
6.5. F’każ ta’ ħsara teknika mhux mistennija tas-sistemi tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bin-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistema tagħhom, u, jekk ikun magħruf, meta jaħsbu li se jitkompla s-servizz.
6.6. F’każ ta’ ħsara mhux mistennija fil-bażi tad-data tal-Awtoritajiet Kompetenti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri mingħajr dewmien bin-nuqqas ta’ disponibbiltà, u jekk ikun magħruf, meta jaħsbu li se jitkompla s-servizz.