18.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/4


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2021/C 466/04)

Image 1

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva ta’ żewġ euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Belġju

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li tintuża d-denominazzjoni ta’ żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż tal-ħruġ: Il-Belġju

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-ħames mitt anniversarju mid-dehra tal-ordinanza tat-tieni perjodu ta’ ħruġ ta’ muniti matul ir-renju ta’ Karlu V.

Id-deskrizzjoni tad-disinn: L-aktar munita famuża hija l-guilder Carolus tad-deheb. L-insegwiment tal-uniformità u ċ-ċentralizzazzjoni ta’ Karlu V ġie espress ukoll f’din is-sensiela ta’ muniti. Kważi 500 sena wara li Karlu V introduċa l-guilder Carolus tal-fidda, kien qed jidher fuq xi muniti tal-ECU. L-ECU, li kienet għall-Unità tal-Munita Ewropea, kienet il-prekursur tal-euro.

In-naħa nazzjonali tal-munita turi fil-parti ta’ ġewwa tal-biċċa r-ritratt ta’ Karlu V, flimkien mat-test Carolus V. Fuq ix-xellug tista’ ssib il-guilder Carolus tad-deheb li għandu 500 sena, maħruġ wara l-ordinanza tat-tieni perjodu ta’ ħruġ ta’ muniti matul ir-renju ta’ Karlu V. Billi z-Zekka Rjali Olandiża se toħroġ il-muniti, il-marka taz-zekka ta’ Utrecht, bakketta tal-merkurju tinsab fil-qiegħ flimkien mal-marka tad-direttur taz-zekka Belġjan, l-arma tal-muniċipalità ta’ Herzele. Fiha wkoll l-inizjali LL, b’referenza għad-disinjatur tal-munita, Luc Luycx. Il-kodiċi tal-pajjiż BE u l-marka tas-sena 2021 jinsabu fil-qiegħ. Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu:155 000 munita

Id-data tal-ħruġ: Ħarifa 2021


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, pp. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, pp. 52).