8.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/5


Talba għal Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti tal-EFTA mill-Beschwerdekommission der Finanzmarktaufsicht datata t-12 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża Edmund Falkenhahn AG vs Awtorità tas-Suq Finanzjarju tal-Liechtenstein

(Il-Kawża E-9/17)

(2018/C 46/06)

Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Ottubru 2017 saret talba lill-Qorti tal-EFTA mill-Beschwerdekommission der Finanzmarktaufsicht (Bord tal-Appelli tal-Awtorità tas-Suq Finanzjarju), li waslet għand ir-Reġistru tal-Qorti fit-12 ta’ Ottubru 2017, għal Opinjoni Konsultattiva fil-Kawża Edmund Falkenhahn AG vs l-Awtorità tas-Suq Finanzjarju tal-Liechtenstein dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

I/1.

Huwa kompatibbli mad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi) jekk il-flus elettroniċi jkollhom valur differenti mill-valur nominali meta jaslu l-fondi fil-perjodu bejn il-ħruġ (l-Artikolu 11(1)) u r-rimborż (l-Artikolu 11(2)), sakemm ir-rimborż (l-Artikolu 11(2)) ikun mill-inqas bil-valur nominali tagħhom?

I/2.

Jekk il-Mistoqsija I/1 titwieġeb fl-affermattiv: Jistal-valur differenti msemmi fil-Mistoqsija I/1 ikun marbut ma’ valur varjabbli (bħal pereżempju l-prezz tad-deheb)?

I/3.

Jekk il-Mistoqsija I/2 titwieġeb fl-affermattiv: F’każ ta’ rabta ma’ valur varjabbli (bħal pereżempju l-prezz tad-deheb), huwa kompatibbli mal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi għal rimborż (l-Artikolu 11(2)) li għandu jitwettaq fuq ammont ’il fuq mill-valur nominali?

II/1.

L-Artikolu 7(2), l-ewwel u t-tieni subparagrafu tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi jiddefinixxu b’mod eżawrjenti liema għandhom jiġu kkunsidrati bħala beni sikuri ta’ riskju baxx fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi moqri flimkien mal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas)?

II/2.

Jekk il-Mistoqsija II/1 titwieġeb fin-negattiv: L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas jipprekludi lill-awtorità kompetenti milli tiddefinixxi x’jikkostitwixxi assi siguri, (likwidi) b’riskju baxx biss bħala parti mid-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi?

II/3.

Jekk il-Mistoqsija II/2 titwieġeb fin-negattiv: Ir-referenza għall-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi għandha tiġi interpretata li tfisser “beni sikuri ta’ riskju baxx” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi jew bħala li tfisser “beni sikuri, likwidi ta’ riskju baxx”?

II/4.

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija II/3: Id-deheb huwa beni (likwidi) ta’ riskju baxx?