17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 464/17


Sejħa għall-proposti 2022 — EAC/A10/2021

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

(2021/C 464/05)

1.   Introduzzjoni u objettivi

Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll fuq il-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-2022 tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (C(2021)7860). Il-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkopri l-perjodu bejn l-2021 u l-2027. L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jinsabu fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

2.   Azzjonijiet

Din is-sejħa għall-proposti tkopri dawn l-azzjonijiet tal-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà:

Proġetti ta’ Volontarjat

Timijiet ta’ Volontarjat f’Oqsma ta’ Prijorità Għolja

Proġetti ta’ Solidarjetà

Tikketta tal-Kwalità għall-attivitajiet ta’ volontarjat ta’ solidarjetà

Tikketta tal-Kwalità għall-volontarjat ta’ għajnuna umanitarja

Volontarjat fil-kuntest tal-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja

3.   Eliġibbiltà

Kwalunkwe entità pubblika jew privata kemm jekk mingħajr skop ta’ qligħ kif ukoll jekk tagħmel profitt, lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali tista’ tapplika għall-finanzjament fil-kuntest tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Barra minn hekk, gruppi ta’ żgħażagħ irreġistrati fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, jistgħu japplikaw għall-finanzjament għal Proġetti ta’ Solidarjetà.

Il-pajjiżi li ġejjin (1) jistgħu jieħdu sehem b’mod sħiħ fl-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà:

is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi u t-Territorji extra Ewropej,

il-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm:

il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE: l-Iżlanda u l-Liechtenstein,

il-pajjiżi kandidati tal-UE (2): ir-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

Barra minn hekk, ċerti azzjonijiet huma miftuħa għal entitajiet legalment stabbiliti f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.

Jekk jogħġbok għal aktar dettalji dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni, ara l-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tal-2022.

4.   Baġit u durata tal-proġetti

Il-baġit totali allokat għal din is-sejħa għall-proposti huwa stmat għal EUR 138 800 000.

Il-baġit totali allokat għas-sejħa għall-proposti, kif ukoll it-tqassim tiegħu huma indikattivi u soġġetti għall-adozzjoni tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tal-2022 u jistgħu jiġu mmodifikati soġġett għal emenda tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. L-applikanti potenzjali huma mistiedna jikkonsultaw regolarment il-Programmi ta’ Ħidma Annwali għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-emendi tagħhom, ippubblikati fuq: https://europa.eu/youth/solidarity/organisations/reference-documents-resources

L-għotjiet u d-durata tal-proġetti jvarjaw skont fatturi bħat-tip ta’ proġett u t-tipi ta’ applikanti eliġibbli.

5.   Data ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet imsemmija hawn taħt jistgħu jitressqu san-12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Proġetti ta’ Volontarjat

it-23 ta’ Frar 2022

(sessjoni fakultattiva)

l-4 ta’ Ottubru 2022

Proġetti ta’ Solidarjetà

it-23 ta’ Frar 2022

(sessjoni fakultattiva)

l-4 ta’ Mejju 2022

l-4 ta’ Ottubru 2022

L-applikazzjonijiet imsemmija hawn taħt jistgħu jitressqu sal- 17.00, ħin ta’ Brussell.

Timijiet ta’ Volontarjat f’Oqsma ta’ Prijorità Għolja

is-6 ta’ April 2022

Volontarjat fil-kuntest tal-Korp ta’ Għajnuna Umanitarja

it-3 ta’ Mejju 2022

L-applikazzjonijiet għat-Tikketta tal-Kwalità jistgħu jiġu ppreżentati fuq bażi kontinwa.

Jekk jogħġbok ara l-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tal-2022 għal aktar struzzjonijiet dettaljati dwar it-tressiq tal-applikazzjonijiet.

6.   Informazzjoni fid-dettall

Il-kundizzjonijiet fid-dettall ta’ din is-sejħa għall-proposti, inkluż il-prijoritajiet, jistgħu jinstabu fil-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tal-2022 fuq dan l-indirizz tal-internet: https://europa.eu/youth/solidarity/organisations/calls-for-proposals

Il-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tal-2022 hija parti integrali minn din is-sejħa għall-proposti u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u għall-finanzjament li jissemmew fiha japplikaw bis-sħiħ għal din is-sejħa.


(1)  Entitajiet legalment stabbiliti u persuni legalment residenti f’dawn il-pajjiżi.

(2)  Soġġett għall-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bilaterali