18.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/58


Talba għal Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti tal-EFTA minn Borgarting Lagmannsrett fi proċedimenti kriminali kontra P

(Il-Kawża E-15/20)

(2021/C 58/14)

Saret talba lill-Qorti tal-EFTA datata s-16 ta’ Ottubru 2020 minn Borgarting Lagmannsrett (il-Qorti tal-Appell ta’ Borgarting), li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fil-21 ta’ Ottubru 2020, għal Opinjoni Konsultattiva fi proċedimenti kriminali kontra P fir-rigward tal-mistoqsijiet li ġejjin:

Mistoqsija 1

L-Artikoli 3 u 7(a) tal-Ftehim ŻEE, moqrija flimkien mar-Regolament 883/2004, b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 7, moqrija flimkien mal-Kapitolu 6, jeskludu l-eżistenza ta’ xi skema nazzjonali li taħtha:

a)

ikun hemm bħala kundizzjoni għall-intitolament għall-benefiċċji tal-qgħad li l-persuna qiegħda jkollha soġġorn (“oppholder seg”) fin-Norveġja (ara t-Taqsima 4-2 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali); kif ukoll

b)

ikun hemm provvediment, fir-Regolament dwar il-Benefiċċji tal-Qgħad nazzjonali, għal eżenzjoni mill-obbligu ta’ soġġorn, inkluża d-dispożizzjoni fl-Artikolu 64 tar-Regolament 883/2004, li tkun ukoll implimentata fir-Regolament ta’ Traspożizzjoni?

Mistoqsija 2

Irrispettivament mir-risposta għall-mistoqsija 1, skema kif deskritta fil-mistoqsija 1 hija restrizzjoni skont ir-regoli tal-Ftehim ŻEE dwar il-moviment liberu, inklużi l-Artikoli 28, 29 u 36?

Jekk iva, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata b’referenza għar-raġunijiet li ġejjin:

i.

li s-soġġorni fl-Istat kompetenti normalment jitqiesu bħala li jagħtu lill-persuna qiegħda inċentiv u opportunitajiet aħjar biex tfittex u ssib impjieg, inkluż li tkun tista’ tibda malajr f’impjieg li tista’ possibbilment issib;

ii.

li s-soġġorni fl-Istat kompetenti normalment jitqiesu bħala li jgħinu lill-persuna qiegħda biex tkun disponibbli għas-servizzi tal-impjiegi, u li dik il-preżenza fin-Norveġja tagħmilha possibbli għall-amministrazzjoni pubblika li tissorvelja jekk il-persuna tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tirċievi l-benefiċċju fi flus kontanti mħallsa f’każ ta’ qgħad – inkluż li l-persuna qiegħda fil-fatt tkun qiegħda u ma għandhiex sorsi moħbija ta’ dħul, jekk hix persuna ġenwina li qed tfittex impjieg, jekk hix involuta fi tfittxija attiva għal impjieg jew tipparteċipax f’attivitajiet oħra mmirati biex issib impjieg;

iii.

li s-soġġorni fl-Istat kompetenti normalment jitqiesu bħala li jagħtu lis-servizzi tal-impjieg opportunitajiet aħjar biex jivvalutaw jekk il-persuna qiegħda hijiex qed tingħata segwitu xieraq; kif ukoll

iv.

li l-iskema nazzjonali tippermetti li wieħed jirċievi benefiċċji tal-qgħad fi Stat ieħor taż-ŻEE bil-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament 883/2004.

Mistoqsija 3

Sa fejn huwa meħtieġ mir-risposti għad-domandi 1 u 2, isiru domandi ekwivalenti fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, inklużi l-Artikoli 4, 6 u 7.

Mistoqsija 4

L-akkużat ġie mixli li pprovda informazzjoni falza lill-korp amministrattiv NAV dwar soġġorni fi Stat ieħor taż-ŻEE, u b’hekk żgwida lin-NAV biex jitħallas benefiċċji tal-qgħad li ma kienx intitolat għalihom minħabba li l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali jistabbilixxi kundizzjonijiet li jobbligaw soġġorn (“opphold”) fin-Norveġja biex ikun jista’ jirċievi benefiċċji tal-qgħad. Minħabba t-traspożizzjoni Norveġiża tar-Regolament 883/2004 (ara l-mistoqsija 1), l-użu tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali dwar il-frodi u l-għoti ta’ dikjarazzjoni falza f’każ bħal dak preżenti huwa konformi mal-prinċipji fundamentali tal-liġi taż-ŻEE bħall-prinċipju taċ-ċarezza u l-prinċipju taċ-ċertezza legali?

Mistoqsija 5

Fid-dawl tal-każ speċifiku bħal dak preżenti u t-traspożizzjoni min-Norveġja tar-Regolament 883/2004 (ara l-mistoqsija 1), is-sanzjoni bil-liġi kriminali hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità?