2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 36/4


Wiċċ nazzjonali ġdid għal muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2021/C 36/04)

Image 1

Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Italja

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro kollha. Il-Kummissjoni, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti, tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita: L-Italja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-150 anniversarju tal-istituzzjoni ta’ Ruma bħala Kapitali tal-Italja

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri dettall tad-Dea Roma, skultura ta’ Angelo Zanelli mdaħħla fiċ-ċentru tal-Altare della Patria, altar votiv kbir iddedikat għan-nazzjon Taljan fil-kumpless Vittoriano f’Ruma. Fuq nett, id-didaskalija “ROMA CAPITALE”; fuq il-lemin, id-dati “•1871•2021•”, is-sena tal-proklamazzjoni ta’ Ruma bħala l-Kapitali tal-Italja u dik tal-ħruġ tal-munita rispettivament; fuq ix-xellug, “RI”, akronimu tar-Repubblika Taljana, u “R”, li tidentifika z-Zekka ta’ Ruma; fl-eżergu, “UP”, inizjali tad-disinjatur Uliana Pernazza.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 3 000 000

Id-data tal-ħruġ: Jannar 2021


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).