9.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/59


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 357/15/COL

tat-23 ta' Settembru 2015

biex tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mill-Istat favur Sandefjord Fotball AS (In-Norveġja) [2016/906]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“L-AWTORITÀ”),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u partikolarment l-Artikolu 61 u l-Protokoll 26,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), b'mod partikolari l-Artikolu 24,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (“il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tal-Parti II,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Proċedura

(1)

Wara li waslu l-ilmenti u l-informazzjoni tas-suq, l-Awtorità nnotifikat lill-awtoritajiet Norveġiżi dwar allegazzjonijiet ta' għajnuna mill-Istat rigward il-finanzjament tal-stadium il-ġdid tal-futbol f'Sandefjord fil-31 ta' Ottubru 2013 (id-Dokument Nru 686574). Fl-istess korrispondenza, l-Awtorità talbet informazzjoni dwar il-miżura tal-allegata għajnuna, li l-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew fid-29 ta' Novembru 2013 (id-Dokumenti Nri 691773 u 691774).

(2)

L-Awtorità talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Norveġiżi fis-16 ta' Jannar 2014 (id-Dokument Nru 694963), li ġiet ipprovduta fl-14 ta' Frar 2014 (id-Dokument Nru 699518).

(3)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, l-Awtorità ddeċidiet li tadotta d-Deċiżjoni Nru 444/14/COL li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali dwar l-għajnuna favur Sandefjord Fotball AS fit-22 ta' Ottubru 2014 u stiednet lill-awtoritajiet Norveġiżi biex jipprovdu kummenti. Id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-15 ta' Jannar 2015, li tistieden lill-partijiet terzi biex jibagħtu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni.

(4)

L-awtoritajiet Norveġiżi ngħataw estensjoni tal-iskadenza għall-kummenti sat-23 ta' Diċembru 2014 u pprovdew kummenti f'dik id-data (id-Dokumenti Nru 733899–733901). L-Awtorità ma rċeviet l-ebda kumment ieħor.

2.   Il-benefiċjarju — Sandefjord Fotball AS

(5)

Sandefjord Fotball club hija assoċjazzjoni stabbilita fl-1998 fuq il-bażi ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-akbar żewġ klabbs tal-futbol fiż-żona ta' Sandefjord, jiġifieri Sandefjord Ballklubb u IL Runar. L-għan ta' din il-kooperazzjoni kien li jinħoloq tim tal-futbol professjonali f'Sandefjord li jkun jista' jitla' sal-ogħla diviżjoni tan-Norveġja.

(6)

Sandefjord Fotball AS, kumpanija b'responsabbiltà limitata topera t-tim professjonali (“Elite”) (1) Il-kooperazzjoni bejn il-klabb Sandefjord Fotball u Sandefjord Fotball AS hi bbażata fuq ir-rekwiżiti tal-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Futbol. Il-klabb jieħu ħsieb ukoll tim amatorjali u t-tim tal-futbol taż-żgħażagħ. Imexxi wkoll skejjel tas-sajf tal-futbol u jorganizza kompetizzjonijiet tal-futbol reġjonali għad-dilettanti żgħażagħ.

3.   Definizzjoni tal-miżura

3.1.    Sfond

(7)

Sal-2007, it-tim Elite ta' Sandefjord Fotball uża stadium proprjetà tal-muniċipalità f'Bugårdsparken għal skopijiet ta' taħriġ u partiti. Madankollu, dan l-istadium ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-Federazzjoni Norveġiża tal-Futbol għal klabbs li jilagħbu fl-ogħla diviżjoni. It-titjib tal-istadium eżistenti ġie stmat li jiswa madwar NOK 40 miljun, li l-muniċipalità ta' Sandefjord ma kinetx lesta li tinvesti.

3.2.    Il-bini tal-istadium il-ġdid

(8)

Fl-2005, il-muniċipalità ta' Sandefjord u Sandefjord Fotball AS, iddiskutew il-possibbiltà li jinbena stadium ġdid. Il-muniċipalità qablet li tipprovdi l-art meħtieġa, u Sandefjord Fotball AS tiffinanzja u tmexxi l-istadium.

(9)

Il-muniċipalità akkwistat diversi biċċiet ta' art fiż-żona Pindsle għal total ta' madwar NOK 3,7 miljun. L-art kienet irregolata bħala art agrikola dak iż-żmien. Id-deċiżjoni tal-muniċipalità tas-6 ta' Settembru 2005 li tawtorizza l-akkwist kienet tipprevedi li l-art tiġi żonata mill-ġdid għall-użu tan-negozju u li tirrikjedi l-kostruzzjoni ta' stadium. Fil-pjan ta' tqassim f'żoni ġodda, l-art ġiet mifruqa f'żewġ partijiet: il-plot 152/96 ġie żonat għal użu mħallat ta' stadium u dak għan-negozju, u l-plot 152/97 għal użu tan-negozju. Permezz ta' ftehim bid-data tat-28 ta' Novembru 2006, iż-żewġ biċċiet ta' art ġew ittrasferiti lil żewġ kumpaniji sussidjarji ta' Sandefjord Fotball AS: il-plot 152/96 lil Sandefjord Fotball Stadion AS u l-plot 152/97 lil Sandefjord Fotball Næring AS.

(10)

Skont il-ftehim, Sandefjord Fotball AS kienet responsabbli biex torganizza l-finanzjament neċessarju biex jinbena l-istadium. L-ispejjeż tal-kostruzzjoni ġew stmati għal NOK 110 miljun għall-proġett. Sandefjord Fotball AS kienet se tikkontribwixxi NOK 70 miljun mill-fondi tagħha stess u minn investituri barranin, il-bejgħ ta' drittijiet tal-isem, eċċ, u tieħu self tal-NOK 40 miljun li jifdal. Il-kontribut ta' Sandefjord Fotball AS se jkun parzjalment miġbur mill-bejgħ tal-art żonata għall-użu tan-negozju (il-plot 152/97) lil Pindsle Property AS.

(11)

Minbarra l-bini tal-istadium, il-ftehim jinkludi għadd ta' obbligi oħrajn. B'mod partikolari, Sandefjord Fotball AS qablet li tagħmel xogħlijiet tat-triq fis-sit tal-istadium u li tkopri l-ispejjeż relatati mal-waqfien mill-użu tal-istadium il-qadim, inklużi t-tiswijiet.

(12)

Ftit wara l-iffirmar tal-ftehim, l-ishma fi Sandefjord Fotball Næring AS, li kienu proprjetarji tal-plot 152/97, ġew akkwistati minn Pindsle Property AS għal NOK 40 miljun. Ma saret l-ebda valwazzjoni tal-kumpanija qabel ma sar il-bejgħ.

(13)

L-istadium il-ġdid tlesta f'Lulju tal-2007 bi spejjeż totali tal-kostruzzjoni ta' NOK 110 miljun (2). Barra mill-piċċ tal-futbol u l-istands, fih għadd ta' faċilitajiet oħra, fosthom trekk tal-atletika, ċentru tal-fitness u kmamar għal-laqgħat. Dawn jinkrew b'xejn lil organizzazzjonijiet (l-iktar tal-isport amatorjali) oħrajn.

3.3.    Bejgħ sussegwenti tal-istadium

(14)

Fl-2009, Sandefjord Fotball AS sabet ruħha f'diffikultajiet finanzjarji. Il-Klabb ddeċieda li jiġbor il-fondi permezz tal-bejgħ ta' Sandefjord Fotball Stadion AS (il-kumpanija proprjetarja tal-istadium u l-proprjetajiet li jmissu miegħu fuq il-plot 152/96) lil Pindsle Property AS. Din id-darba, skont il-liġi Norveġiża kien hemm bżonn valutazzjoni tal-kumpanija minn parti terza billi bosta individwi kellhom pożizzjonijiet fuq il-bord u ishma kemm fil-kumpanija kif ukoll f'Pindsle Property AS.

(15)

Ir-rapport tal-esperti tas-6 ta' April 2009 vvalutaw lil Sandefjord Fotball Stadion AS bejn NOK 14-il miljun u NOK 16-il miljun. Il-kumpanija nbiegħet għall-prezz ta' NOK 15-il miljun fid-9 ta' Ġunju 2009.

4.   Id-deċiżjoni tal-ftuħ

(16)

Fit-22 ta' Ottubru 2014, l-Awtorità ħarġet id-Deċiżjoni Nru 444/14/COL li fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali dwar l-għajnuna favur Sandefjord Fotball AS.

(17)

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità waslet għall-konklużjoni preliminari li t-trasferiment tal-art lil Sandefjord Fotball AS kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. B'mod partikolari, l-Awtorità qieset li t-trasferiment sar 'l isfel mill-valur tas-suq kemm għall-plot 152/96 (żonat għal użu mħallat ta' stadium u dak għan-negozju) u l-plot 152/97 (żonat għall-użu tan-negozju).

(18)

Billi ma ġew ippreżentati l-ebda argumenti dwar il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk il-miżura tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

5.   Kummenti mill-Awtoritajiet Norveġiżi

(19)

L-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta' ittra bid-data tat-23 ta' Diċembru 2014 (id-Dokumenti Nru 733899–733901).

5.1.    It-tranżazzjoni ma tinvolvix għajnuna mill-Istat

(20)

Fil-kummenti tagħhom, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li t-trasferiment tal-art mill-muniċipalità ta' Sandefjord lil Sandefjord Fotball AS ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, billi ma kien hemm l-ebda vantaġġ mogħti lill-allegat benefiċjarju.

(21)

L-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu b'mod partikolari li l-valur tas-suq tal-art in kwistjoni kien negattiv fil-mument tat-tranżazzjoni, u ppreżentaw valutazzjoni esperta bid-data tal-5 ta' Frar 2014 f'dan is-sens. Ir-raġuni prinċipali għal dan l-allegat valur negattiv tal-art huwa li Sandefjord Fotball AS kien obbligat (bit-termini tat-trasferiment tal-art kif ukoll minħabba r-regoli taż-żonar) li jibni stadium tal-futbol bħala parti mit-tranżazzjoni, u li l-ispiża tal-kostruzzjoni kienet tiżboq il-valur tal-art.

(22)

Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, l-obbligu li jinbena stadium seta' validament jiġi impost bħala “obbligu speċjali” skont il-punt 2.2(c) tal-Parti V tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar elementi ta' għajnuna mill-Istat fil-bejgħ ta' artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi (“Linji Gwida dwar il-Bejgħ tal-Artijiet”) (3).

5.2.    Kull ammont ta' għajnuna se jkun limitat ħafna

(23)

Dwar l-ammont tal-allegata għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li, f'każ li l-Awtorità ssib li l-art kontenzjuża kellha valur pożittiv fis-suq, dan il-valur għandu jkun limitat ħafna.

(24)

L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-art agrikola tgawdi minn protezzjoni speċjali fin-Norveġja. Il-bejgħ tagħha u/jew bidla fl-użu għal għanijiet oħra huma soġġetti għal kontrolli stretti minn bordijiet agrikoli reġjonali. Fil-każ tal-art in kwistjoni, il-bord agrikolu kompetenti aċċetta biss il-proposta taż-żonar fuq il-bażi tal-objettiv tal-interess pubbliku tal-bini tal-istadium. Ma kienx ikun possibbli għal żviluppatur li jakkwista l-art purament għal użu kummerċjali. Għalhekk, il-prinċipju ta' investitur tas-suq ma jistax jiġi applikat fil-każ ta' trasferiment ta' artijiet. Minflok, l-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li kull valutazzjoni tas-suq għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-art agrikola, li kienet l-unika alternattiva realistika għall-użu.

(25)

Fl-alternattiva, rigward il-valur tal-art żonata għall-użu tan-negozju (il-plot 152/97) l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li Pindsle Property AS, il-kumpanija li akkwistat Sandefjord Fotball Næring AS għal NOK 40 miljun, ħallset aktar mill-prezz tas-suq. Biex jappoġġaw dan l-argument jirreferu għar-rapport tal-valutazzjoni (l-Anness 11 tad-Dokument Nru 699518), li kkonkluda li l-plot 152/97 kellu valur tas-suq ta' madwar NOK 15-il miljun (4). Il-valutazzjoni hi bbażata u il-prezz medju tal-art żonata għall-użu tan-negozju fiż-żona ta' Pindsle fi żmien it-tranżazzjoni.

(26)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li f'kull każ, għandu jsir numru ta' tnaqqisiet biex jiġi kkalkulat l-ammont ta' għajnuna. Dawn it-tnaqqisiet jirriżultaw minn ċerti obbligi li assuma Sandefjord Fotball AS għall-benefiċċju tal-muniċipalità skont il-ftehim bid-data tat-28 ta' Novembru 2006: (i) NOK 2,6 miljun għar-rinnovazzjoni tal-istadium il-qadim; (ii) NOK 400 000 għas-sostituzzjoni tad-dwal fl-istadium il-qadim; (iii) NOK 1,5 miljun għall-kostruzzjoni ta' passaġġ għall-pubbliku; u (iv) NOK 5 miljun għall-kostruzzjoni ta' roundabout u żebra crossing. B'kollox, il-ftehim għalhekk ippreveda li Sandefjord Fotball AS kellha ġġarrab spejjeż li jammontaw għal NOK 9,5 miljun (kif stmati dak iż-żmien) biex jipprovdu servizzi għall-muniċipalità (5).

5.3.    Kull għajnuna potenzjali mill-Istat għandha tiġi ddikjarata kompatibbli

(27)

L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li fil-każ li l-Awtorità sabet element ta' għajnuna mill-Istat li fit-tranżazzjoni in kwistjoni, kull għajnuna tali għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c) tiegħu.

(28)

L-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw li l-promozzjoni tal-isport, fosthom il-bini ta' infrastruttura tal-isport, jikkostitwixxi għan ta' interess komuni. Huma jargumentaw ukoll li l-għajnuna mill-Istat hija neċessarja u strument xieraq f'dan il-każ.

(29)

B'mod partikolari, l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li kien hemm ħtieġa għal stadium ġdid f'Sandefjord. Dawn id-dokumenti jindikaw pressjoni għolja tal-użu tal-istadium muniċipali eżistenti, li kien jintuża minn Sandefjord Fotball u timijiet oħra f'dak iż-żmien. Barra minn hekk, kien meħtieġ stadium aktar modern biex ilaħħaq mar-rekwiżiti tal-liċenzjar tal-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Futbol biex tippermetti lit-tim Elite ta' Sandefjord Fotball — li kien ilu jopera b'eżenzjoni temporanja — jibqa' fl-ogħla league Norveġiż.

(30)

Il-muniċipalità ta' Sandefjord eżaminat l-alternattiva tat-titjib tal-istadium eżistenti, li, madankollu, ma kinux se jindirizzaw in-nuqqas ta' kapaċità. B'kuntrast, il-bini ta' stadium ġdid isolvi kemm il-problemi ta' kapaċità kif ukoll tal-ħruġ tal-liċenzji, u barra minn hekk jinħoloq post għall-futbol fil-kontea ta' Vestfold. Kif wieħed jista' jara mit-tabella ta' hawn taħt, l-istadium il-ġdid jintuża minn varjetà ta' klabbs. Barra minn hekk, l-istadium muniċipali l-qadim ġie rinnovat (iffinanzjat minn Sandefjord Fotball AS) u huwa kompletament utilizzat illum mill-klabbs sportivi lokali (l-atletika u l-futbol), l-iskejjel u l-pubbliku ġenerali. Dan ikompli juri li kien hemm ħtieġa għal stadium ġdid f'Sandefjord u li kull għajnuna mill-Istat kienet xierqa. Barra minn hekk, it-titjib tal-istadium eżistenti kien jirrikjedi investiment ta' madwar NOK 40 miljun mill-muniċipalità, mingħajr l-ebda prospett li jiġu attirati fondi privati.

(31)

L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw ukoll li kull għajnuna tkun proporzjonata. L-ewwel nett, huma jiġbdu l-attenzjoni li l-maġġor parti tal-ispejjeż tal-investimenti tal-istadium il-ġdid ġew iffinanzjati minn Sandefjord Fotball AS, li kkontribwixxa l-ammont massimu possibbli għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni mir-riżorsi tiegħu stess u minn self bankarju. Il-kontribuzzjoni proprja żgurat li l-ammont tal-għajnuna kien wieħed minimu.

(32)

L-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw ukoll l-attivitajiet sportivi mhux ekonomiċi soċjali u fuq livell ta' dilettanti li saru possibbli permezz tal-kostruzzjoni tal-istadium. L-istadium muniċipali eżistenti issa huwa kompletament disponibbli għall-isport tad-dilettanti. Barra minn hekk, għadd ta' sport amatorjali u attivitajiet soċjali, fosthom l-avvenimenti fl-iskejjel, jitwettqu fuq bażi regolari fl-istadium il-ġdid.

(33)

Bħala prova ta' dan, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw it-tabella li ġejja li tagħti fil-qosor stima tal-okkupazzjoni annwali tal-istadium minn diversi utenti għall-perjodu mill-2007 sal-2014:

Klabb

Attivitajiet

Sigħat kull sena

Ħlas

It-tim Elite ta' Sandefjord Fotbal

20 partita (April–Ottubru/Novembru) 100 siegħa

Taħriġ minn April sa Ottubru/Novembru 2 × 5 × 16 = 160 siegħa (6)

260

Iva

Sandefjord Fotball Junior u timijiet Reklutati

Taħriġ u partiti Mejju-Settembru

60

Iva

Klabbs ta' kooperazzjoni

Taħriġ u partiti Mejju-Settembru

30

Le

Klabbs ta' kooperazzjoni

Bini għal korsijiet u konferenzi, ċelebrazzjonijiet, forum tal-kowċ u l-maniġer, lekċers

30

Le

Sandar IL (sports club)

Logħob b'età bejn 14-19 fit-tazza Sandar inkluż iċ-ċerimonja tal-ftuħ (u l-użu ta' kmamar tal-lokers)

25

Le

Vestfold Fotballkrets (L-assoċjazzjoni tal-futbol tal-kontea)

Laqgħat għal gruppi f'Sandefjord u l-bqija tal-kontea ta' età 14-16 fosthom taħriġ u partiti, korsijiet u edukazzjoni għal kowċis

30

Le

Sandefjord Fotball Bredde (sports għat-tfal u ż-żgħażagħ), turnej għad-dilettanti

L-amministrazzjoni tal-klabb tuża l-bini għal korsijiet u konferenzi. Skola tal-futbol matul il-btajjel tas-sajf, il-ħarifa u l-Għid ta' età 6-12 dwar il-qasam tal-futbol. Turnej tad-dilettanti “Tazzi tal-kumpaniji”

90

Le

(34)

Barra minn hekk, skejjel fil-qrib u diversi klabbs tal-atletika jużaw il-korsa tal-atletika matul il-ġimgħa. Hemm ukoll ġranet ta' attività organizzati mill-iskejjel li jseħħu fil-istadium tal-futbol.

(35)

L-użu mhux professjonali tal-istadium għalhekk jammonta għal aktar minn 50 %. Il-limitazzjoni ewlenija ta' żieda akbar fl-użu mhux professjonali hija r-reżiljenza tal-piċċ tal-ħaxix naturali (7). It-tim professjonali jingħata aċċess preferenzjali għall-istadium permezz tal-prenotazzjoni tal-grawnd tal-futbol għall-partiti li jintlagħbu home, u aċċess preferenzjali għall-grawnd tal-futbol għat-taħriġ. Il-bini ta' ġewwa (pereż. il-kmamar tal-lokers u l-bini fejn hemm l-uffiċċji) jista' jintuża s-sena kollha minn kwalunkwe organizzazzjoni.

(36)

Kif wieħed jista' jara mit-tabella ta' hawn fuq, l-aktar utenti mhux professjonali tal-istadium ma jħallsux kera. B'kuntrast, it-tim Elite iħallas kirja annwali ta' NOK 3 miljun flimkien ma' 20 % tal-bejgħ tal-biljetti għall-użu tal-istadium. L-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw dan l-ammont li jikkorrispondi għall-kera tas-suq: timijiet komparabbli jħallsu l-kera għal kull siegħa fil-medda ta' minn NOK 2 000 sa NOK 5 000, li meta tgħoddhom flimkien jirriżultaw f'kera totali orħos minn NOK 3 miljun kull sena. Għalhekk l-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li t-tim Elite ta' Sandefjord Fotball ma jibbenefika minn ebda vantaġġ fuq il-kompetituri tiegħu mill-kera jħallas biex juża l-istadium.

(37)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw li kull effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni jkun limitat ħafna minħabba l-karattru lokali tal-klabb. Il-biljetti tal-partiti home b'mod ġenerali jinbiegħu biss lokalment u lill-partitarji tat-timijiet Norveġiża jiġu. Id-dħul mill-bejgħ tal-kjosk waqt il-partiti jvarja bejn NOK 600 000 u NOK 1 miljun kull sena. Fir-rigward tal-merkanzija tad-ditta, is-suq huwa fil-biċċa l-kbira limitat għall-partitarji fil-kontea ta' Vestfold. Ma jkunx hemm kompetizzjoni bejn il-klabbs fir-rigward ta' dawn il-prodotti. L-isem tal-arena inbiegħ lil Komplett.no, li huwa l-ħanut elettroniku bbażat f'Sandefjord tal-elettronika. Huma biss ditti lokali jirreklamaw fl-arena.

(38)

Anki rigward is-suq tal-plejers, l-effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni huwa limitat. In-negozju tal-plejers ta' Sandefjord Fotball AS hu limitat ħafna u jsir biss ma' klabbs Norveġiżi oħra. Pereżempju, matul il-perjodu bejn l-2011 u l-2013, in-negozju tal-plejers wassal għal dħul ta' NOK 1,35 miljun biss u spejjeż ta' NOK 860 000.

(39)

Rigward id-drittijiet televiżivi, l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li dawn id-drittijiet huma amministrati ċentralment mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol Norveġiża. Is-sehem ta' klabb mir-rikavati jiddependi fuq il-klassifikazzjoni tiegħu fiż-żewġ leagues Norveġiżi ta' fuq nett. Billi ma hemm l-ebda interess reali fil-league tal-futbol Norveġiż 'il barra min-Norveġja, dawn id-drittijiet televiżivi ma għandhom l-ebda impatt reali fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

II.   VALUTAZZJONI

1.   Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat

(40)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE huwa kif ġej: “Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f'dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, mill-Istati tal-EFTA jew permezz ta' riżorsi tal-Istat li twassal biex ixxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim.”

(41)

Dan ifisser li miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati kumulattivament: il-miżura tingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lill-impriża, u hija ta' natura li taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti u tfixkel il-kompetizzjoni.

1.1.    Riżorsi tal-Istat

(42)

Biex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun ingħatat mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. Il-kunċett tal-Istat mhux biss jirreferi għall-gvern ċentrali iżda jħaddan il-livelli kollha tal-amministrazzjoni tal-Istat (fosthom il-muniċipalitajiet) kif ukoll impriżi pubbliċi (8).

(43)

L-art in kwistjoni kienet ġiet akkwistata mill-muniċipalità ta' Sandefjord u li mbagħad kienet trasferita lejn żewġ sussidjarji ta' Sandefjord Fotball AS. Għalhekk, l-Awtorità tikkonkludi li t-trasferiment tal-art jinvolvi riżorsi tal-Istat.

1.2.    Impriża

(44)

Hi ġurisprudenza stabbilita sew li impriżi huma entitajiet imdaħħlin f'attivitajiet ekonomiċi, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom u l-mod kif inhuma ffinanzjati (9). Attivitajiet ekonomiċi huma attivitajiet magħmulha mill-offerti tal-oġġetti jew is-servizzi fis-suq (10).

(45)

Sandefjord Fotball AS huwa klabb tal-futbol professjonali organizzat bħala kumpanija privata. Hu attiv f'diversi swieq, fosthom is-suq ta' trasferimenti għall-plejers tal-futbol, kif ukoll is-swieq tal-bejgħ tal-biljetti, id-drittijiet televiżivi, il-memorabilja tal-klabb u l-sponsorjar.

(46)

L-Awtorità għalhekk tikkonkludi li Sandefjord Fotball AS jikkostitwixxi impriża fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

1.3.    Vantaġġ ekonomiku

(47)

It-trasferiment ta' art lil impriża jista' jagħti vantaġġ ekonomiku, b'mod partikolari jekk dan isir bi prezz li jkun aktar baxx mill-prezz tas-suq.

(48)

Tranżazzjoni li titrasferixxi riżorsi tal-Istat ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat meta ssir b'konformità mal-kundizzjonijiet normali tas-suq b'mod li ma tagħtix vantaġġ lill-impriża (11). Dan hu magħruf bħala t-test tal-operatur tal-ekonomija tas-suq.

1.3.1.   Trasferiment tal-plot 152/96

(49)

Fil-mument tat-trasferiment lil Sandefjord Fotball AS, il-plot 152/96 kien allokat għall-bini ta' stadium tal-futbol u użu għan-negozju. Kull kostruzzjoni fuq biċċa art, għalhekk, hemm bżonn li tinkludi stadium biex tirċievi l-permess tal-ippjanar. Minħabba li l-ispejjeż għall-bini tal-istadium qabeż il-valur potenzjali tal-art, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li l-prezz tas-suq tal-plot 152/96 kien żero, jekk mhux negattiv.

(50)

L-Awtorità tinnota li l-obbligi taż-żonar jistgħu jinfluwenzaw l-prezz tas-suq tal-art. Madankollu, l-obbligu li jinbena stadium tal-futbol ma jistax inaqqas il-prezz tas-suq għal żero, b'mod partikolari fil-każ ta' tranżazzjoni li għandha l-għan li tgħin klabb tal-futbol fil-bini ta' stadium ġdid. (12)

(51)

Barra minn hekk, l-Awtorità tirreferi għal Taqsima 2.2(d) tal-Linji Gwida tagħha dwar il-Bejgħ tal-Art, li tiddikjara fil-prinċipju, “il-valur tas-suq ma għandux ikun iffissat 'l isfel mill-kostijiet primarji  (13) matul perjodu ta' mill-anqas tliet snin wara l-akkwist sakemm il-valwatur indipendenti ma jidentifikax b'mod speċifiku tnaqqis ġenerali fil-prezzijiet tas-suq għall-art ul-bini fis-suq relevanti.” Fil-każ in kwistjoni, il-muniċipalità ta' Sandefjord akkwistat art li aktar tard ġiet maqsuma fil-plottijiet 152/96 u 152/97 għal NOK 3,7 miljun. L-Awtorità tinnota li t-trasferiment ta' art lil Sandefjord Fotball AS seħħ bi prezz li kien inqas mill-ispiża tal-akkwist għall-muniċipalità.

(52)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li t-trasferiment tal-plot 152/96 ta vantaġġ ekonomiku lil Sandefjord Fotball AS.

1.3.2.   Trasferiment tal-plot 152/97

(53)

Il-plot 152/97 ġie allokat għall-użu ta' negozju fil-mument tat-trasferiment lil Sandefjord Fotball AS. L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li t-trasferiment tal-plot 152/97 għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-kuntratt tat-28 ta' Novembru 2006, li jobbliga lill-klabb tal-futbol b'mod partikolari biex jibni stadium bi skambju għall-art. Billi l-istima tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-istadium jaqbeż il-valur tal-art, it-trasferiment tal-art ma setax jirriżulta fl-għotja ta' vantaġġ ekonomiku.

(54)

L-Awtorità tinnota li l-plot 152/97 hu żonat għall-użu ta' negozju. Skont ir-regoli tal-ippjanar, ma hemm għalhekk ebda obbligu li jinbena stadium fir-rigward ta' dan il-plot. Lanqas ma kien hemm xi restrizzjoni vinkolanti bbażati fuq il-bażi taż-żonar preċedenti tagħha bħala art agrikola li kienet hemm fil-mument tat-trasferiment lil Sandefjord Fotball AS. Hu biss il-kuntratt tat-28 ta' Novembru 2006 li jobbliga Sandefjord Fotball AS biex jorganizza u jiffinanzja l-kostruzzjoni tal-istadium. Huwa l-uniku strument legali li tipprevedi li l-plot 152/97 se jinbiegħ biex jiffinanzja parti mill-kostruzzjoni.

(55)

L-Awtorità tikkunsidra li operatur f'ekonomija tas-suq li jbiegħ biċċa art ma kienx se jimponi tali kundizzjonijiet relatati mal-kostruzzjoni jew il-finanzjament ta' stadium. Għalhekk, l-Awtorità ma tistax taċċetta l-argument li r-rabta kuntrattwali bejn it-trasferiment tal-plot 152/97 lil Sandefjord Fotball AS u l-kostruzzjoni tal-istadium għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni ta' jekk hemmx vantaġġ ekonomiku.

(56)

L-Awtorità tinnota wkoll li ftit wara t-trasferiment, Sandefjord Fotball AS biegħ l-ishma f'Sandefjord Fotball Næring AS, lil kumpanija proprjetarja tal-plot 152/97, lil Pindsle Property AS għal NOK 40 miljun. Dan il-bejgħ jindika li l-art kontenzjuża kellha valur ekonomiku.

(57)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li t-trasferiment tal-plot 152/97 ta vantaġġ ekonomiku lil Sandefjord Fotball AS.

1.4.    Is-selettività

(58)

L-allegata għajnuna mill-Istat tirriżulta minn tranżazzjoni bejn il-muniċipalità ta' Sandefjord u Sandefjord Fotball AS. Hija tirrappreżenta miżura selettiva fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, fis-sens li hija tikkonċerna biss impriża waħda partikolari.

1.5.    Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti

(59)

Skont il-ġurisprudenza rigward l-effett fuq il-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-Awtorità “[i]jiet mitluba, li ma jistabbilixxux li tali għajnuna kellha effett reali fuq il-kummerċ […] u li l-kompetizzjoni tkun attwalment qed tiġi distorta, iżda għandha biss teżamina jekk dik l-giħajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni” (14).

(60)

Is-sempliċi fatt li l-għajnuna ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' dik ta' impriżi oħra li jikkompetu fin-negozju fiż-ŻEE, huwa biżżejjed biex jiġi konkluż li l-miżura x'aktarx li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE (15).

(61)

Fl-2006, it-tim Elite ta' Sandefjord Fotball kien jilgħab fl-ogħla diviżjoni Norveġiża, bil-possibbiltà li jikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej. Barra minn hekk, il-klabbs tal-futbol professjonali li jwettqu attivitajiet ekonomiċi f'diversi swieq oħra minbarra dawk li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet tal-futbol, bħalma huma t-trasferiment ta' plejers professjonali fis-suq, reklamar, sponsorship, merchandising jew drittijiet tal-midja. B'hekk għajnuna lil klabb tal-futbol professjonali u tista' potenzjalment isaħħaħ il-pożizzjoni ta' dawk is-swieq, li l-biċċa l-kbira tagħhom jistgħu jkopru bosta pajjiżi fiż-ŻEE. Fir-rigward tas-suq għat-trasferiment tal-plejers, Sandefjord Fotball AS dak iż-żmien kien — u għadu sallum — attiv fuq is-suq tat-trasferiment, potenzjalment jingaġġa plejers ġodda minn pajjiżi oħra fiż-ŻEE.

(62)

L-Awtorità għalhekk tikkonkludi li l-miżura kapaċi tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE.

1.6.    Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(63)

Fuq il-bażi tar-riżultanzi t'hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

1.7.    L-ammont tal-għajnuna

(64)

Rigward il-plot 152/96, l-Awtorità tirrikonoxxi li l-obbligu taż-żonar inkluż il-kostruzzjoni tal-istadium inaqqas il-valur tas-suq tal-art (16). Madankollu, kif spjegat fil-premessa 50 t'hawn fuq, il-prezz tas-suq ta' żero ma jistax jiġi ġġustifikat fil-każ preżenti. Fuq il-bażi tat-Taqsima 2.2(d) tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar il-Bejgħ tal-Artijiet, il-muniċipalità ta' Sandefjord kellha tbigħ l-art għall-inqas bi prezz li jkopri l-ispejjeż tal-akkwist tagħha stess. Fuq din il-bażi, l-Awtorità tqis li l-ammont tal-għajnuna rigward dan il-plot ta' art jammonta għal NOK 1,9 miljun (17).

(65)

Dwar il-plot 152/97, l-Awtorità tinnota li Sandefjord Fotball AS biegħ l-ishma f'Sandefjord Fotball Næring AS, il-kumpanija proprjetarja tal-plot 152/97, lil Pindsle Property AS għal NOK 40 miljun. Pindsle Property AS hija kumpanija privata, u ma kinitx parti mill-istess grupp bħal Sandefjord Fotball AS fil-mument tat-tranżazzjoni. Għalhekk il-bejgħ sar bejn żewġ kumpaniji indipendenti (18). L-Awtorità ma rċeviet l-ebda evidenza konvinċenti li din it-tranżazzjoni ma saritx bil-prezz tas-suq. Għaldaqstant, l-Awtorità tqis li hi tirrappreżenta l-aħjar indikazzjoni disponibbli dwar il-valur tas-suq għall-plot 152/97.

(66)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-valur totali tas-suq tal-art trasferita lil Sandefjord Fotball AS kien jammonta għal NOK 41,9 miljun fiż-żmien tat-tranżazzjoni. Madankollu, bil-ftehim bid-data tat-28 ta' Novembru 2006, Sandefjord Fotball AS issuppona wkoll diversi obbligi biex iwettaq xogħlijiet f'isem il-muniċipalità ta' Sandefjord. Kif stipulat fil-premessa 26 hawn fuq, l-ispiża totali stmata ta' dawn l-obbligi kienet ta' NOK 9,5 miljun fiż-żmien tal-ftehim. L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li, li ma kienx għat-termini tal-ftehim, dawn ix-xogħlijiet kienu jitwettqu mill-muniċipalità. Għaldaqstant, l-Awtorità taċċetta li l-ispiża totali tagħhom — kif previst fiż-żmien tal-ftehim — għandu jitnaqqas mill-ammont tal-għajnujna.

(67)

L-Awtorità għalhekk tikkonkludi li l-għajnuna totali mogħtija lil Sandefjord Fotball AS kienet tammonta għal NOK 32,4 miljun.

2.   Rekwiżiti tal-proċedura

(68)

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3, “l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista' tissottometti l-kummenti tagħha, dwar kwalunkwe pjan ta' għoti jew ta' tibdil fl-għajnuna (…). L-Istat ikkonċernat ma għandux idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu sakemm il-proċedura tkun irriżultat f'deċiżjoni finali”.

(69)

It-trasferiment tal-art kontenzjuża ma kienx is-suġġett ta' notifika minn qabel lill-Awtorità. Għalhekk, l-Awtorità tikkonkludi li l-awtoritajiet Norveġiżi ma kkonformawx mal-obbligi tagħhom li joħroġu mill-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3.

3.   Il-kompatibbiltà

(70)

Skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, għajnuna mmirata li tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta' ċerti oqsma ekonomiċi tista' titqies kompatibbli mal-iffunzjonar tal-Ftehim dwar iż-ŻEE sakemm tali għajnuna ma taffettwax b'mod avvers il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni.

(71)

L-Awtorità tinnota li hi għadha ma ħarġet l-ebda linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-bini ta' infrastruttura sportiva. Il-miżura inkwistjoni għaldaqstant għandha tiġi vvalutata direttament taħt l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(72)

F'konformità mal-prattika fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna, il-valutazzjoni tal-Awtorità hija bbażata fuq dawn il-passi li ġejjin:

Il-miżura ta' għajnuna għandha objettiv ta' interess komuni definit sewwa?

L-għajnuna hija mfassla sewwa biex twassal għall-objettiv ta' interess komuni, jiġifieri l-għajnuna proposta tindirizza l-falliment tas-suq jew objettiv ieħor? B'mod partikolari:

L-għajnuna mill-Istat hija strument xieraq?

Jeżisti effett ta' inċentiv, jiġifieri l-għajnuna tbiddel l-atteġġjament tal-impriżi?

Il-miżura tal-għajnuna hija proporzjonali, jiġifieri l-istess bidla fl-atteġġjament tista' tinkiseb b'inqas għajnuna?

It-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati biex il-bilanċ ġenerali jkun pożittiv?

(73)

Il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq se jiġu indirizzati fil-paragrafi li ġejjin.

3.1.    Għan ta' interess komuni

(74)

L-Awtorità tosserva l-ewwel nett li l-promozzjoni tal-isport mhux direttament imsemmi fil-Ftehim dwar iż-ŻEE bħala għan komuni. Madankollu, il-promozzjoni tal-isport tista' titqies bħala parti mill-promozzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ kif ukoll tal-politika soċjali. Il-kooperazzjoni eqreb f'dawn l-oqsma hija kkunsidrata bħala għan taż-ŻEE, kif stabbilit b'mod partikolari fl-Artikoli 1 u 78 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Il-modalitajiet ta' din il-kooperazzjoni msaħħa huma aktar definiti fil-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet. L-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, hu intitolat “Edukazzjoni, Taħriġ, Żgħażagħ u Sport” u jipprevedi pereżempju l-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fis-Sena Ewropea tal-Edukazzjoni permezz ta' Sport 2004. Dan juri r-rabta mill-qrib bejn il-promozzjoni tal-isport u l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(75)

Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”). Fl-Unjoni Ewropea, il-promozzjoni tal-isport hija speċifikament imsemmija fl-Artikolu 165 TFUE, li kienet ġiet introdotta mit-Trattat ta' Lisbona. Madankollu, anki qabel it-Trattat ta' Lisbona il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-ispeċifiċità tar-rwol tal-isport fis-soċjetà Ewropea, abbażi ta' strutturi mmexxija b'mod volontarju, f'termini ta' saħħa, edukazzjoni, integrazzjoni soċjali u kultura. Minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, il-promozzjoni tal-isport ġiet rikonoxxuta wkoll bħala fattur li jikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi ttejjeb l-impjegabilità u l-mobilità, notevolment permess ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tiegħu, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

(76)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-promozzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp taż-żgħażagħ permezz tal-isport tikkostitwixxi għan ta' interess komuni. L-Awtorità tinnota wkoll li l-finanzjament tal-infrastrutturi sportivi jistgħu jibbenefikaw ukoll mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Dan juri ulterjorment li l-promozzjoni tal-isport, inkluża l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-isport, tikkostitwixxi għan ta' interess komuni.

3.2.    Strument xieraq

(77)

Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex effettiva biex jinkiseb l-objettiv ta' interess komuni identifikat, l-Awtorità għandha l-ewwel tagħmel djanjosi u tiddefinixxi l-problema li hemm bżonn li tiġi indirizzata. L-għajnuna mill-Istat għandu jkollha fil-mira sitwazzjonijiet fejn l-għajnuna tista' ġġib titjib materjali li s-suq ma jkunx kapaċi jġib waħdu. Barra minn hekk, il-miżura tal-għajnuna proposta trid tkun strument adegwat biex jiġi indirizzat l-objettiv ta' interess komuni identifikat.

(78)

Jeżisti falliment tas-suq rikonoxxut fil-forniment ta' stadia tal-futbol fin-Norveġja fil-forma ta' nuqqas ta' investiment kummerċjali fi stadia, li jagħmlu telf strutturali u d-dħul tagħhom ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tal-investiment (19).

(79)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi wrew ħtieġa ġenwina ta' stadium ġdid tal-futbol f'Sandefjord. Il-problemi ta' kapaċità li jeżistu fil-istadium muniċipali eżistenti fiż-żmien tal-miżura huma xhieda ta' dan, u l-fatt li l-istadium il-qadim ma baqax jissodisfa r-rekwiżiti tal-liċenzjar tal-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Futbol. Fl-aħħar nett, minħabba n-natura mhux profittabbli l-infrastruttura tal-istadium, l-għajnuna mill-Istat kienet meħtieġa biex jiġi stimulat l-investiment.

(80)

F'dan l-isfond, l-Awtorità tikkonkludi li l-għajnuna mill-istat hija l-istrument xieraq.

3.3.    L-effett ta' inċentiv

(81)

L-Awtorità tista' tiddikjara għajnuna mill-Istat kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, jekk ikollha effett ta' inċentiv. Effett ta' inċentiv iseħħ meta l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu biex itawwal l-objettiv identifikat ta' interess komuni, tibdil fl-imġiba li kieku ma kienx isir mingħajr l-għajnuna.

(82)

Qabel xejn, l-Awtorità tinnota li l-kostruzzjoni tal-istadium ma kienx beda qabel it-trasferiment tal-art inkwistjoni.

(83)

Barra minn hekk, l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Norveġiżi turi li Sandefjord Fotball AS ma setax jiffinanzja l-bini tal-istadium mingħajr l-għajnuna mill-Istat, billi ma kellux il-mezzi finanzjarji u lanqas il-kapaċità li jissellef fondi suffiċjenti biex ikopri n-nuqqas. Il-kontribut finanzjarju tagħha għall-kostruzzjoni tal-istadium diġà kienet fil-limitu ta' dak li kien possibbli (20).

(84)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-miżura ta' għajnuna kellha effett ta' inċentiv.

3.4.    Proporzjonalità

(85)

L-għajnuna mill-Istat hija meqjusa bħala proporzjonali jekk l-ammont tal-għajnuna huwa limitat għall-minimu meħtieġ għall-kisba tal-għan identifikat ta' interess komuni. L-Awtorità ġeneralment tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-proporzjonalità fuq il-kunċetti ta' spejjeż eliġibbli u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna.

(86)

Kif iddikjarat fil-premessa 67 hawn fuq, l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil Sandefjord Fotball AS tammonta għal NOK 32,4 miljun. Sabiex tkun ivvalutata l-intensità tal-għajnuna, din il-figura għandha titqiegħed fid-dawl tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment. L-Awtorità tikkunsidra li l-ispejjeż imġarrba minn Sandefjord Fotball AS f'isem il-muniċipalità ta' Sandefjord, li kienu tnaqqsu mill-ammont tal-għajnujna — ara l-premessa 66 hawn fuq — ma jistgħux jifformaw parti mill-ispejjeż eliġibbli. L-ispejjeż totali tal-investiment ta' NOK 110 miljun, għalhekk, jeħtieġ li jitnaqqsu minn NOK 9,5 miljun. L-ispejjeż eliġibbli tal-investiment jammontaw għal NOK 100,5 miljun, u l-intensità tal-għajnuna hija ta' 32 %. L-Awtorità tinnota li din l-intensità tal-għajnuna hija pjuttost baxxa, u li l-bqija tal-investiment kien iffinanzjat mill-benefiċjarju, Sandefjord Fotball AS.

(87)

Madankollu, l-intensità tal-għajnuna għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-benefiċċji soċjali li jirriżultaw mill-infrastruttura tal-istadium tal-futbol. Kif stabbilit fit-Taqsima I.5.3 aktar 'il fuq, l-istadium jintuża għal varjetà ta' użi non professjonali minn numru ta' utenti inklużi timijiet dilettanti tal-isport u l-iskejjel. B'kollox, dawn l-użi mhux ekonomiċi jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-użu totali tal-istadium.

(88)

Barra minn hekk, l-Awtorità tinnota li l-infrastruttura tal-istadium hija sa ċertu punt multifunzjonali li tikkombina stadium tal-futbol ma' trekk tal-atletika, ċentru tal-fitness u għadd ta' postijiet oħra fuq ġewwa. Dan iżid il-possibilitajiet li l-istadium jintuża għal skopijiet non ekonomiċi. Fl-aħħar nett, l-Awtorità tinnota li t-tim Elite iħallas il-kera tas-suq biex juża l-istadium (ara wkoll it-Taqsima II 3.5 hawn taħt), filwaqt li l-klabbs tad-dilettanti u utenti mhux kummerċjali oħra għandhom aċċess b'xejn għall-istadium. Dan jenfasizza wkoll il-kontribut soċjali li l-istadium qed jagħmel għall-Komunità.

(89)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-miżura ta' għajnuna hija proporzjonata.

3.5.    Ebda distorsjoni mhux dovuta tal-kompetizzjoni u l-kummerċ

(90)

Biex l-għajnuna tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti jridu jkunu limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f'termini ta' kontribut lejn l-objettiv ta' interess komuni.

(91)

Mill-bidu nett, l-Awtorità tinnota li l-istadium iffinanzjat bl-għajnuna mill-Istat inkwistjoni primarjament jaqdi għanijiet lokali u reġjonali. L-infrastruttura mhijiex maħsuba biex tattira avvenimenti internazzjonali, u lanqas ma hija maħsuba biex tintuża b'mod estensiv minn xi utenti kummerċjali għajr it-tim Elite ta' Sandefjord Fotball.

(92)

It-tim Elite qed iħallas il-kera biex juża l-istadium. It-termini preżenti tal-kiri huma bbażati fuq negozjati mas-sidien privati tal-istadium. Għalhekk, hemm suppożizzjoni li l-kera tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Dan hu kkonfermat ukoll mit-tqabbil ma' kera tipika ta' kera ta' stadium imħallsa minn klabbs oħrajn, li pprovdew l-awtoritajiet Norveġiżi (ara l-premessa 36 hawn fuq).

(93)

L-Awtorità tinnota wkoll li l-intensità tal-għajnuna hija baxxa, u l-kontribuzzjoni korrispondenti ta' Sandefjord Fotball AS għall-ispejjeż tal-investiment tkompli tnaqqas ir-riskju ta' distorsjonijiet.

(94)

Fl-aħħar nett, l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa minn Sandefjord Fotball AS għandhom biss impatt limitat ħafna fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni fiż-ŻEE minħabba l-karattru lokali tal-klabb. Il-bejgħ tal-biljetti tiegħu il-merchandising, l-isponsorjar u l-attivitajiet ta' reklamar huma mmirati primarjament lejn il-komunità lokali u l-kontea ta' Vestfold. L-attivitajiet tiegħu fis-suq għall-plejers huma wkoll limitati ħafna u ffukata fuq in-Norveġja. Fl-aħħar nett, Sandefjord Fotball AS ma għandu l-ebda influwenza diretta fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' drittijiet televiżivi, li huma amministrati ċentralment mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol Norveġiża, u f'kull każ jirċievi biss dħul limitat ħafna minnhom.

(95)

L-Awtorità għalhekk tikkonkludi li kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ kkawżata mill-miżura ta' għajnuna hija limitata.

3.6.    Ibbilanċjar u konklużjoni

(96)

Abbażi tal-valutazzjoni mogħtija hawn fuq, l-Awtorità bbilanċjat l-effetti negattivi u pożittivi tal-miżura nnotifikata. L-Awtorità tikkonkludi li d-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-miżura tal-għajnuna ma jaffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

4.   Konklużjoni

(97)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità kkonkludiet li t-trasferiment tal-art jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. L-Awtorità kkonkludiet li din l-għajnuna hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija favur Sandefjord Fotball AS hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c) tiegħu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 3

Il-verżjoni bil-lingwa Ingliża biss ta' din id-deċiżjoni hija awtentika.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Settembru 2015.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Sven Erik SVEDMAN

Il-President

Helga JÓNSDÓTTIR

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Aktar informazzjoni dwar il-benefiċjarju tista' tinstab fid-Deċiżjoni Nru 444/14/COL.

(2)  L-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw li l-investiment inizjali kien ta' NOK 110 miljun. Madankollu, il-klabb sussegwentement investa NOK 17-il miljun oħra f'tagħmir u apparat, l-aktar f'forma ta' xogħol imwettaq mill-membri tal-klabb (“dugnadsarbeid”).

(3)  Il-linji gwida tal-Awtorità dwar l-elementi tal-għajnuna mill-Istat fil-bejgħ tal-art minn awtoritajiet pubbliċi, adottati fis-17 ta' Novembru 1999. Jinsab fis-sit web: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

(4)  Ir-rapport ta' valutazzjoni jistma li l-valur kombinat tal-plottijiet 152/96 u 152/97 għal NOK 31 miljun. Il-NOK 15-il miljun jirriżultaw minn tqassim tal-istima skont id-daqs rispettiv taż-żewġ plottijiet.

(5)  L-ispejjeż finali kienu jammontaw għal NOK 12-il miljun, bl-ispejjeż żejda jiġu koperti minn Pindsle Property AS.

(6)  Matul ix-xitwa, it-tim Elite jitħarreġ fuq piċċ tal-ħaxix artifiċjali, imma juża l-lokers u l-ispazji oħra fuq ġewwa fl-istadium.

(7)  Hemm pjanijiet għall-installazzjoni ta' piċċ tal-ħaxix artifiċjali li jippermetti użu akbar.

(8)  L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17), inkorporata fil-punt 1a tal-Anness XV ta' mal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(9)  Is-sentenza Höfner u Elser v Macroton, C-41/90, EU:C:1991:161, paragrafi 21-22; is-sentenza Pavlov u Oħrajn, il-Kawżi Konġunti C-180/98 sa C-184/98, EU:C:2000:428; u s-sentenza fi Private Barnehagers Landsforbund v Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, E-5/07, EFTA Ct. Rep. 2008, p. 61, paragrafu 78.

(10)  Is-sentenza fil-Ministero dell'Economia e delle Finanze v Cassa di Risparmio di Firenze SpA [04] C-222/04, EU:C:2006:8, paragrafu 108.

(11)  Is-sentenza f'SFEI u Oħrajn, C-39/94, EU:C:1996:285, paragrafi 60-61.

(12)  F'dan il-kuntest, l-Awtorità tirreferi wkoll għal Taqsima 2.2(c) fil-Linji Gwida tagħha dwar il-Bejgħ tal-Art, li tiddikjara li meta tkun qed titwettaq valwazzjoni, l- “… [o]bbligi li r-rispett tagħhom ikunu tal-anqas parzjalment fl-interess personali tax-xerrej għandhom jkunu evalwati bil-kunsiderazzjoni ta' dan il-punt.

(13)  Jiġifieri l-ispejjeż tal-akkwist imġarrba mill-awtorità pubblika kkonċernata.

(14)  Is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, UE:C:2004:234, paragrafu 44).

(15)  Is-sentenza f'Philip Morris Holland BV v il-Kummissjoni, C-730/79, UE:C:1980:209, paragrafi 11-12; sentenza f'Fesil ASA u Finnfjord Smelteverk AS v l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, il-Kawżi Konġunti E-5/04, E-6/04, E-7/04, EFTA Ct. Rep. 2005, p. 117, paragrafu 94 u s-sentenza f'Libert u oħrajn, il-Kawżi Konġunti C-197/11 u C-203/11, UE:C:2013:288, paragrafi 76-78.

(16)  Ara wkoll id-Deċiżjoni Nru 225/15/COL tal-10 ta' Ġunju 2015, li ma qajmet l-ebda oġġezzjoni għal għajnuna fil-forma ta' trasferiment ta' art lil Vålerenga Fotball, paragrafu 31.

(17)  Il-muniċipalità ta' Sandefjord akkwistat art li aktar tard ġiet maqsuma fil-plottijiet 152/96 u 152/97 għal NOK 3,7 miljun. Il-valur ta' NOK 1,9 miljun jirriżulta mit-tqassim tal-ammont skont id-daqs rispettiv taż-żewġ plottijiet.

(18)  Dan huwa muri wkoll min-nuqqas ta' valutazzjoni esperta indipendenti, li hija meħtieġa skont il-liġi tal-kumpaniji Norveġiżi għal tranżazzjonijiet bejn kumpaniji fl-istess grupp.

(19)  Ara wkoll id-Deċiżjoni Nru 225/15/COL tal-10 ta' Ġunju 2015, li ma qajmet l-ebda oġġezzjoni għal għajnuna fil-forma ta' trasferiment ta' art lil Vålerenga Fotball, premessa 65.

(20)  Ara b'mod partikolari l-informazzjoni pprovduta fid-dokument Nru 699518, paġna 29.