6.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/17


Azzjoni mressqa fl-1 ta’ Frar 2017 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Iżlanda

(il-Kawża E-3/17)

(2017/C 108/15)

Fl-1 ta’ Frar 2017 inġiebet quddiem il-Qorti tal-EFTA azzjoni kontra l-Iżlanda mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Carsten Zatschler u Maria Moustakali, li aġixxu bħala Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, 35 Rue Belliard, 1040 Brussell, il-Belġju.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

1.

Billi żammet fis-seħħ sistema ta’ awtorizzazzjoni għal laħam frisk u prodotti tal-laħam, kif stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Att Nru 25/1993 u l-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament (IS) Nru 448/2012, l-Iżlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn dan l-Att imsemmijin fil-Punt 1.1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE, id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, kif emendata, u kif adattata għall-Ftehim ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu u l-adattamenti settorjali fl-Anness I tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha.

2.

L-Iżlanda tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

L-isfond legali u fattwali u l-eċċezzjonijiet miġjuba bħala sostenn:

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li l-Iżlanda kisret l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 89/662/KEE billi (i) żammet fis-seħħ sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta’, fost oħrajn, laħam frisk u prodotti tal-laħam.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li r-regoli li jikkonċernaw il-kummerċ fiż-ŻEE ta’ prodotti mill-annimali u l-ispezzjonijiet veterinarji huma armonizzati fil-livell taż-ŻEE. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tirregola l-ispezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ fiż-ŻEE ta’ prodotti mill-annimali. L-objettiv ewlieni tagħha huwa li jiġu eliminati l-ispezzjonijiet veterinarji fuq il-fruntieri interni taż-ŻEE filwaqt li jissaħħu l-ispezzjonijiet li jsiru fil-post tal-oriġini. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat taż-ŻEE ta’ destinazzjoni jistgħu jivverifikaw biss, permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post mhux diskriminatorji, f’konformità mal-leġiżlazzjoni taż-ŻEE rilevanti.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li billi żammet fis-seħħ is-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta’ laħam frisk u prodotti tal-laħam, l-Iżlanda timponi rekwiżiti addizzjonali, li mhumiex permessi skont il-qafas armonizzat ta’ spezzjonijiet veterinarji fil-livell taż-ŻEE.

Skont l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, in-nuqqas ta’ konformità mal-liġi taż-ŻEE ta’ din l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali diġà ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-EFTA fis-sentenza tagħha fil-Kawża E-17/15 Ferskar kjötvörur ehf. vs l-Istat tal-Iżlanda.