11.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 136/8


SENTENZA TAL-QORTI

tat-23 ta’ Jannar 2012

fil-Kawża E-2/11

STX Norway Offshore AS u Oħrajn vs l-Istat tan-Norveġja, irrappreżentat mill-Bord tat-Tariffa

(Il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi – Id-Direttiva 96/71/KE – L-istazzjonar tal-ħaddiema – Ir-rati minimi ta’ ħlas – Il-massimu ta’ sigħat tax-xogħol – Ir-remunerazzjoni għall-assenjazzjonijiet ta’ xogħol li jeħtieġu waqfa matul il-lejl – Il-kumpens għall-ispejjeż)

2012/C 136/05

Fit-TALBA lill-Qorti fil-Kawża E-2/11 STX Norway Offshore AS u Oħrajn vs L-Istat tan-Norveġja, irrappreżentat mill-Bord tat-Tariffa – li saret skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja, minn Borgarting lagmannsrett (Il-Qorti tal-Appell ta’ Borgarting, in-Norveġja), rigward il-kompatibbiltà mal-liġi taż-ŻEE tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg previsti fi ftehim kollettiv iddikjarat universalment applikabbli fi ħdan l-industrija tal-kostruzzjoni marittima u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 3 tal-att imsemmi fil-punt 30 tal-Anness XVIII għall-Ftehim taż-ŻEE, jiġifieri id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, kif ġiet adattata għall-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Protokoll 1 tiegħu, il-Qorti, magħmula minn Carl Baudenbacher, President, Per Christiansen u Páll Hreinsson (Imħallef-Relatur), Imħallfin, tat sentenza fit-23 ta’ Jannar 2012, li l-parti operattiva tagħha hija kif ġej:

(1)

It-terminu “il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ” stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE, ikopri t-termini u l-kundizzjonijiet rigward “il-massimu ta’ sigħat tax-xogħol normali”, bħal dawk deskritti fit-talba għal Opinjoni Konsultattiva.

(2)

L-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tad-Direttiva 96/71/KE, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 36 taż-ŻEE, fil-prinċipju, jipprekludi lil Stat taż-ŻEE milli jirrikjedi lil impriża stabbilita fi Stat ieħor taż-ŻEE li tkun tipprovdi servizzi fit-territorju tal-ewwel Stat biex tħallas lill-ħaddiema tagħha remunerazzjoni minima ffissata permezz tar-regoli nazzjonali ta’ dak l-Istat għal assenjazzjonijiet ta’ xogħol li jeħtieġu waqfiet matul il-lejl il-bogħod mid-dar, sakemm ir-regoli li jipprovdu għal tali remunerazzjoni addizzjonali jkollhom għan ta’ interess pubbliku u l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx sproporzjonata. Huma l-awtoritajiet nazzjonali jew, skont kif ikun il-każ, il-qrati tal-Istat taż-ŻEE ospitanti, li se jiddeterminaw jekk dawk ir-regoli fil-fatt għandhomx għan ta’ interess pubbliku u jagħmlu dan bil-mezzi xierqa.

(3)

Id-Direttiva 96/71/KE ma tippermettix lil Stat taż-ŻEE jiżgura lill-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tiegħu minn Stat taż-ŻEE ieħor kumpens għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-ikel u l-akkomodazzjoni fil-każ ta’ assenjazzjonijiet ta’ xogħol li jeħtieġu ljieli l-bogħod mid-dar, sakemm dan ma jistax jiġi ġġustifikat fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ politika pubblika.

(4)

Il-proporzjon tal-impjegati koperti mill-ftehim kollettiv rilevanti, qabel ġie ddikjarat universalment applikabbli, ma għandu l-ebda influwenza fuq it-tweġibiet għal-Mistoqsijiet 1(a), 1(b) u 1(c).