02008A0227(01) — MT — 27.02.2008 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

FTEHIM bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit liema jkun l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera

▼B

(ĠU L 053 27.2.2008, p. 5)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 214, 17.6.2021, p.  73  (2008/227)




▼B

▼C1

FTEHIM bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit liema jkun l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera



IL-KOMUNITÀ EWROPEA

u

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA,

minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet Kontraenti”,

BILLI l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil magħmula f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz ( 1 ) (minn hawn il-quddiem, “ir-Regolament ta’ Dublin”), li ssostitwiet il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istati responsabbli għall-eżami ta' applikazzjonijiet għall-ażil magħmula f'wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f'Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 ( 2 ), (minn hawn il-quddiem, “il-Konvenzjoni ta’ Dublin”), u filwaqt li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil magħmula f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz ( 3 ), minn hawn il-quddiem “ir-Regolament ta’ implimentazzjoni ta’ Dublin”;

BILLI l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ l-”Eurodac” għall-paragun tal-marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin bil-ħsieb li din tiffaċilita d-determinazzjoni tal-Parti Kontraenti responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil skond il-Konvenzjoni ta’ Dublin ( 4 ) (minn hawn il-quddiem “ir-Regolament Eurodac”) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2002 tat-28 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) 2725/2000 dwar l-istabbiliment ta’ “l-Eurodac” għall-paragun ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin ( 5 ) (minn hawn il-quddiem “ir-Regolament ta’ implimentazzjoni Eurodac”);

BILLI d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 6 ) (minn hawn il-quddiem “id-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data personali”) għandha tiġi applikata mill-Konfederazzjoni Żvizzera kif inhi applikata fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea fl-ipproċessar tad-data għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim;

B’ KONSIDERAZZJONI tal-pożizzjoni ġeografika tal-Konfederazzjoni Żvizzera;

BILLI l-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-acquis tal-Komunità koperta mir-regolamenti ta’ Dublin u Eurodac (minn hawn il-quddiem “l-acquis Dublin/Eurodac”) ser tgħin sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera;

BILLI l-Komunità Ewropea kkonkludiet Ftehim mar-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżamita’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja ( 7 ), abbażi tal-Konvenzjoni tal-Dublin;

BILLI huwa mixtieq li l-Konfederazzjoni Żvizzera tkun assoċjata fuq livell ta’ mpar dak ta’ l-Islanda u n-Norveġja fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ “Dublin/Eurodac”;

BILLI Ftehim għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera bid-drittijiet u l-obbligi bħal dawk li ġew miftehma bejn il-Komunità Ewropea minn naħa u l-Islanda u n-Norveġja min-naħa l-oħra;

KONVINTI bil-ħtieġa li tiġi organizzata kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni prattika u l-iżvilupp aktar fil-fond ta’ l-acquis ta’ Dublin/Eurodac;

BILLI huwa meħtieġ, sabiex il-Konfederazzjoni Żvizzera tiġi assoċjata ma’ l-attivitajiet tal-Komunità Ewropea fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim u sabiex tiġi permessa li tipparteċipa f’dawk l-attivitajiet, li jitwaqqaf kumitat skond il-mudell istituzzjonali stabbilit għall-assoċjazzjoni ta’ l-Islanda u n-Norveġja;

BILLI l-kooperazzjoni fl-oqsma koperti mir-regolament Dublin u Eurodac huma bbażati fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif garantiti b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ta’ l-4 ta’ Novembru 1950;

BILLI d-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-atti adottati abbażi ta’ dak it-Titolu ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mit-Trattat ta’ Amsterdam mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iżda għandu jkun possibbli għall-Konfederazzjoni Żvizzera u d-Danimarka li japplikaw id-dispożizzjonijiet substantivi ta’ dan il-Ftehim fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin;

BILLI huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati li magħhom l-Unjoni Ewropea stabbiliet assoċjazzjoni għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta' Dublin/Eurodac japplikaw ukoll dan l-acquis fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin;

BILLI l-operat tajjeb ta’ l-acquis Dublin/Eurodac jeħtieġ li dan il-Ftehim ikun applikat simultanjament mal-Ftehim bejn id-diversi partijiet assoċjati ma’, jew li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Dublin/Eurodac li jirregola r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom;

B’KONSIDERAZZJONI ta’ l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen;

TINŻAMM PREŻENTI r-rabta bejn l-acquis ta’ Schengen u l-acquis ta' Dublin/Eurodac;

BILLI din ir-rabta teħtieġ li l-acquis ta' Dublin/Eurodac jiġi applikat simultanjament ma’ l-acquis ta’ Schengen;

QABLU KIF ĠEJ:



Artikolu 1

1.  

Id-dispożizzjonijiet tar-

— 
Regolament ta’ Dublin;
— 
Regolament Eurodac;
— 
Regolament li jimplimenta l-Eurodac; u
— 
ir-Regolament li jimplimenta Dublin

għandhom ikunu implimentati mill-Konfederazzjoni Żvizzera, minn hawn il-quddiem “l-Iżvizzera”, u applikati fir-relazzjonijiet tagħha ma’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, minn hawn il-quddiem “l-Istati Membri”.

2.  
L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 lill-Iżvizzera.
3.  
L-atti u l-miżuri meħuda mill-Komunità Ewropea li jemendaw jew jibnu fuq id-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 u d-deċiżjonijiet meħuda skond il-proċeduri stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, jiġu aċċettati, implimentati u applikati mill-Iżvizzera.
4.  
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data personali kif applikati lill-Istati Membri fir-rigward tad-data proċessata għall-iskopijiet ta’ implimentazzjoni u applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu implimentati, mutatis mutandis mill-Iżvizzera.
5.  
Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, referenzi għall-”Istati Membri” fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ser jiġu kkunsidrati li jinkludu lill-Iżvizzera.

Artikolu 2

1.  
Meta leġislazzjoni ġdida li temenda jew li tibni fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 hija mfassla, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn hawn il-quddiem “il-Kummissjoni”, ser tikkonsulta informalment lill-esperti Svizzeri bl-istess mod kif tikkonsulta lill-esperti ta’ l-Istati Membri meta qed tfassal il-proposti tagħha.
2.  
Meta qed tibgħat il-proposti tagħha msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn hawn il-quddiem “il-Kunsill”, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat kopji ta’ dawn il-proposti lill-Iżvizzera.

Fuq it-talba ta’ wieħed mill-Partijiet Kontraenti, jista’ jseħħ skambju preliminari ta’ opinjonijiet f’ Kumitat Imħallat stabbilit skond l-Artikolu 3.

3.  
Il-Partijiet Kontraenti għandhom jerġgħu jikkonsultaw lil xulxin, fuq it-talba ta’ wieħed minnhom, fil-Kumitat Imħallat, f’punti importanti fl-istadju qabel l-adozzjoni tal-leġislazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, fi proċess kontinwu ta’ provvediment ta’ informazzjoni u konsultazzjoni.
4.  
Il-Partijiet Kontraenti għandhom jaħdmu flimkien b’rieda tajba waqt l-istadju tal-provvediment ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni bil-ħsieb jiġu ffaċilitati l-attivitajiet tal-Kumitat Imħallat fl-aħħar tal-proċess, skond dan il-Ftehim.
5.  
Ir-rappreżentanti tal-Gvern Svizzeru għandu jkollhom id-dritt iressqu suġġerimenti fil-Kumitat Imħallat fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-esperti Svizzeri jipparteċipaw kemm jista’ jkun, skond l-oqsma konċernati, fil-preparazzjoni ta’ abbozz ta’ miżuri li sussegwentement ikunu ser jitressqu quddiem il-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha. Għalhekk, fit-tfassil tal-proposti tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti Svizzeri fuq l-istess bażi bħall-esperti mill-Istati Membri;
7.  
Fejn il-kwistjoni hija mressqa quddiem il-Kunsill skond il-proċedura li tapplika għat-tip ta’ kumitat in kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill l-opinjonijiet ta’ l-esperti Svizzeri.

Artikolu 3

1.  
Għandu jiġi stabbilit Kumitat Imħallat li jikkonsisti f’rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti.
2.  
Il-Kumitat Imħallat għandu jadotta ir-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu b’kunsens.
3.  
Il-Kumitat Imħallat għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-Presidenti tiegħu jew fuq it-talba ta’ kwalunkwe mill-membri tiegħu.
4.  
Il-Kumitat Imħallat għandu jiltaqa’ fuq il-livell xieraq, skond il-bżonn, bil-ħsieb li jeżamina l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u li jkollu skambju ta' fehmiet dwar atti u miżuri li jemendaw jew jibnu fuq id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Kull skambju ta' informazzjoni dwar dan il-Ftehim għandu jitqies li seħħ skond it-termini ta' referenza tal-Kumitat Imħallat.

5.  
L-uffiċċju tal-President tal-Kumitati Mħallta għandu jinżamm alternattivament, għal perjodu ta’ sitt xhur, mir-rappreżentant tal-Komunità Ewropea u mir-rappreżentant tal-Gvern Svizzeru.

Artikolu 4

1.  
Suġġett għall-paragrafu 2, meta l-Kunsill jadotta atti jew miżuri li jemendaw jew jibnu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 u meta atti jew miżuri huma adottati skond il-proċeduri stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet, dawk l-atti jew il-miżuri għandhom jiġu applikati simultanjament mill-Istati Membri u l-Iżvizzera, ħlief fejn jeżistu dispożizzjonijiet ċari għall-kuntrarju ta’ dan.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Iżvizzera mingħajr dewmien dwar l-adozzjoni ta' l-atti jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. L-Iżvizzera għandha tiddeċiedi jekk taċċettax il-kontenuti tagħhom u timplimentahom fl-ordni legali intern tagħha. Din id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni fi żmien tletin jum ta’ l-adozzjoni ta’ l-atti jew il-miżuri konċernati.
3.  
Jekk il-kontenut ta’ dawn l-atti jew il-miżuri jista’ jsir tali li jorbot lill-Iżvizzera biss wara li din tissodisfa l-ħtiġiet kostituzzjonali, l-Iżvizzera għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan fil-waqt tan-notifika. L-Iżvizzera għandha tinforma lill-Kummissjoni fil-pront bil-kitba meta tissodisfa il-ħtiġiet kostituzzjonali kollha. Meta referendum mhux meħtieġ, in-notifika għandha sseħħ malli tiskorri d-data ta' skadenza tar-referendum. Jekk huwa meħtieġ referendum, l-Iżvizzera għandha jkollha massimu ta’ sentejn mid-data tan-notifika tal-Kummissjoni li fiha tista' tagħmel in-notifika. Mid-data stipolata għad-dħul fis-seħħ ta’ l-att jew il-miżura għall-Iżvizzera u sa meta tkun tat in-notifika li l-ħtiġiet kostituzzjonali ġew sodisfatti, l-Iżvizzera għandha, fejn hu possibbli, timplimenta l-att jew il-miżura in kwistjoni fuq bażi proviżorja.
4.  
Jekk l-Iżvizzera ma tistax timplimenta l-att jew il-miżura in kwistjoni fuq bażi proviżorja, u jekk dan joħloq diffikultajiet li jfixklu l-operat tal-kooperazzjoni Dublin/Eurodac, is-sitwazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-Kumitat Imħallat. Il-Komunità Ewropea tista’ tieħu miżuri proporzjonali u meħtieġa kontra l-Iżvizzera sabiex tiżgura li l-kooperazzjoni Dublin/Eurodac topera sewwa.
5.  
L-aċċettazzjoni ta’ l-Iżvizzera ta’ l-atti u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha toħloq id-drittijiet u l-obbligi bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
6.  

Jekk:

(a) 

l-Iżvizzera tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li ma taċċettax il-kontenut ta’ att jew miżura msemmija fil-paragrafu 1 u li għalih/a, il-proċeduri stabbiliti f’dan il-Ftehim ġew applikati; jew jekk

(b) 

l-Iżvizzera ma twettaqx notifika fil-limitu taż-żmien ta' tletin jum imsemmi fil-paragrafu 2, jew jekk

(c) 

l-Iżvizzera ma tinnotifikax wara li tiskorri d-data ta' skadenza tar-referendum jew, jew fil-każ ta’ referendum, fil-limitu ta' żmien ta’ sentejn stipolat fil-paragrafu 3, jew li ma tipprovdix għall-implimentazzjoni proviżorja kif prevista fl-istess sub-paragrafu minn dak stipolat għad-dħul fis-seħħ ta’ l-att jew il-miżura konċernata;

dan il-Ftehim għandu jkun sospiż.

7.  
Il-Kumitat Imħallat għandu jeżamina l-kwistjoni li qajmet is-suspett u għandu jagħmel ħiltu sabiex jittratta l-kawżi tan-non-aċċettazzjoni jew tan-non-ratifika fi żmien 90 jum. Wara l-eżami ta’ l-għażliet l-oħra kollha bl-iskop li jiġi żgurat li l-Ftehim jkompli jopera sewwa, inkluża l-possibilità li jiġi kkunsidrat li l-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet Kontraenti huma ekwivalenti, jista’ jiddeċiedi, fuq bażi unanima, li jerġa' jdaħħal fis-seħħ dan il-Ftehim. Jekk dan il-Ftehim ikun għadu sospiż wara 90 jum, għandu jieqaf ikun applikabbli.

Artikolu 5

1.  
Sabiex jinkiseb l-objettiv tal-Partijiet Kontraenti li jiġu żgurati l-aktar applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi possibbli tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Kumitat Imħallat għandu jirrevedi regolarment l-iżviluppi fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, minn hawn il-quddiem “il-Qorti tal-Ġustizzja”, u fil-każistika fir-rigward ta’ tali dispożizzjonijiet tal-qrati Svizzeri kompetenti. Għal dan il-għan, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw il-komunikazzjoni reċiproka fil-pront ta’ tali każistika.
2.  
L-Iżvizzera għandha jkollha d-dritt li tressaq dikjarazzjonijiet ta’ każ jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja f'każijiet fejn qorti fi Stat Membru applikat lill-Qorti tal-Ġustizzja għal sentenza preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 6

1.  
Kull sena, l-Iżvizzera għandha tirrapporta lill-Kumitat Imħallat dwar il-mod li bih l-awtoritajiet amministrattivi u l-qrati tagħha jkunu applikaw u interpretaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, kif interpretati, fejn hu relevanti, mill-Qorti tal-Ġustizzja.
2.  
Jekk, fi żmien xahrejn li tkun ġiet notifikata b’diverġenza sostanzjali bejn il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-qrati Svizzeri jew b’diverġenza sostanzjali bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri konċernati u l-awtoritajiet Svizzeri fl-applikazzjoni tagħhom tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Kumitat Imħallat ma jirnexxilux jiżgura l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi, għandha tinbeda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7.

Artikolu 7

1.  
Fil-każ ta’ disputa dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew fejn is-sitwazzjoni imsemmija fl-Artikolu 6(2) isseħħ, il-kwistjoni għandha tkun uffiċjalment imniżżla bħala kwistjoni ta’ disputa tal-Kumitat Imħallat.
2.  
Il-Kumitat Imħallat għandu jkollu 90 jum sabiex isolvi d-disputa, li jibdew mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-aġenda li fuqha tkun tpoġġiet id-disputa.
3.  
Fejn id-disputa ma tistax tissolva mill-Kumitat Imħallat f'skadenza ta’ 90 jum kif stipolat fil-paragrafu 2, din l-iskadenza għandha tiġi estiża għal perjodu ulterjuri ta’ 90 jum sabiex tintlaħaq soluzzjoni finali. Jekk, fl-aħħar ta’ dan il-perjodu, il-Kumitat Imħallat ma jkunx għadu ħa deċiżjoni, dan il-Ftehim għandu jieqaf ikun applikabbli fl-aħħar ta' l-aħħar jum tal-perjodu in kwistjoni.

Artikolu 8

1.  
Fir-rigward tan-nefqa amministrattiva u operattiva assoċjata ma’ l-istabbiliment u l-operat ta’ l-unità ċentrali Eurodac, l-Iżvizzera għandha tagħmel kontribuzzjoni lill-bàġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej li tammonta għal 7,286% ta’ l-ammont inizjali ta’ referenza ta’ EUR 11 675 000 u, mis-sena finanzjarja 2004, kontribut annwali li jammonta għal 7,286% ta’ l-approprjazzjonijiet korrispondenti tal-baġit għas-sena finanzjarja in kwistjoni.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ nefqa amministrattiva u operattiva ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-Iżvizzera għandha tikkontribwixxi għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej somma annwali kkalkolata skond il-prodott gross domestiku tagħha bħala perċentwal mill-prodott gross domestiku ta’ l-Istati parteċipanti kollha.

2.  
L-Iżvizzera għandha jkollha d-dritt li tirċievi dokumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-Ftehim u, fil-laqgħat tal-Kumitat Imħallat, li titlob l-interpretazzjoni f’lingwa uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-għażla tagħha.

Artikolu 9

Il-korp nazzjonali Svizzeru ta’ superviżjoni, inkarigat mill-protezzjoni tad-data u l-korp ta’ superviżjoni indipendenti stabbilit in segwitu għall Artikolu 286(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom jikkooperaw sa fejn hu meħtieġ sabiex iwettqu dmirijiethom u, b’mod partikolari, għandhom jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni relevanti. Iż-żewġ korpi għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti li jiggvernaw il-kooperazzjoni reċiproka tagħhom bi ftehim konġunt.

Artikolu 10

1.  
Dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa b’ebda mod il-ftehim oħra konklużi bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżvizzera.
2.  
Dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa b’ebda mod kwalunkwe ftehim futur konklużi bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżvizzera.

Artikolu 11

1.  
Ir-Renju tad-Danimarka jista’ jitlob li jipparteċipa f’dan il-Ftehim. Il-Partijiet Kontraenti, bil-kunsens tar-Renju tad-Danimarka, għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li jirregolaw tali parteċipazzjoni fi protokoll għal dan il-Ftehim.
2.  
L-Iżvizzera għandha tikkonkludi ftehim mar-Repubblika ta’ l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja dwar il-ħolqien ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi skond l-assoċjazzjonijiet rispettivi tagħhom ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Dublin/Eurodac.

Artikolu 12

1.  
Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti. L-istrumenti ta' ratifika jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li għandu jkun id-depożitarju.
2.  
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara n-notifika mid-depożitarju lill-Partijiet Kontraenti li l-istrument finali ta' ratifika jew ta’ approvazzjoni jkun ġie depożitat.
3.  
L-Artikoli 2, 3 u l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4(2) għandhom japplikaw proviżorjament mid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Fir-rigward ta’ atti jew miżuri adottati wara li dan il-Ftehim ikun ġie ffirmat iżda qabel ma jidħol fis-seħħ, il-perjodu ta’ tletin jum imsemmi fl-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 4(2) għandu jibda jiskorri mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 14

1.  
Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat biss jekk il-ftehim imsemmija fl-Artikolu 11 huma wkoll implimentati.
2.  
Barra minn hekk, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat biss jekk il-Ftehim konluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-Iżvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen huwa implimentat ukoll.

Artikolu 15

1.  
Il-Liechtenstein jista’ jaċċedi għal dan il-Ftehim.
2.  
Is-sħubija tal-Liechtenstein għandha tkun soġġetta għal protokoll għal dan il-Ftehim li jistabbilixxi l-konsegwenzi kollha tas-sħubija, inklużi l-ħolqien tad-drittijiet u l-obbligi bejn il-Liechtenstein u l-Iżvizzera u bejn il-Liechtenstein, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, sa fejn huma marbutin minn dan il-Ftehim, min-naħa l-oħra.

Artikolu 16

1.  
Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tibgħat dikjarazzjoni bil-miktub lid-depożitarju. Din id-dikjarazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li tkun depożitata.
2.  
Dan il-Ftehim għandu jitqies bħala mitmum jekk l-Iżvizzera ttemm wieħed mill-ftehim imsemmija fl-Artikolu 11 jew il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 17

1.  
Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ kopji biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan u bil-Ungeriż, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.
2.  
Il-verżjoni bil-lingwa Maltija ta' dan il-Ftehim għandha tiġi awtentikata mill-Partijiet Kontraenti abbażi ta' l-Iskambju ta' Ittri. Din ukoll għandha tkunu awtentika, bl-istess mod bħal-lingwi msemmija fil-paragrafu 1.

B'XIEHDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti hawnhekk għamlu l-firem tagħhom.

image

image

ATT FINALI

Il-plenipotenzjarji adottaw id-Dikjarazzjonijiet Konġunti elenkati hawn taħt u annessi ma’ dan l-Att Finali.

1. 

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar djalogu mill-qrib;

2. 

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data

Il-plenipotenzjarji ħadu wkoll nota tad-Dikjarazzjonijiet elenkati hawn taħt u annessi ma’ dan l-Att Finali:

1. 

Id-Dikjarazzjoni ta’ l-Iżvizzera dwar l-Artikolu 4(3) (il-limitu ta’ żmien sabiex jiġu aċċettati żviluppi ġodda fl-acquis ta’ Dublin/Eurodac);

2. 

Id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kumitati li jassistu l-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha.

image

image

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI TAL-PARTIJIET KONTRAENTI

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR DJALOGU MILL-QRIB

Il-Partijiet Kontraenti jenfasizzaw l-importanza ta’ djalogu mill-qrib u produttiv bejn il-partijiet parteċipanti kollha fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) tal-Ftehim.

Skond l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim, il-Kummissjoni tistieden esperti mill-Istati Membri sabiex jattendu l-laqgħat tal-Kumitati Mħallta bil-ħsieb li jsir skambju ta’ opinjonijiet ma’ l-Iżvizzera dwar il-kwistjonijiet kollha ttrattati f’dan il-Ftehim.

Il-Partijiet Kontraenti jikkunsidraw li l-Istati Membri huma ppreparati li jaċċettaw din l-istedina u li jieħdu sehem f’dawn l-iskambji ta’ opinjonijiet ma’ l-Iżvizzera dwar il-kwistjonijiet trattati f’dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNT TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR ID-DIRETTIVA 95/46/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Bħala parti mill-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, fir-rigward tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data, il-parteċipazzjoni mir-rappreżentanti tal-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tirrifletti l-kunċett li ġie stabbilit mill-iskambju ta’ l-ittri dwar il-kumitati li jassistu l-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi u anness mal-ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-Iżvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen.

DIKJARAZZJONIJIET OĦRA

DIKJARAZZJONI MILL-IŻVIZZERA DWAR L-ARTIKOLU 4(3) (LIMITU TA' ŻMIEN GĦALL-AĊĊETTAZZJONI TA' ŻVILUPPI ĠODDA FL-ACQUIS TA' DUBLIN/EURODAC);

Il-limitu ta' żmien massimu ta’ sentejn stipolat fl-Artikolu 4(3) ikopri kemm l-approvazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ l-att jew il-miżura. Jinkludi l-istadji li ġejjin:

— 
l-istadju preparatorju;
— 
il-proċedura parlamentari;
— 
id-data ta’ skadenza tar-referendum (100 jum mill-pubblikazzjoni uffiċjali ta’ l-att) u, fejn hu applikabbli;
— 
ir-referendum (organizzazzjoni u votazzjoni).

Il-Kunsill Federali għandu jinforma lill-Kunsill u l-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar it-tlestija ta’ kull wieħed minn dawn l-istadji.

Il-Kunsill Federali jimpenja ruħu li jutilizza kull mezz possibbli sabiex jiżgura li l-istadji msemmija hawn fuq huma mlestija malajr kemm jista’ jkun.

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR IL-KUMITATI LI JASSISTU L-KUMMISSJONI EWROPEA FL-EŻERĊIZZJU TAS-SETGĦAT EŻEKUTTIVI TAGĦHA.

Fil-preżent, il-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ “Dublin/Eurodac” huma:

— 
il-kumitat stabbilit mill-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil magħmula f’wieħed mill-Istati Membri minn persuna minn pajjiż terz ( 8 ) (Kumitat ta' Dublin) u
— 
il-kumitat stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ l-“Eurodac” għat-tqabbil tas-sinjali tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin ( 9 ) (Kumitat Eurodac).

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR LAQGĦAT KOMUNI TAL-KUMITATI MĦALLTA

Id-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Id-delegazzjonijiet li jirrappreżentaw il-gvernijiet tar-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja,

Id-delegazzjoni li tirrappreżenta l-gvern tal-Konfederazzjoni Żvizzera,

— 
Iddeċidew li jorganizzaw il-laqgħat tal-Kumitati Mħallta, stabbiliti permezz tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew l-Islanda jew in-Norveġja minn naħa, u l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew l-Iżvizzera, min-naħa l-oħra, b’mod konġunt.
— 
Jikkunsidraw li biex dawn il-laqgħat jiġu organizzati b’mod konġunt, irid ikun hemm arranġament pragmatiku fir-rigward ta’ l-uffiċċju tal-presidenza għal dawn it-tip ta’ laqgħat meta l-presidenza għandha timtela mill-Istati assoċjati skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew l-Iżvizzera jew il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew l-Islanda jew in-Norveġja.
— 
Jikkunsidraw ix-xewqa ta’ l-Istati assoċjati li jċedu, kif inhu meħtieġ, l-eżerċizzju tal-presidenzi tagħhom u jirrotawh bejniethom fl-ordni alfabetika skond l-isem mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew l-Iżvizzera.



( 1 ) ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

( 2 ) ĠU C 254, 19.8.1997, p. 1.

( 3 ) ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3.

( 4 ) ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.

( 5 ) ĠU L 62, 5.3.2002, p. 1.

( 6 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

( 7 ) ĠU L 93, 3.4.2001, p. 38.

( 8 ) ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

( 9 ) ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.