15.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 167/15 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2020/C 167/07)
Il-wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro għaċ-ċirkulazzjoni u maħruġa minn Monaco.
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita: Monaco
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: It-tliet mitt anniversarju mit-twelid tal-Prinċep Honoré III
Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri x-xbiha tal-Prinċep Honoré III. Fuq ix-xellug hemm l-iskrizzjoni “HONORÉ III” u fuq il-lemin hemm l-isem tal-pajjiżi li qed joħroġ il-munita, “MONACO”. Fil-qiegħ, f’nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni “1720 — Naissance — 2020”.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 15 000
Id-data tal-ħruġ: Fl-1 ta’ Ġunju 2020.
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).