28.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 150/7


SEJĦA GĦAL PROPOSTI

GR/002/21

Appoġġ għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-Proprjetà Intellettwali u l-ħsara kkawżata mill-falsifikazzjoni u l-piraterija

(2021/C 150/04)

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Din is-sejħa għal proposti għandha l-għan li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI) u dwar il-ħsara kkawżata mill-ksur ta’ dawn id-drittijiet billi tiġi enfasizzata liż-żgħażagħ Ewropej l-importanza tal-PI fl-appoġġ għall-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Hija għandha l-għan li żżid l-għarfien u li tinvolvi lil udjenzi prijoritarji biex jitrawwem ir-rispett għad-drittijiet ta’ PI, bl-għan li fl-aħħar mill-aħħar tinbidel l-imġiba tan-nies billi jitnaqqas ix-xiri tagħhom ta’ oġġetti ffalsifikati u l-aċċess tagħhom għal kontenut diġitali minn sorsi illegali.

L-objettivi speċifiċi tas-sejħa huma li:

jiżdied l-għarfien tal-valur tal-PI bħala għodda li tipproteġi l-kreattività u l-innovazzjoni, billi tipprovdi informazzjoni konkreta u oġġettiva dwar il-PI f’dan il-kuntest u billi żżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħsara kkawżata mill-ksur tad-DPI;

jiġu involuti udjenzi prijoritarji fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ ingranaġġ rilevanti u speċjalment ta’ kif l-udjenzi jistennew li jiġu indirizzati dwar dawn il-kwistjonijiet (b’mod mhux patronizzanti, b’mod objettiv u newtrali), bl-għan li tinbidel l-imġiba u li titnaqqas l-attreanza tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija.

Ir-riżultati mistennija għandhom:

b’mod xieraq u bi spiża aċċettabbli, inkuż permezz tal-użu ottimizzat ta’ soluzzjonijiet diġitali, jilħqu liċ-ċittadini tal-UE u speċjalment lill-gruppi prijoritarji fil-mira, bħal tfal u żgħażagħ fl-iskejjel u fl-edukazzjoni terzjarja, f’attivitajiet ta’ apprendiment kurrikulari u/jew ekstrakurrikulari. Huwa mistenni wkoll li jintlaħqu għalliema/esperti akkademiċi/edukaturi żgħażagħ futuri, kif ukoll konsumaturi, b’attenzjoni speċjali għall-konsumaturi żgħażagħ (ta’ bejn 15 u 24 sena);

jiffaċilitaw l-involviment ta’ sħab u multiplikaturi rilevanti, bħal assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, influwenzaturi (eż. bloggers u artisti) u multiplikaturi rilevanti oħra li jistgħu jilħqu lill-udjenzi fil-mira permezz ta’ proċess iddefinit b’mod ċar;

jiżguraw is-sostenibbiltà u l-iskalabbiltà tar-riżultati tal-proġett.

Is-sejħa għal proposti tal-2021 hija strutturata madwar żewġ linji ta’ żvilupp:

Linja ta’ Żvilupp 1: L-ilħuq ta’ tfal, żgħażagħ u/jew għalliema/għalliema futuri permezz ta’ attivitajiet edukattivi f’ambjenti ta’ apprendiment akkademiku u mhux akkademiku.

Il-Linja ta’ Żvilupp 1 għandha l-għan li tikkomplementa u tibni sinerġiji mal-proġett PI fl-Edukazzjoni li attwalment qed jiġi ddefinit għall-ħames snin li ġejjin.

(Baġit disponibbli: EUR 400 000. Ammont massimu għal kull proġett: EUR 60 000.)

Speċifikazzjonijiet:

Kamp ta’ applikazzjoni: azzjonijiet edukattivi ġewwa u barra mill-iskola mmirati lejn tfal ta’ età ta’ bejn 6 snin u 18-il sena bejn wieħed u ieħor, iżda wkoll lejn żgħażagħ fl-edukazzjoni terzjarja u/jew professjonisti attwali jew futuri fl-edukazzjoni li huma jew li se jkunu involuti direttament mat-tfal u maż-żgħażagħ (ħarreġ lil min iħarreġ);

L-attivitajiet issuġġeriti jridu jkunu jikkonformaw mal-“Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja” ġodda approvati mill-Kunsill dwar l-Edukazzjoni tat-22 ta’ Mejju 2018, kif ukoll mal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea f’Settembru 2020 u, b’mod partikolari, mal-importanza tal-PI biex jiġu appoġġati l-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija;

Involviment uffiċjali ta’ atturi istituzzjonali, bħal ministeru tal-edukazzjoni jew persuni li jfasslu l-politika/partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, biex japprovaw il-programm u jxerrduh;

Involviment ta’ għalliema u/jew ta’ esperti akkademiċi fl-iżvilupp ta’ materjali u ta’ attivitajiet edukattivi;

Rekord bil-prova ta’ żvilupp ta’ programmi jew ta’ materjali edukattivi għal skejjel jew universitajiet mill-applikant.

Linja ta’ Żvilupp 2: Ilħuq ta’ konsumaturi u speċjalment konsumaturi żgħażagħ.

(Baġit disponibbli: EUR 600 000 Ammont massimu għal kull proġett: EUR 100 000.)

Speċifikazzjonijiet:

Kamp ta’ applikazzjoni: attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-konsumaturi, speċjalment konsumaturi żgħażagħ;

L-attivitajiet iridu jkunu transfruntiera u jinvolvu bosta Stati Membri tal-UE (għandhom jiġu implimentati f’mill-inqas tliet Stati Membri);

Involviment ta’ sħab ta’ ingranaġġ rilevanti għat-tixrid u l-ilħuq lill-udjenzi (influwenzaturi bħal bloggers jew artisti, u multiplikaturi bħall-midja, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur pertinenti, eċċ.);

L-oriġinalità u approċċi moderni/kreattivi se jkunu privileġġati, notevolment dawk diġitali.

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu I tal-Linji Gwida għall-applikanti.

2.   Eliġibbiltà

2.1   Applikanti eliġibbli

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jkunu korpi pubbliċi jew privati rreġistrati f’wieħed mis-27 Stat Membru għal aktar minn sentejn. Entitajiet pubbliċi li jirċievu fondi jew appoġġ mill-EUIPO permezz ta’ miżuri ta’ finanzjament oħra, bħal programmi ta’ kooperazzjoni, u li jkollhom l-istess objettivi bħal din is-sejħa, mhumiex eliġibbli (eż. uffiċċji nazzjonali u reġjonali tal-PI, organizzazzjonijiet internazzjonali).

2.2   Attivitajiet Eliġibbli

Id-durata massima tal-proġetti hija ta’ 12-il xahar.

It-tipi ta’ attività eliġibbli ffinanzjati skont din is-sejħa għal proposti, kemm għal-Linja ta’ Żvilupp 1 kif ukoll għal-Linja ta’ Żvilupp 2, ikopru attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni f’konformità mal-Kapitolu 1, it-Taqsimiet 3 u 4 tal-Linji Gwida għall-Applikanti, inklużi dawn l-eżempji mhux eżawrjenti li ġejjin:

attivitajiet tal-midja u tal-midja soċjali;

produzzjoni u tixrid ta’ materjali jew pubblikazzjonijiet awdjoviżivi;

organizzazzjoni ta’ avvenimenti, fieri, esibizzjonijiet jew attivitajiet ta’ taħriġ li jagħmlu parti mill-proġett speċifiku;

inforikreazzjoni (dibattiti, programmi edukattivi għaż-żgħażagħ, kwizzijiet, logħob vidjo jew programmi tal-mużika, eċċ.);

għodod, attivitajiet u soluzzjonijet ibbażati fuq il-web, eċċ.

Sabiex ikunu eliġibbli, l-attivitajiet iridu jirrispettaw il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament ta’ hawn taħt:

Linja ta’ Żvilupp 1: Baġit ta’ bejn EUR 20 000 u EUR 60 000.

Linja ta’ Żvilupp 2: Baġit ta’ bejn EUR 40 000 u EUR 100 000:

Barra minn hekk, għal-Linja ta’ Żvilupp 2, proposta għandha tipproponi attivitajiet li jseħħu f’mill-inqas tliet Stati Membri tal-UE.

L-attivitajiet/il-proġetti li ġejjin huma ineliġibbli:

proġetti li jikkonċernaw biss, jew prinċipalment, sponsorizzazzjonijiet individwali għal attivitajiet ta’ parteċipazzjoni jew ta’ diskorsi f’sessjonijiet ta’ ħidma, seminars, konferenzi u kungressi, jew xi avvenimenti oħra;

proġetti li jikkonċernaw biss, jew prinċipalment, boroż ta’ studju individwali għal studji jew għal korsijiet ta’ taħriġ;

L-applikanti jistgħu japplikaw għaż-żewġ linji ta’ żvilupp, iżda jistgħu jissottomettu biss proposta waħda f’kull linja ta’ żvilupp. Konsegwentement jistgħu jingħataw għotja f’linja ta’ żvilupp waħda jew fit-tnejn li huma.

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu II tal-Linji Gwida għall-applikanti.

3.   Kriterji ta’ Esklużjoni u tal-Għażla

L-applikanti ma jistgħux ikunu f’sitwazzjoni li teskludihom mill-parteċipazzjoni u/jew mill-għoti kif iddefinit mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1).

L-applikanti jrid ikollhom il-kapaċità finanzjarja u operazzjonali biex iwettqu bis-sħiħ l-attivitajiet proposti.

Jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu II tal-Linji Gwida għall-applikanti għal aktar dettalji dwar id-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu pprovduti.

4.   Kriterji għall-Għoti

Il-kriterji għall-għoti għall-valutazzjoni tal-proposti eliġibbli jiġu allokati minn totali ta’ 100 abbażi tal-ponderazzjoni li ġejja:

Kriterji

Livell limitu minimu

Punteġġ massimu

1-

Rilevanza u interess ġenerali tal-proġett

18

35

2-

Ilħuq

25

50

3-

Metodoloġija u Sostenibbiltà

8

15

Total

51

100

Biex jiġu kkunsidrati għal finanzjament, il-proposti jrid ikollhom punteġġ ta’:

mill-inqas 51 punt b’mod ġenerali u

mill-inqas il-punti minimi f’kull wieħed mill-kriterji

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu II tal-Linji Gwida għall-applikanti.

5.   Baġit

Il-baġit totali disponibbli għall-finanzjament tal-azzjonijiet skont din is-sejħa għal proposti huwa stmat f’livell ta’ EUR 1 000 000 (Linja ta’ Żvilupp 1: EUR 400 000 u Linja ta’ Żvilupp 2: EUR 600 000). Dan l-ammont se jitqassam fuq żewġ annwalitajiet tal-baġit u d-disponibbiltà tal-fondi korrispondenti għall-baġit 2022 se tkun suġġetta għall-adozzjoni tal-baġit mill-awtorità baġitarja tal-Uffiċċju.

L-għotja minima u dik massima se tkun:

 

Linja ta’ Żvilupp 1: minn EUR 20 000 sa EUR 60 000

 

Linja ta’ Żvilupp 2: minn EUR 40 000 sa EUR 100 000

L-Uffiċċju jirriżerva d-dritt li ma jiddistribwixxix il-fondi kollha disponibbli.

6.   Skadenza għas-Sottomissjoni tal-Applikazzjonijiet

Il-pakkett tal-applikazzjoni huwa disponibbli fuq l-Internet fl-indirizz li ġej: https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/grants

L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi lill-EUIPO bl-użu tal-formola ta’ applikazzjoni online (Formola elettronika) mhux aktar tard minn 8 ta’ Ġunju 2021 fis-13:00 (ħin lokali).

Mhumiex se jiġu aċċettati metodi ta’ sottomissjoni oħra tal-applikazzjoni.

L-applikanti għandhom jiżguraw li jiġu pprovduti d-dokumenti kollha mitluba u msemmija fil-Formola elettronika.

L-applikazzjonijiet li ma jinkludux l-annessi kollha stipulati u li ma jiġux sottomessi qabel l-iskadenza mhumiex se jiġu kkunsidrati.

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu IV tal-Linji Gwida għall-applikanti.

7.   Dettalji sħaħ

Il-kundizzjonijiet dettaljati ta’ din is-sejħa għal proposti jistgħu jinstabu fil-linji gwida għall-applikanti f’dan l-indirizz web: https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/grants

L-applikazzjonijiet iridu jikkonformaw mat-termini kollha tal-linji gwida u għandhom jiġu sottomessi fuq il-formoli pprovduti.

8.   Kuntatt

Għal kwalunkwe informazzjoni ulterjuri jekk jogħġbok ikkuntattja din il-kaxxa postali: grants@euipo.europa.eu


(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.