20.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/109


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 157/12/COL

tad-9 ta’ Mejju 2012

dwar il-bejgħ ta’ art gnr 271/8 mill-muniċipalità ta’ Oppdal

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-AWTORITÀ”),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u partikolarment l-Artikolu 61 u l-Protokoll 26,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-Istabbiliment ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (“il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u 7(2) tal-Parti II,

Wara li kkunsidrat il-verżjoni kkonsolidata tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 27 tal-Parti II tal-Protokoll 3 (“id-Deċiżjoni dwar id-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni”) (1),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (2), u wara li tqiesu l-kummenti tagħhom

Billi:

I.   FATTI

1   Il-Proċedura

Bl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2008 (Avveniment Nru 484519), Oppdal Booking AS (minn issa 'l quddiem "OB"), il-kwerelant, ippreżentat ilment kontra l-intenzjoni tal-muniċipalità ta’ Oppdal (minn issa ‘il quddiem “il-Muniċipalità”) li tbiegħ il-proprjetà gnr 271/8 (minn issa ‘l quddiem “il-propjetà”) f’Oppdal lil Strand Drift Oppdal AS (minn issa ‘l quddiem “SDO”).

Bl-ittra tad-9 ta’ Lulju 2008 (Avveniment Nru 485146), l-Awtorità talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Norveġiżi.

B’ittra tat-8 ta' Settembru 2008 (Avveniment Nru 491369), ix-xerrej, SDO, issottomettiet kummenti lill-Awtorità. B’ittra datata t-9 ta’ Settembru 2008 (Avveniment Nru 490914), l-awtoritajiet Norveġiżi wieġbu għat-talba għal aktar informazzjoni. B’ittra tal-1 ta' Ottubru 2008 (Avveniment Nru 493593), il-kwerelant issottometta aktar informazzjoni.

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 417/10/COL sabiex tinizjala l-proċedura formali ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3 (“id-deċiżjoni ta’ ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment ŻEE tagħha (3). L-Awtorità sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni.

B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2010 (Avveniment Nru 579649), l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-kummenti tagħhom (u dawk ta’ SDO) dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

2   Il-Kronoloġija tal-avvenimenti

B’ittra tas-7 ta’ Frar 2007 (4), SDO ipproponiet permezz ta’ applikazzjoni lill-muniċipalità, li tibni faċilità tas-servizzi għal klijenti taċ-ċentru tal-iskijjar fuq il-proprjetà gnr 271/8. Il-proprjetà tkun trid tiġi riklassifikata għall-użu taż-żona għal dan l-iskop.

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007 (5) SDO, esprimiet interess fix-xiri tal-proprejtà. F’ittra tat-30 ta’ Novembru 2007 (6), il-muniċipalità wieġbet li l-interess fix-xiri tal-proprjetà ma jitqiesx sakemm iż-żona tkun ġiet riklassifikata.

Fil-31 ta’ Marzu 2008, iż-żona ġiet riklassifikata (7). B’ittra tat-23 ta’ April 2008 (8), OB rreġistrat ilment dwar id-deċiżjoni ta’ riklassifikazzjoni tal-proprjetà. B’ittra tas-7 ta’ Mejju 2008 (9), il-muniċipalità infurmat lil SDO li bħala konsegwenza tal-ilment, l-interess tagħha li tixtri l-proprjetà ma setax jiġi kkunsidrat sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-ilment. Fis-26 ta’ Mejju 2008, il-muniċipalità ddeċidiet li ma ssostnix l-ilment ta’ OB fir-rigward tar-riklassifikazzjoni tal-proprjetà iżda li tirreferi l-ilment lill-Uffiċċju għal Oppland tal-Gvernatur tal-Kontea (Fylkesmannen) (10).

B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2008 (11), OB esprimiet interess fix-xiri tal-proprejtà, fil-każ li l-ilment tagħha ma jkunx sostnut mill-uffiċċju tal-amministratur tal-kontea. Permezz ta’ ittra tas-6 ta' Ġunju 2008 (12), il-muniċipalità infurmat lil SDO li ma kienitx se tikkunsidra l-interess tal-kumpanija (SDO) biex tixtri l-proprjetà qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Gvernatur tal-Kontea fil-każ ta’ lment. Barra minn hekk, il-muniċipalità enfasizzat li hija ma kinitx tat lil SDO l-opzjoni biex tixtri l-proprjetà (13).

Fit-30 ta’ Ġunju 2008, il-kumitat eżekuttiv tal-muniċipalità ddeċieda li jikseb żewġ valutazzjonijiet tal-valur tal-proprjetà u wara jipproċedi bin-negozjati ta’ bejgħ ma’ SDO (14). B’ittra tat-3 ta’ Lulju 2008 (15), OB ippreżentat ilment mal-Awtorità kontra l-intenzjoni tal-Awtorità li tbiegħ il-proprjetà lil SDO.

B’ittra tal-10 ta’ Lulju 2008 (16), OB talbet aċċess għaż-żewġ valutazzjonijiet tal-valur indipendenti.

Fis-16 ta’Lulju 2008 (17), SDO u l-muniċipalità ltaqgħu biex jiddiskutu abbozz ta’ kuntratt tal-bejgħ tal-proprjetà. Il-muniċipalità infurmat lil SDO dwar il-valutazzjonijiet indipendenti u l-prezz tal-bejgħ tal-proprjetà. Il-prezz tal-bejgħ kien iffissat għal NOK 850 000 (f’konformità mal-istimi indipendenti tal-valur). SDO ngħatat sas-17 ta’ Lulju 2008 biex tevalwa l-kuntratt filwaqt li l-muniċipalità ppjanat li tasal għal deċiżjoni dwar il-bejgħ f’laqgħa fl-24 ta’ Lulju 2008 (18). SDO ffirmat il-kuntratt fit-18 ta’ Lulju 2008 (19).

B’ittra datata tat-23 ta’ Lulju 2008 (20), OB għamlet offerta ta’ NOK 3.1 miljun fuq il-proprjetà.

Il-muniċipalità ta’ Oppdal iffirmat il-kuntratt ta’ bejgħ ma’ SDO fil-31 ta’ Lulju 2008 (21).

3   L-ilment

F’Lulju 2008, OB irreġistrat ilment mal-Awtorità li fih allegat li l-muniċipalità ta’ Oppdal kellha l-intenzjoni li tbiegħ proprjetà gnr 271/8 lil SDO mingħajr offerta pubblika. Il-proprjetà kienet parti minn żona rregolata għall-ipparkjar, qabel ir-riklassifikazzjoni, għall-klijenti ta’ faċilità tal-iskijjar fil-qrib.

OB hija s-sid u l-operatur tal-faċilità tal-iskijjar ta’ Oppdal u tan-negozji relatati. Ix-xerrejja tal-plott in kwistjoni, SDO, hija kompetitriċi ta’ OB, li preċedentement kienet kriet proprjetà minn OB għan-negozju tagħha relatat ma’ tagħmir għall-iskijjar u servizzi ta’ taħriġ għall-iskijjar. Wara li OB żiedet il-kera, SDO bdiet tfittex post ġdid (22).

Fl-ilment, OB allegat li l-proprjetà kienet se tinbiegħ mingħajr offerta pubblika, kif deskritt fil-linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità dwar elementi ta’ għajnuna mill-Istat fil-bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi (“il-Linji Gwida) (23) Taqsima 2.1. Barra minn dan, OB sostniet li l-muniċipalità ma aġixxietx skont il-proċedura alternattiva deskritta fit-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida, peress li n-negozjati ta’ bejgħ bdew max-xerrej potenzjali qabel ma nkisbet valutazzjoni indipendenti tal-proprjetà (24).

Barra minn hekk, OB sostniet li ma kienx ċar fuq liema prinċipji kienu bbażati r-rapporti ta’ valutazzjoni. OB allegat li l-offerta tagħha ta’ NOK 3.1 miljun, ibbażata fuq l-istess sfruttar tal-proprjetà bħax-xerrej, uriet li l-prezz tas-suq ma kienx rifless fil-prezz tal-bejgħ. Barra minn hekk, OB sostniet li ma setgħetx titqies bħala xerrej b’interess partikolari, fil-proprjetà (25).

4   Ir-Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

L-Awtorità fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq il-bażi li l-bejgħ tal-art tal-muniċipalità ta’ Oppdal lil Strand Drift Oppdal AS seta’ kien jinkludi fih għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk il-prezz tal-bejgħ kienx jirrifletti l-prezz tas-suq tal-proprjetà u jekk kienx hemm xi għajnuna illegali mill-Istat. Bħala regola ġenerali, fl-opinjoni tal-Awtorità, f’sitwazzjonijiet fejn il-muniċipalità tirċievi offerta ogħla konflinġenti fuq proprjetà wara valutazzjoni esperta indipendenti, il-muniċipalità għandha tagħmel skrutinju aktar mill-qrib tal-ogħla offerta sabiex tiżgura li l-proprjetà tkun mibjugħa bil-valur tas-suq. Dan jista’ jsir billi jew tintalab valutazzjoni oħra tal-proprjetà jew stima mill-ġdid minn stimatur espert indipendenti.

L-Awtorità rreferiet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C35/2006 (26) li tittratta l-bejgħ ta’ art mill-muniċipalità Svediża ta’ Åre, fejn il-muniċipalità kienet irċeviet offerta ogħla konflinġenti fuq il-proprjetà.

Barra minn hekk, l-Awtorità esprimiet dubji, dwar jekk il-bejgħ ta’ art jistax jitqies kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE, speċjalment fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE.

5   Kummenti min-naħa tal-awtoritajiet Norveġiżi

B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2010 (27), l-awtoritajiet Norveġiżi rreferu għall-ittra tagħhom lill-Awtorità tad-9 ta’ Settembru 2008 (28).

Fl-ittra tad-9 ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-pożizzjoni li l-proċedura deskritta fil-paragrafu 2.2 tal-Linji Gwida ġiet rispettata u għalhekk l-ebda għajnuna mill-Istat ma hija involuta fit-transazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li l-valutazzjonijiet tal-esperti nkisbu qabel kull negozjati ta’ bejgħ ma’ SDO u li r-rapporti jirriflettu l-prezz tas-suq tal-proprjetà. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw ħarsa ġenerali prodott mill-muniċipalità ta’ Oppdal li turi li l-prezz għall-proprjetà huwa l-ogħla prezz imħallas magħruf lill-muniċipalità għal kull metru kwadru.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li l-prezz tas-suq għandu jirrifletti l-valur li xerrej regolari jkun lest li jħallas għall-proprjetà, bl-esklużjoni ta’ xerrejja b’interessi speċjali. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu li l-offerta ta’ OB ta’ NOK 3.1 miljun għandha titqies bħala ġejja minn parti b’interess partikolari peress li OB għandha pożizzjoni dominanti fis-suq lokali tas-servizzi għall-iskijjar u hi għalhekk disposta li tħallas prezz għoli b’mod eċċessiv biex telimina l-kompetituri mis-suq. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu li l-valur indikat mill-istimaturi esperti jirrifletti l-valur attwali tas-suq tal-proprjetà.

6   Kummenti minn Strand Drift Oppdal AS  (29)

SDO tissottometti li l-każ preżenti u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C35/2006 ma jistgħux jitqabblu. Fid-deċiżjoni C35/2006, il-valutazzjonijiet indipendenti tal-proprjetà twettqet kważi sentejn u nofs qabel sar il-bejgħ u li matul perjodu ta’ żmien daqshekk twil, il-valur tal-art seta’ nbidel b’mod sinifikanti. It-tieni, SDO targumenta li l-fatti tal-każ C35/2006 juru li mhux ċar jekk il-valutazzjoni indipendenti ntużatx biex jiġi ddeterminat il-valur tal-kuntratt. Fil-każ preżenti, min-naħa l-oħra, SDO tissottometti li l-bejgħ tal-art sar skont il-Linji Gwida tal-Awtorità, Taqsima 2.2.

SDO issostni wkoll li l-offerta ta’ OB tidher li hija parti minn strateġija biex issir l-uniku fornitur ta’ servizzi għall-iskijjar fis-suq lokali, li, skont SDO, jispjega għaliex OB għamlet offerta li tiżboq sewwa l-valur tas-suq tal-proprjetà. SDO tirreferi wkoll għall-informazzjoni mogħtija mill-Muniċipalità ta’ Oppdal f’ħarsa ġenerali bid-data tad-29 ta’Awwissu 2008 (30) li turi li l-prezz tal-bejgħ għall-proprjetà huwa l-ogħla prezz għal kull metru kwadru magħruf għal Muniċipalità.

Barra minna dan, SDO tissottometti li l-kwerelant xtara proprjetajiet fiż-żona għal prezzijiet konsiderevolment aktar baxxi mill-prezz tal-bejgħ fil-każ preżenti. SDO tipproponi wkoll li skont il-liġi kuntrattwali Norveġiża, kuntratt jiġi konkluż u jsir vinkolanti jekk il-partijiet ikun qablu mal-kundizzjonijiet, irrispettivament minn jekk il-kuntratt attwali jkunx ġie ffirmat. Għalhekk, SDO hija tal-opinjoni li l-muniċipalità ta’ Oppdal kienet obbligata bil-liġi li tbiegħ il-proprjetà lil SDO fiż-żmien li OB ssottomettiet l-offerta tagħha.

SDO tqis li l-bejgħ tal-proprjetà sar bil-valur tas-suq, meta wieħed iqis li l-prezz tal-bejgħ huwa bbażat fuq il-valutazzjoni ta’ żewġ esperti indipendenti skont il-Linji Gwida tal-Awtorità. Għalhekk, SDO targumenta li l-ebda għajnuna mill-Istat ma hija involuta.

II.   EVALWAZZJONI

Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huwa kif ġej:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal biex ixxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli ma’ dan il-Ftehim.”

6.1   Il-Linji Gwida dwar Elementi ta’ Għajnuna mill-Istat fil-Bejgħ ta’ Art u Bini minn Awtoritajiet Pubbliċi  (31).

L-għajnuna trid tkun mogħtija mill-istat jew minn riżorsi tal-istat Il-muniċipalitajiet huma meqjusa, għal finijiet tal-għajnuna mill-Istat, bħala parti mill-Istat, u għalhekk ir-riżorsi tal-muniċipalità ta’ Oppdal jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat.

Il-Linji gwida għall-Għajnuna mill-Istat dwar l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat f’bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi (“il-Linji Gwida”) jagħtu aktar gwida dwar kif l-Awtorità tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat meta din tkun tikkonċerna l-valutazzjoni tal-bejgħ ta’ art u bini pubbliku. It-Taqsima 2.1 tiddeskrivi bejgħ permezz ta’ proċedura ta’ irkant mhux ikkundizzjonata, filwaqt li t-Taqsima 2.2 tiddeskrivi bejgħ permezz ta’ valutazzjoni indipendenti ta’ espert.

Il-bejgħ ta’ artijiet u bini pubbliċi taħt il-valur tas-suq jimplika li huma involuti riżorsi tal-Istat. Madankollu, il-Linji Gwida jipprovdu għal żewġ sitwazzjonijiet fejn, jekk jiġu rispettati l-kundizzjonijiet applikabbli, il-prezz li jitħallas għall-proprjetà jitqies bħala li jkun jikkorrispondi għall-valur tas-suq u għaldaqstant tiġi eskluża l-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat. Kif innutat hawn fuq, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma: (a) il-bejgħ ikun sar permezz ta’ proċess ta’ irkant mhux ikkundizzjonat; u (b) il-bejgħ ikun sar wara valutazzjoni indipendenti ta’ espert.

Fil-każ preżenti, il-muniċipalità ma organizzatax proċess ta’ irkant mhux ikkundizzjonat iżda użat żewġ valutazzjonijiet esperti indipendenti bħala l-bażi għad-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ.

Ir-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida tal-Awtorità jipprovdu li “jekk l-awtoritajiet pubbliċi ma jkollhomx l-intenzjoni li jużaw il-proċedura deskritta fit-Taqsima 2.1, għandu jkun hemm stima indipendenti magħmula minn stimatur indipendenti wieħed jew aktar. Din issir qabel in-negozjati tal-bejgħ sabiex jkun stabbilit il-valur tas-suq fuq il-bażi ta’ indikaturi tas-suq ġeneralment aċċettati u tal-istandards tal-istimar. II-prezz tas-suq li jkun stabbilit huwa l-prezz tax-xiri minimu li jista’ jkun maqbul mingħajr ma tkun ingħatat għajnuna mill-Istat.

L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li l-muniċipalità ta’ Oppdal ordnat żewġ valutazzjonijiet, mill-istimaturi indipendenti s-Sur Geir Husebø u s-Sur Ragnar Lian. Dawn saru f’Lulju 2008, rispettivament fis-7 u fid-9 ta’ Lulju. Filwaqt li SDO uriet interess fil-proprjetà fi Frar 2007 u aktar tard dik is-sena indikat interess fix-xiri tal-proprjetà, l-awtoritajiet Norveġiżi ma kkonċedu l-ebda opżjoni għax-xiri tal-proprjetà, u m’hemmx indikazzjonijiet fil-korrispondenza pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi li kien sar xi ftehim dwar negozjati ta’ bejgħ jew xi ftehim rigward il-prezz tax-xiri qabel ma saru magħrufa l-konklużjonijiet taż-żewġ valutazzjonijiet esperti. Iż-żewġ rapporti stmaw valur simili tas-suq tal-proprjetà simili, NOK 800 000 u NOK 850 000 rispettivament.

6.2   Il-bejgħ tal-proprjetà

Kif indikat l-Awtorità fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Linji Gwida ma jindirizzawx b’mod espliċitu sitwazzjoni fejn tidħol offerta ogħla konfliġġenti wara li jkun wasal ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-espert iżda qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. L-Awtorità tikkunsidra li f’tali sitwazzjoni, is-sottomissjoni ta’ offerta ogħla konfliġġenti tista’ tqajjem dubji dwar jekk l-evalwazzjonijiet tal-esperti jkunux jirriflettu l-valur attwali fis-suq tal-proprjetà.

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-Awtorità rreferiet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C35/2006, li ttrattat sitwazzjoni fejn saret offerta wara li ġiet riċevuta l-valutazzjoni esperta. Fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni ddikjarat:

Anke li kieku l-evalwazzjoni minn espert saret skont din il-Komunikazzjoni  (32), jiġifieri evalwazzjoni tal-biċċa art li attwalmenti kienet se tinbiegħ magħmula ftit qabel ma sar il-bejgħ tagħha u fuq il-bażi ta’ l-istandards ta’ evalwazzjoni ġeneralment aċċettati, din l-evalwazzjoni kienet se tkun strument inferjuri biex tiddetermina l-prezz fis-suq tal-art, fin-nuqqas ta’ offerti bi prezzijiet reali. Mill-mument li offerta kredibbli u li torbot tkun sottomessa u sakemm l-offerta tkun direttament kumparabbli ma’ u ogħla mill-istima tal-prezz skont l-evalwazzjoni, din ta’ qabel għandha tieħu preferenza. l-offerta tistabilixxi prezz fis-suq reali u għandha tiġi kkunsidrata bħala prokura aħjar għar-riżorsi tal-Istat mitlufin minn evalwazzjoni minn espert (33).

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet appellata quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali (34) ma qablitx mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u sabet li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat fit-transazzjoni tal-bejgħ ta’ artijiet. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-offerta ogħla konfliġġenti la kienet kredibbli u lanqas komparabbli mal-offerta aċċettata mill-muniċipalità (35). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li huwa importanti li wieħed iqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ meta jiġi determinat jekk offerta konfliġġenti tkunx tista’ titqies bħala komparabbli (36).

Fil-każ preżenti, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew li OB kienet xerrejja b’interess speċjali fil-proprjetà u bħala konsegwenza ta’ dan l-interess speċjali, OB kienet lesta tħallas prezz għoli b’mod abnormali għall-proprjetà biex ma tħallis lil SDO tistabbilixxi negozju li jikkompeti ma’ tagħha. OB hija l-fornitur dominanti tas-servizzi tal-iskijja fil-faċilità tal-iskijjar. In-negozju ta’ SDO ikun f’kompetizzjoni diretta mas-servizzi pprovduti minn OB u jkun ta' theddida għall-pożizzjoni dominanti ta’ OB fis-suq. OB oġġezzjonat għar-riklassifikazzjoni tal-proprjetà u meta l-ilment tagħha ġie rifjutat, OB riedet tixtri l-proprjetà. Dan juri l-intenzjonijiet ta’ OB. OB tista’ għalhekk titqies bħala li għandha interess speċjali fil-proprjetà. L-interess speċjali ta’ OB huwa rifless fl-offerta għolja; l-offerta mressqa minn OB kienet iktar minn tliet darbiet ogħla (NOK 3 100 000) mill-prezz stabbilit mill-esperti indipendenti u l-Awtorità ma għandhiex indikazzjonijiet li l-valutazzjonijiet tal-valur imwettqa mill-esperti indipendenti kellhom xi nuqqasijiet. Fil-każ preżenti, l-Awtorità tikkunsidra li l-offerti magħmula minn SDO u minn OB mhumiex komparabbli minħabba l-interess speċjali ta’ OB fil-proprjetà. Bħala konsegwenza ta’ dan l-interess speċjali, OB hija lesta li tagħmel offerta għolja b’mod eċċessiv fuq il-proprjetà. Din l-offerta għalhekk ma tistax titqies bħala komparabbli mal-offerta magħmula minn SDO, li tirrifletti l-valur tal-proprjetà stabbilit mill-esperti indipendenti.

Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, l-Awtorità tikkonkludi li l-proprjetà nbiegħet bil-prezz tas-suq skont il-proċedura stipulata fit-taqsima 2.2 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tqis li ma kienet involuta l-ebda għajnuna mill-Istat fil-bejgħ tal-proprjeta mill-muniċipalità ta’ Oppdal lil SDO peress li l-offerta konfliġġenti magħmula minn OB għandha titqies bħala waħda li ġejja minn xerrej b’interess speċjali fil-proprjetà. L-Awtorità b’hekk tqis li l-bejgħ sar bil-valur tas-suq skont il-proċedura stipulata fit-taqsima 2.2 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi.

7   Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ta’ hawn fuq, l-Awtorità tqis li l-bejgħ tal-proprjetà gnr 271/8 mill-muniċipalità ta’ Oppdal lil Strand Drift Oppdal AS ma kkostitwietx għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fil-Ftehim taż-ŻEE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tikkunsidra li l-bejgħ mill-muniċipalità ta’ Oppdal tal-proprjetà gnr 271/8 lil Strand Drift Oppdal AS ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE.

Artikolu 2

Il-proċedura inizjalata skont l-Artikolu 4(4), moqrija flimkien mal-Artikolu 13, tal-Parti II tal-Protokoll 3 dwar il-bejgħ tal-propjetà gnr 271/8 mill-muniċipalità ta’ Oppdal hija b’dan magħluqa.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 4

Il-verżjoni bl-Ingliż biss ta’ din id-deċiżjoni hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Mejju 2012.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Sabine MONAUNI-TÖMÖRDY

Il-Membru tal-Kulleġġ


(1)  Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/decisions/195-04-COL.pdf

(2)  Ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 34, 3.2.2011, u fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali Nru 6, 3.2.2011.

(3)  Dawn id-dokumenti ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 34, 3.2.2011, u fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali Nru 6, 3.2.2011

(4)  Avveniment Nru 491369.

(5)  Avveniment Nru 491369.

(6)  Avveniment Nru 491369.

(7)  Ara l-minuti mil-laqgħa 31.03.2008 fil-muniċipalità ta’ Oppdal (l-awtorità tal-kostruzzjoni) (Avveniment Nru 490914).

(8)  Avveniment Nru 491369.

(9)  Avveniment Nru 491369.

(10)  Ara l-minuti mil-laqgħa 26.05.2008 fil-muniċipalità ta’ Oppdal (l-awtorità tal-kostruzzjoni) (Avveniment Nru 490914).

(11)  Avveniment Nru 491369.

(12)  Avveniment Nru 491369.

(13)  Avveniment Nru 491369.

(14)  Ara l-minuti mil-laqgħa 30.6.2008 fil-muniċipalità ta’ Oppdal (l-awtorità tal-kostruzzjoni) (Avveniment Nru 493593).

(15)  Avveniment Nru 484869.

(16)  Avveniment Nru 490914.

(17)  Ara l-minuti minn laqgħa 16.7.2008 - Avveniment Nru 491369.

(18)  Ara l-minuti minn laqgħa 16.7.2008 - Avveniment Nru 491369.

(19)  Ara l-kuntratt ta’ bejgħ iffirmat bejn SDO u l-muniċipalità ta’ Oppdal (Avveniment Nru 490914).

(20)  Avvenimenti Nri 491369 u 493593.

(21)  Ara l-kuntratt ta’ bejgħ iffirmat bejn SDO u l-muniċipalità ta’ Oppdal (Avveniment Nru 490914).

(22)  Avveniment Nru 491369.

(23)  Dan il-Kapitolu tal-Linji Gwida jikkorrispondi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna mill-Istat fil-bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi (ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3) disponibbli wkoll fil-websajt: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

(24)  Avveniment Nru 493593.

(25)  Avveniment Nru 493593.

(26)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.1.2008 fil-każ C 35/06, ĠU 2008, 14.5.2008, L 126/3.

(27)  Avveniment Nru 579649.

(28)  Avveniment Nru 490914.

(29)  Avveniment Nru 579649.

(30)  Avveniment Nru 490914.

(31)  Jinsab fuq il-websajt: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

(32)  Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat dwar elementi ta’ għajnuna mill-Istat dwar bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi tikkorrispondi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna mill-Istat dwar bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi (ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3).

(33)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.1.2008 fil-każ C 35/06, ĠU 2008, 14.5.2008, L 126/3, paragrafu 59.

(34)  Il-Kawża T-244/08 Konsum Nord v il-Kummissjoni, Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2011, li għadha mhux irraportata.

(35)  Il-Kawża T-244/08 Konsum Nord vs il-Kummissjoni, paragrafi 72 – 76.

(36)  Il-Kawża T-244/08 Konsum Nord vs il-Kummissjoni, paragrafu 73.